3 - Id-drittijiet tiegħi waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali

Save as PDF

Please note that the original language version of this page Swedish has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.


Fejn isir il-proċess u min għandu d-dritt li jkun preżenti?

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali normalment isir fil-qorti distrettwali li fiż-żona tagħha jkun twettaq id-delitt. Il-proċess ikun pubbliku, ħlief f’ċerti każijiet ta’ delitti sesswali, f’każijiet fejn il-persuna ssuspettata tkun minorenni, u fil-każ ta’ delitti kontra s-sigurtà nazzjonali. Il-proċess kollu jew partijiet minnu jistgħu jsiru fil-magħluq f’ċerti każijiet oħrajn. Kull min ifixkel il-proċess jew jinfluwenza lix-xhieda jista’ jitkeċċa mill-awla tal-qorti.

Min jiddeċiedi l-każ?

Il-qorti normalment tikkonsisti fl-imħallef, li jkun avukat, u tliet imħallfin lajċi. L-imħallfin lajċi m’humiex avukati kkwalifikati iżda jkunu maħtura mill-eżekuttiv muniċipali fiż-żona tal-qorti distrettwali. Barra minn hekk ikun hemm skrivan tal-qorti. L-uffiċjali tal-qorti distrettwali joqogħdu ma’ mejda, il-prosekutur ma’ oħra u inti u l-avukat difensur tiegħek ma’ mejda oħra. Ix-xhieda, jekk ikun hemm, joqgħodu ma’ mejda separata.

X’jiġri jekk toħroġ informazzjoni ġdida waqt il-proċess?

Jekk jitfaċċaw ċirkostanzi ġodda waqt is-smigħ, il-prosekutur jista’ jibdel l-akkuża. Jekk tammetti li inti ħati ta’ ċerti akkużi, dan jista’ jfisser li l-prosekutur ma jkollux għalfejn jippreżenta daqstant provi dettaljati kontrik fuq dawn il-kapi ta’ akkuża. Madankollu, m’huwiex possibbli li inti tippatteġġja mal-prosekutur sabiex tikseb sentenza inqas ħarxa jekk inti twieġeb ħati.

Għandi nkun preżenti waqt il-proċess?

Fil-każ ta’ reati inqas serji li għalihom twieġeb ħati, il-każ jista’ jkun deċiż mingħajr ma tkun preżenti. Bħala regola ġenerali, madankollu, inti għandek tkun personalment preżenti. Jekk ma tmurx għas-smigħ, il-qorti tista’ tikkundannak għall-ħlas ta’ multa kundizzjonali jew tiddeċiedi li għandek tittieħed mill-pulizija. Multa kundizzjonali hija ammont ta’ flus stabbilit minn qabel li jkollok tħallas.

Jista’ jkolli interpretu?

Jekk ma tifhimx l-Isvediż, inti intitolat li jkollok interpretu disponibbli li jittraduċi dak kollu li jingħad waqt il-proċess. Jekk dan ikun il-każ, huwa importanti li tavża lill-qorti distrettwali li teħtieġ interpretu ħafna żmien qabel ma jibda l-proċess. Normalment l-interpretu jkun preżenti fl-awla tal-qorti, iżda l-interpretar bit-telefon jista’ wkoll ikun disponibbli.

Jista’ jkolli avukat u għandu jkolli avukat?

M’hemmx xi dmir partikolari li jkollok avukat, u inti tista’ tiddefendi lilek innifsek. Jekk inti intitolat għal avukat difensur pubbliku u ma tkunx oġġezzjonajt li jingħatalek wieħed, il-qorti tqabbad avukat sabiex jaġixxi bħala l-avukat difensur pubbliku tiegħek. Jekk tixtieq li jkollok avukat partikolari, għandek tinforma lill-qorti dwar dan bil-quddiem. Jekk ma tkunx sodisfatt bl-avukat tiegħek, jista’ jkun possibbli taħt ċerti kundizzjonijiet li tibdel l-avukat difensur pubbliku tiegħek.

Nista’ nitkellem waqt il-proċess u x’jiġri jekk ma nitkellimx?

