1 – Kif tikseb parir legali

Save as PDF

Please note that the original language version of this page Estonian has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.

Huwa ferm importanti li tikseb parir legali indipendenti jekk b’xi mod tkun involut fil-proċedura kriminali. L-iskedi informattivi jgħidulek meta u f’liema ċirkustanzi jkollok id-dritt li tkun irrappreżentat minn avukat. Huma jgħidulek ukoll dak li se jagħmel għalik l-avukat. Din l-iskeda informattiva ġenerali tgħidlek kif issib avukat u kif jitħallsu d-drittijiet tal-avukat jekk inti ma jkollokx il-possibbiltà li tħallas għall-parir legali.


Bilfors irid ikolli avukat?

Inti jrid ikollok avukat waqt il-proċedura ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali mill-mument meta jkollok l-opportunità li teżamina l-proċess kriminali (ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIskeda Informattiva 2). Qabel dan l-istadju, inti jrid ikollok avukat fil-każijiet li ġejjin:

  • jekk inti kont minorenni meta twettaq id-delitt;
  • jekk ma tistax tiddefendi lilek innifsek minħabba diżabbiltà fiżika jew mentali, jew jekk id-difiża tkun ikkumplikata għalik minħabba diżabbiltà bħal din;
  • jekk tkun issuspettat li wettaqt delitt li għalih tista’ tingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs;
  • jekk il-każ tiegħek jidħol f’kunflitt mal-każ ta’ persuna oħra li jkollha avukat difensur;
  • jekk inti tkun ilek miżmum f’kustodja għal mill-inqas sitt (6) xhur;
  • jekk il-każ tiegħek ikun qed jinstema’ fi proċedura sommarja.

Irid ikollok avukat waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Il-parteċipazzjoni tal-avukat fil-proċess quddiem il-qorti kriminali hija obbligatorja.

Kif issib avukat

Inti għandek id-dritt li tagħżel l-avukat tiegħek li, bi qbil, jirrappreżentak fuq il-bażi ta’ kuntratt. L-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-avukati huma disponibbli fuq il-paġna ewlenija tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Estonjana.

Jekk ma jkollok l-ebda avukat fuq il-bażi ta’ kuntratt, jew jekk l-avukat tiegħek ma jistax jirrappreżentak, inti għandek id-dritt li titlob li jinħatarlek avukat. F’dan il-każ, l-Assoċjazzjoni tal-Avukati Estonjana taħtar avukat sabiex jirrappreżentak.

Id-dritt tiegħek li jkollok avukat maħtur għalik mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati Estonjana ma jiddependix mis-sitwazzjoni ekonomika tiegħek. Ma hemmx għalfejn tiżvela dettalji dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek meta tagħmel talba għal avukat.

Jekk trid li jinħatarlek avukat mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati Estonjana, inti trid tressaq talba quddiem l-aġenzija investigattiva, il-prosekuzzjoni jew il-qorti.

F’ċerti proċedimenti, il-parteċipazzjoni tal-avukat hija obbligatorja. Jekk fi proċedura bħal din, inti ma tkunx għażilt avukat għalik innifsek, l-aġenzija investigattiva, il-prosekuzzjoni jew il-qorti taħtar wieħed għalik. Ma hemmx għalfejn tressaq talba għal avukat.

Kif jitħallas l-avukat

Inti trid tħallas lill-avukat li tkun għażilt int. Id-drittijiet tal-avukat u l-kundizzjonijiet tal-ħlas ikunu inklużi fil-kuntratt li jiġi stipulat mal-klijent.

Jekk ma tridx tqabbad avukat inti, għandek id-dritt li jkollok avukat ipprovdut mill-Istat. L-avukat, li jinħatar mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati Estonjana, jitħallas mill-Istat. Ma għandekx għalfejn tħallas lill-avukat. Jekk il-qorti ssibek ħati, inti tkun obbligat tirrimborża d-drittijiet tal-avukat lill-Istat .

Nista’ nbiddel l-avukat tiegħi?

Inti għandek id-dritt li tbiddel lill-avukat li tkun għażilt. Jekk inħatarlek avukat, inti għandek id-dritt li tbiddel lill-avukat jekk ikun hemm qbil bejn l-avukat oriġinali u l-avukat il-ġdid. Jekk l-avukat maħtur għalik kien inkompetenti jew traskurat, inti għandek id-dritt li tressaq talba quddiem il-qorti biex dan jitneħħa u jinħatar avukat ġdid mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati Estonjana.

Links relatati

L-Assoċjazzjoni tal-Avukati Estonjana


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 08/08/2018