3 – Id-drittijiet tiegħi fil-qorti

Save as PDF

Please note that the original language version of this page Estonian has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.


Fejn isir is-smigħ?

Il-kawżi kriminali kollha jinstemgħu mill- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaqrati tal-kontej. B'mod ġenerali, id-deċiżjoni tittieħed minn imħallef uniku. Il-kawżi kriminali dwar delitt tal-ewwel grad jinstemgħu minn qorti ffurmata minn president tal-qorti u żewġ ġudikanti lajċi.

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali jkun pubbliku?

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali jkun pubbliku.

Il-qorti tista’ tiddikjara l-proċess parzjalment jew għal kollox privat:

  • sabiex tipproteġi sigrieti tal-Istat jew sigrieti kummerċjali;
  • sabiex tipproteġi l-morali, il-familja jew il-ħajja privata;
  • fl-interessi ta’ minorenni;
  • fl-interessi tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, inkluż f’każijiet fejn smigħ pubbliku jista’ jipperikola s-sigurtà tal-qorti, tal-parteċipanti fil-proċedimenti jew tax-xhieda.

L-akkużi jistgħu jinbidlu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Qabel tmiem is-smigħ fil-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni jista’ jbiddel l-akkużi jew iżid mal-akkużi kontra tiegħek. Jekk jiġri dan, l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni jipprepara att ta’ akkuża ġdid. Dan ma jsirx jekk l-akkużi jinbidlu favurik. Jekk l-akkużi jinbidlu, inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt li titolbu li l-kawża tiġi posposta, sabiex tkunu tistgħu tippreparaw id-difiża tiegħek.

X’jiġri jekk niddikjara li jiena ħati ta’ wħud mill-akkużi jew tal-akkużi kollha waqt is-smigħ?

L-istqarrija tiegħek tiġi ttrattata bħala prova tad-delitt. Jekk inti tiddikjara li inti ħati, l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni xorta jrid jistabbilixxi l-ħtija tiegħek permezz ta’ provi oħra.

Bilfors irrid inkun preżenti waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali? Jista’ jsir mingħajri?

L-akkużat bilfors irid ikun preżenti għall-proċess. B’mod eċċezzjonali, is-smigħ jista’ jsir mingħajrek fil-każijiet li ġejjin:

  • meta inti ħloqt disturb waqt is-smigħ, injorajt l-ordnijiet tal-imħallef u ntbgħatt barra mill-awla minħabba f’hekk;
  • inti ma intix fir-Repubblika tal-Estonja, ma dehertx fil-qorti u huwa possibbli li l-kawża tinstema’ fl-assenza tiegħek;
  • fejn wara l-interrogazzjoni tiegħek fil-qorti inti tkun fi stat tali li ma tkunx tista’ tkompli tipparteċipa fil-proċess quddiem il-qorti kriminali u huwa possibbli li l-kawża tinstema’ fl-assenza tiegħek.

Jekk ngħix f’pajjiż ieħor, nista’ nipparteċipa permezz ta’ konnessjoni bil-vidjo?

Il-qorti għandha d-dritt li tħallik tipparteċipa fis-smigħ permezz ta’ konnessjoni bil-vidjo jekk huwa problematiku għalik li tidher fil-qorti. Dan huwa possibbli biss bil-kunsens tiegħek.

Niġi pprovdut bi traduzzjoni jekk ma nifhimx xi jkun għaddej?

Jekk ma tistax tifhem il-lingwa tal-proċess fil-qorti, il-qorti trid tipprovdik b’interpretu waqt is-smigħ. Ikun ipprovdut biss servizz ta’ interpretar (ma tkun ipprovduta l-ebda traduzzjoni bil-miktub).

Bilfors irid ikolli avukat? Ningħata avukat?

Bilfors irid ikollok avukat u jekk ma għażiltx avukat inti stess, jinħatar wieħed għalik mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati Estonjana (ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIskeda Informattiva 1).

Nista’ nitkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali? Bilfors irrid nitkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Inti għandek id-dritt li titkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali u li tesprimi fehmtek dwar iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ tiegħek. Ma hemmx għalfejn titkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali u għandek id-dritt li tibqa’ sieket.

X’jiġri jekk ma ngħidx il-verità waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

L-akkużat mhuwiex obbligat li jgħid il-verità fil-qorti. Jekk inti ma tgħidx il-verità, ma tista’ tiġi imposta l-ebda sanzjoni fil-konfront tiegħek. Jekk waqt is-smigħ jiġi pprovat li inti ma għidtx il-verità fil-qorti, ix-xhieda kollha tiegħek (inkluża l-parti li tkun vera) tista’ tiġi kkunsidrata bħala inaffidabbli. F’każ bħal dan, ix-xhieda tiegħek ma tiġix ikkunsidrata bħala prova.

Nista’ nimpunja l-provi li jiġu ppreżentati kontra tiegħi?

Inti għandek id-dritt li tippreżenta oġġezzjonijiet għall-provi mogħtija kontra tiegħek fil-qorti. Il-provi ma jkunux ammissibbli fil-qorti jekk dawn ikunu nkisbu bi ksur fundamentali tal-liġi. Inti għandek id-dritt li timpunja l-affidabbiltà tal-provi kif ukoll jekk hijiex legalment ammissibbli.

Inti u l-avukat tiegħek tistgħu topponu l-provi verbalment u bil-miktub waqt kull fażi tal-proċedura sa tmiem il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

X’tip ta’ provi nista’ nippreżenta għad-difiża tiegħi?