L-akkużat dejjem għandu d-dritt li jitkellem waqt il-proċess. Min-naħa l-oħra, m’intix obbligat li titkellem. Jekk jaqbillekx titkellem jew tibqa’ sieket jiddependi minn kull każ individwali. L-akkużat ma jieħu l-ebda ġurament u ma jkun taħt l-ebda obbligu li jgħid il-verità. Jekk ma tgħidx il-verità u dan ikun skopert mill-prosekutur jew mill-qorti, dan jista’ jaffettwa l-kredibbiltà ta’ dak kollu li tkun għidt.

X’jiġri fir-rigward tal-provi?

Qabel ma tibda l-kawża inti tista’ teżamina l-provi tal-prosekutur. Ix-xhieda li jkunu se jiġu interrogati waqt il-proċess għandhom ikunu interrogati wkoll waqt l-investigazzjoni tad-delitt u l-istqarrijiet tagħhom għandhom ikunu kkwotati kollha fl-investigazzjoni tal-pulizija. Inti intitolat li tistaqsi mistoqsijiet lix-xhieda tal-prosekutur permezz tal-avukat tiegħek u li tikkontesta l-informazzjoni li jipprovdu.

Għandek id-dritt li tippreżenta l-provi tiegħek jekk tkun tixtieq. Dan japplika kemm għax-xhieda kif ukoll għal dokumenti eċċ. Ix-xhieda tiegħek ukoll għandhom ikunu interrogati mill-pulizija waqt l-investigazzjoni tad-delitt. Jekk ma jkunux ġew interrogati minn qabel, il-prosekutur jista’ jitlob li l-ewwel jiġu interrogati mill-pulizija, li jfisser li l-kawża tista’ tiġi differita u ssir ġurnata oħra minflok. L-avukat tiegħek jibda l-proċess bix-xhieda tiegħek l-ewwel, iżda kemm il-prosekutur kif ukoll il-qorti għandhom id-dritt li jistaqsu mistoqsijiet lix-xhieda.

Il-qorti tista’ tirrifjuta provi li ma jkunux rilevanti għall-każ. Il-prova li inti persuna deċenti jew provi oħra dwar il-karattru normalment ikollhom ftit li xejn jew l-ebda valur ta’ prova.

Kif jibda l-proċess?

Il-proċess jibda billi l-prosekutur jaqra l-akkużi li tagħhom huwa jallega li inti ħati. L-avukat tal-vittma mbagħad jippreżenta kwalunkwe talba għad-danni. L-avukat tiegħek jinforma lill-qorti dwar jekk tweġibx ħati jew mhux ħati tad-delitt li tkun akkużat bih u x’inhi t-tweġiba tiegħek għat-talba għad-danni.

Il-prosekutur imbagħad jispjega f’aktar dettall dak li ġara, fl-opinjoni tiegħu, u jeżamina kwalunkwe prova bil-miktub. L-avukat tiegħek jista’ mbagħad jippreżenta l-opinjoni tiegħu ta’ dak li ġara u jeżamina l-provi bil-miktub.

Kif niġu interrogati jien u l-vittma tad-delitt?

Jekk ikun hemm vittma (parti offiża) preżenti, din il-persuna tiġi interrogata. Il-prosekutur jibda din l-interrogazzjoni, iżda kemm l-avukat tal-vittma u l-avukat tiegħek kif ukoll il-qorti jistgħu jistaqsu mistoqsijiet lill-vittma. Meta tintemm l-interrogazzjoni tal-vittma, ikun imiss lilek li titkellem. Għandek id-dritt li titkellem inti stess, jekk tkun tixtieq, qabel ma l-prosekutur jibda jistaqsik il-mistoqsijiet. Kemm l-avukat tiegħek, l-avukat tal-vittma kif ukoll il-qorti jistgħu jistaqsuk xi mistoqsijiet.

Kif jiġu interrogati x-xhieda?

Ladarba tintemm l-interrogazzjoni tiegħek, ikun imiss l-interrogazzjoni tax-xhieda. L-ewwel jiġu interrogati x-xhieda tal-prosekutur, wara x-xhieda tiegħek. Kemm il-prosekutur, l-avukati kif ukoll il-qorti jistgħu jistaqsu mistoqsijiet lix-xhieda. L-interrogazzjonijiet kollha - tal-vittma, tiegħek u tax-xhieda - jiġu rrekordjati awdjoviżwalment.

