4 - Id-drittijiet tiegħi wara li qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha

Save as PDF

Nista’ nappella mis-sentenza tal-qorti distrettwali?

Kemm il-prosekutur kif ukoll il-persuna kkundannata jistgħu japellaw mis-sentenza tal-qorti distrettwali. Madankollu hemm eċċezzjonijiet jekk il-piena tkun biss multa jew, mill-perspettiva tal-prosekutur, jekk tkun ġejt illiberat minn reati inqas serji. F’dawn il-każijiet, jeħtieġ permess speċjali sabiex il-Qorti tal-Appell tikkunsidra l-appell.

X’bidliet nista’ nitlob fis-sentenza tal-qorti distrettwali?

Tista’ tappella u titlob il-liberazzjoni jew titlob sentenza inqas ħarxa. M’għandekx għalfejn tagħti spjegazzjoni dettaljata tar-raġuni għalfejn qed tappella, iżda xi kultant ikun jaqbillek li tagħmel dan.

X’jiġri fir-rigward tal-provi fil-qorti distrettwali?

Meta tressaq appell għandek tgħid xi provi trid li jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Appell. Inti intitolat ukoll li tippreżenta provi ġodda fil-Qorti tal-Appell. Jintwera rikording awdjoviżiv tal-interrogazzjoni tal-individwi li jkunu nstemgħu fil-qorti distrettwali. Bħala regola ġenerali dawn ma jerġgħux jiġu interrogati fil-Qorti tal-Appell. Dan japplika wkoll għall-interrogazzjoni tiegħek stess. F’każijiet eċċezzjonali biss jistgħu jsiru mistoqsijiet addizzjonali fil-Qorti tal-Appell.

X’inhu l-limitu ta’ żmien għall-appelli?

Appell għandu jitressaq fi żmien tliet ġimgħat mid-data tas-sentenza tal-qorti distrettwali. Jekk tkun appellajt f’dan iż-żmien, il-prosekutur ikollu ġimgħa biex jiddeċiedi jekk jixtieqx jappella huwa ukoll.

Meta jinstema’ l-appell?

Jekk tkun taħt arrest meta tappella, il-Qorti tal-Appell għandha tibda s-smigħ tagħha fi żmien tmien ġimgħat mid-data tas-sentenza tal-qorti distrettwali. Alternattivament, tista’ tistenna li jgħaddu bejn tlieta u tnax-il xahar qabel jinstema’ l-appell fil-Qorti tal-Appell.

X’jiġri waqt is-smigħ tal-appell?

Is-smigħ prinċipali fil-Qorti tal-Appell isegwi bejn wieħed u ieħor l-istess proċedura bħal fil-qorti distrettwali. L-ikbar differenza hija li inti u l-oħrajn li ġew interrogati ma terġgħux tiġu interrogati u li minflok jintwera u jinstema’ r-rikording mill-qorti distrettwali.

Nista’ ningħata sentenza aktar ħarxa fil-Qorti tal-Appell?

Jekk inti l-uniku wieħed li qed tappella, il-Qorti tal-Appell ma tistax timponi sentenza aktar ħarxa minn dik tal-qorti distrettwali. Jekk il-prosekutur ikun appella ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Appell tista’ tkun inqas ħarxa jew aktar ħarxa.

X’jiġri jekk nitlef l-appell fil-Qorti tal-Appell?

Jekk ma tirbaħx fl-appell quddiem il-Qorti tal-Appell, tista’ tappella lill-Qorti Suprema. Iżda sabiex il-Qorti Suprema tikkunsidra l-każ tiegħek ikun jeħtieġ li jingħata permess biex jiġi ppreżentat appell, dan jfisser li jeħtieġ li jkun hemm raġunijiet speċjali sabiex jiġi kkunsidrat il-każ tiegħek.

Intitolat għal kumpens jekk niġi lliberat?

Jekk tiġi lliberat u s-sentenza ma tiġix appellata, inti intitolat għal kumpens għaż-żmien li tkun għaddejt taħt arrest u taħt arrest preventiv. Il-kumpens ikopri t-telf tad-dħul u t-telf attwali tal-libertà. It-talba għall-kumpens tiegħek tiġi eżaminata mill-Uffiċċju tal-Kanċillier tal-Ġustizzja. Jekk ma tkunx ġejt miċħud il-libertà, ma tingħatax kumpens għajr għall-ispejjeż tal-provi tiegħek stess eċċ.

Jinżamm rekord tas-sentenza?

Kundanna tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-kondotti, minbarra f’postijiet oħrajn. Kemm iddum hemm jiddependi mis-sentenza li tingħata. Jekk tkun ġejt illiberat, l-informazzjoni titħassar. Inti ma tistax tinfluwenza l-kondotta. Il-kondotta tiegħek tkun aċċessibbli għalik u għal ċerti awtoritajiet fis-sistema tal-ġustizzja fl-Isvezja u fi Stati Membri oħrajn.

Meta ssir finali l-kundanna?

Il-kundanna ssir finali meta tintemm l-iskadenza għall-appell jew meta l-Qorti Suprema tkun iddeċidiet il-każ, kemm billi ma tagħtix il-permess għall-appell kif ukoll billi tagħti s-sentenza tagħha. Hemm ukoll xi alternattivi biex is-sentenza tiġi aċċettata qabel jiskadi l-perjodu tal-appell u għalhekk tibda tiskonta s-sentenza.

Nista’ nittella’ l-qorti mill-ġdid wara li s-sentenza ssir finali?

Ladarba qorti tkun ikkundannatek jew illiberatek fir-rigward ta’ reat kriminali, il-qorti ma tistax terġa’ tipproċessak għal darb’oħra ħlief taħt ċirkostanzi speċjali ħafna. Dan isir biss madwar darba f’sena. Bħala regola ġenerali, dan japplika wkoll għal reati li għalihom tkun ġejt ipproċessat fi Stat Membru ieħor.

Nista’ nitħalla niskonta s-sentenza f’pajjiżi?

Jista’ jkun possibbli li titħalla tiskonta s-sentenza tiegħek f’pajjiżek stess jekk tkun tixtieq. Għandek tapplika lis-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz Svediż tal-Ħabs u tal-Probation. F’kull każ ieħor is-sentenza tiġi skontata fl-Isvezja.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida Uffiċċju tal-Kanċillier tal-Ġustizzja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz Svediż tal-Ħabs u tal-Probation


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/11/2015