Fil-qorti, inti għandek id-dritt li tippreżenta l-provi kollha li huma rilevanti għall-każ u li nkisbu legalment.

X’kundizzjonijiet japplikaw għall-provi tiegħi?

Ġeneralment, sabiex jiġu ppreżentati provi ġodda, trid titressaq talba wara li jkun ġie eżaminat il-fajl kriminali jew mill-inqas tlett (3) ijiem ta’ xogħol qabel is-seduta preliminari. Madankollu, huwa wkoll possibbli li jiġu ppreżentati provi ġodda waqt il-proċess fil-qorti, jekk ma kienx possibbli li jiġu ppreżentati qabel, minħabba raġunijiet validi.

Nista’ nqabbad investigatur privat biex jiġbor il-provi?

Inti għandek id-dritt li tqabbad investigatur privat sabiex tikseb il-provi. Il-provi miġbura mill-investigatur privat huma ammissibbli fil-qorti jekk l-investigatur privat ikun kisibhom mingħajr ma kiser il-liġi.

Nista’ nitlob lil xhieda biex jitkellmu favur tiegħi?

Inti għandek id-dritt li titlob li l-persuni li jkollhom informazzjoni importanti li tkun meħtieġa sabiex jissolva l-każ tiegħek, jiġu mistiedna jattendu l-qorti.

Nista’ jiena jew l-avukat tiegħi nagħmel mistoqsijiet lil xhieda oħrajn fil-każ tiegħi? Nista’ jiena jew l-avukat tiegħi nimpunja dak li jgħidu?

Inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt li tagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda kollha. Inti għandek id-dritt li tesprimi fehmtek dwar ir-rilevanza u l-veraċità ta’ dikjarazzjoni ta’ xhud. Inti għandek id-dritt li tippreżenta prova li turi li d-dikjarazzjoni tax-xhud hija żbaljata jew li tqajjem dubju dwar kemm huwa affidabbli.

Tiġi kkunsidrata l-informazzjoni dwar ir-reati preċedenti li nkun wettaqt?

Fil-qorti tista’ tiġi kkunsidrata biss l-informazzjoni dwar ir-reati preċedenti li wettaqt li tkun irreġistrata fir-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidareġistru tal-pieni u li ma tkunx tneħħiet mill-kondotta tiegħek (reat jitneħħa mill-kondotta tiegħek bejn sena (1) u għaxar (10) snin minn meta tiskonta s-sentenza tiegħek, skont kemm ikun serju r-reat.

Tista’ tiġi kkunsidrata anki informazzjoni minn pajjiżi oħrajn dwar ir-reati preċedenti li tkun wettaqt. Ir-reati li għandhom jitqiesu fil-qorti jridu jkunu stabbiliti fl-att ta’ akkuża. Fil-każ ta’ ċerti delitti, il-fatt li qabel tkun wettaqt delitt simili jista’ jwassal biex tkun imposta piena iktar serja.

X’inhuma l-eżiti possibbli tal-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Wara l-proċess, il-qorti jew teħilsek mill-akkużi jew issibek ħati. Inti tinħeles mill-akkużi jekk, waqt il-proċess ma jiġix ipprovat li d-delitt twettaq jew li d-delitt wettaqtu inti. Tinħeles mill-akkużi wkoll jekk l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni jwaqqa’ l-akkużi kontra tiegħek. Inti tinsab ħati jekk jiġi pprovat fil-qorti li inti wettaqt id-delitt.

Jekk inti tinsab ħati, il-qorti timponi piena fuqek skont il-liġi. Il-pieni possibbli huma:

  • multa, li l-ammont tagħha jista’ jkun minn 30 sa 500 darba d-dħul medju tiegħek ta’ kuljum;
  • sentenza ta’ ħabs ta’ bejn 30 jum u 20 sena jew sentenza ta’ għomrok il-ħabs.

Jekk inti taqbel, il-qorti tista’ tissostitwixxi l-ħabs b’servizz fil-komunità.

F’ċerti ċirkustanzi, il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll li tagħtik probation. Jekk dan ikun il-każ, inti ma tiskontax is-sentenza oriġinali jew tiskonta biss parti minnha, sakemm ma twettaqx delitt ieħor waqt il-perjodu tal-probation. Il-perjodu tal-probation huwa ta’ bejn tlieta (3) u ħames (5) snin.

Minbarra l-pieni prinċipali, il-qorti tista’ timponi pieni addizzjonali, bħal meta ma tħallikx tinvolvi ruħek f’ċerti attivitajiet jew tkeċċik mill-Estonja. Barra minn hekk, kwalunkwe proprjetà li jkollha x’taqsam mad-delitt tista’ tiġi kkonfiskata.

X’inhu r-rwol tal-vittma waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-vittma għandha d-dritt li tipparteċipa fil-proċess, tagħmel dikjarazzjonijiet u tippreżenta provi, titlob għad-danni biex ikun kopert it-telf ikkawżat mid-delitt u tesprimi fehmitha dwar is-sentenza proposta mill-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni sabiex inti tiġi kkastigat

Links relatati

Il-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi ta’ Proċedura Kriminali

Il-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi ta’ Proċedura Kriminali bl-Ingliż (ma jinkudix l-emendi kollha)

Il-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi Penali

Il-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi Penali bl-Ingliż (ma jinkudix l-emendi kollha)


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 08/08/2018