L-eżami taċ-ċirkostanzi personali tiegħi

Wara li jiġu eżaminati l-provi, ikun imiss li jiġu eżaminati ċ-ċirkostanzi personali tiegħek. Dan ifisser eżami tal-finanzi, is-sitwazzjoni ta’ residenza, is-sitwazzjoni familjari tiegħek, kwalunkwe problema ta’ abbuż minn sustanzi u kwalunkwe kundanna preċedenti fl-Isvezja jew f’xi pajjiż ieħor. Dan isir sabiex jiġi investigat x’sentenza hija l-aktar xierqa fil-limiti ta’ dak li huwa possibbli fil-każ tiegħek.

Kif jintemm il-proċess?

Il-proċess jintemm billi l-prosekutur, il-vittma jew l-avukat tal-vittma, u finalment l-avukat tiegħek jippreżentaw d-diskors tal-għeluq (sottomissjonijiet). Kemm il-prosekutur kif ukoll l-avukat jargumentaw kif il-qorti għandha tiġġudika l-każ u x’sentenza għandek tingħata jekk tiġi kkundannat.

Meta u kif insir naf x’iddeċidiet il-qorti?

Il-qorti mbagħad tista’ tagħti s-sentenza dakinhar stess, wara deliberazzjoni qasira, jew tħabbar is-sentenza tagħha wara madwar ġimgħa. L-‘għoti’ tas-sentenza jfisser li l-qorti taqra sommarju tas-sentenza fil-preżenza tiegħek. Jekk is-sentenza titħabbar f’ġurnata oħra li ma tkunx dik tas-smigħ tal-kawża, m’għandekx għalfejn tattendi u s-sentenza tintbagħat lilek u lill-avukat tiegħek. Is-sentenza dejjem tkun bil-miktub.

X’pieni jistgħu jkunu imposti?

Priġunerija – għal perjodu stabbilit ta’ mhux inqas minn 14-il jum u mhux aktar minn 18-il sena, jew għal għomor. Is-sentenzi ta’ priġunerija li jaqbżu s-sitt xhur jiġu skontati f’istituzzjoni. Is-sentenzi ta’ priġunerija għal żmien iqsar jistgħu jkunu skontati b’sistema ta’ sorveljanza u rintraċċar elettroniku taħt ċerti kundizzjonijiet.

Sorveljanza protettiva – il-monitoraġġ għal ċertu perjodu ta’ żmien, normalment ta’ sena, segwit minn sentejn probation. Dan jista’ jkun ikkombinat ma’ multa, priġunerija għal massimu ta’ tliet xhur, servizz fil-komunità u/jew kura għall-abbuż mis-sustanzi jew mard.

Sentenza kkundizzjonata – probation għal inqas minn sentejn. Sentenza kkundizzjonata normalment tkun ikkumbinata ma’ multa jew servizz fil-komunità.

Multa – kemm multa ta’ somma fissa ta’ flus kif ukoll multa skont il-mezzi tiegħek, li tkun marbuta mas-serjetà tad-delitt u mal-livell tad-dħul tiegħek ta’ kuljum. Il-multa fissa minima hija ta’ 200 krone Svediż (madwar €20) u l-multa minima skont il-mezzi tiegħek hija 30 multa ta’ 50 krone Svediż (madwar €150) li jitħallsu waħda kuljum.

Servizz fil-komunità – ikkombinat ma’ sorveljanza protettiva jew sentenza kkundizzjonata. Dan ifisser għadd partikolari ta’ sigħat, bejn 40 u 240, ta’ xogħol mhux imħallas fil-ħin liberu tiegħek.

Kura speċjali – dawk li jabbużaw mis-sustanzi jistgħu jiġu kkundannati sabiex jiġu kkurati għall-abbuż tagħhom, u kull minn ikun ibati minn xi disturb mentali serju jista’ jiġi kkundannat li jirċievi kura psikjatrika forensika.

Pieni oħrajn jistgħu jkunu xierqa għall-minorenni: servizzi għall-minorenni u kura għall-minorenni.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/11/2015