Id-drittijiet tal-imputati fil-proċeduri kriminali - Bulgarija

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Bulgaru ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Dawn l-iskedi informattivi jispjegaw x’jiġri meta persuna tkun suspettata jew akkużata b’delitt li jiġi ttrattat bi proċess quddiem qorti kriminali. Għal informazzjoni dwar reati tat-traffiku fit-triq, li s-soltu jiġu indirizzati b’penali fissa bħal multa, ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIskeda Informattiva 5.

Jekk int vittma ta’ xi delitt, tista’ ssib l-informazzjoni kollha dwar id-drittijiet tiegħek hawnhekk.


Sommarju tal-proċess kriminali

Il-proċess kriminali Bulgaru għandu żewġ stadji – qabel il-proċess u l-proċess quddiem qorti kriminali.

  • Il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess għandhom l-għan li jiġbru provi, permezz tal-investigazzjoni, li jew jikkonfermaw jew jiċħdu suppożizzjoni li ċerta persuna tkun ikkommettiet ċertu delitt. L-investigazzjoni hi mmexxija mill-maġistrati inkwirenti, jew mill-pulizija inkwirenti, taħt il-gwida ta’ prosekutur. L-għan hu li jippreparaw u jassistu lill-prosekutur fid-deċiżjoni tiegħu dwar jekk jippreżentax u jiġġustifikax akkużi fil-qorti kontra l-persuna akkużata jew jekk jitterminax il-proċedimenti.
  • Il-proċess quddiem qorti kriminali jibda meta l-prosekutur jippreżenta l-akkużi fil-qorti kontra persuna għal delitt imwettaq minn dik il-persuna. Il-proċedimenti tal-qorti jinvolvu partijiet opposti u l-prosekutur, il-konvenut u l-avukat difensur għandhom l-istess drittijiet proċedurali. Il-qorti teżamina l-provi miġjuba mill-prosekutur iżda tista’, fuq talba tal-partijiet, jew fuq l-inizjattiva tal-qorti stess, tiġbor u teżamina provi ġodda sabiex tinstab il-verità.

Il-kawża tintemm b’sentenza tal-qorti, li jew tikkundanna u timponi penali fuq il-konvenut, jew li tiddikjara lill-konvenut mhux ħati.

Dettalji dwar dawn l-istadji kollha fil-proċess, u dwar id-drittijiet tiegħek, jistgħu jinstabu fl-iskedi informattivi. Din l-informazzjoni ma tissostitwix parir legali u hija maħsuba biss bħala gwida.

Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea

Għandek tkun taf li l-Kummissjoni Ewropea m’għandha l-ebda rwol fil-proċeduri kriminali fl-Istati Membri u ma tistax tassistik jekk għandek xi lment. Dawn l-iskedi informattivi jipprovdu informazzjoni dwar kif għandek tressaq ilment u lil min għandek tindirizzah.

Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt biex issib l-informazzjoni li teħtieġ

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida1 – Kif tikseb parir legali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida2 – Id-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni ta’ delitt

  • L-investigazzjoni (inkluż it-tressiq tal-akkużi u l-interrogazzjoni)
  • L-arrest (inkluż il-Mandat ta’ Arrest Ewropew)
  • L-ewwel seduta tal-qorti
  • Detenzjoni jew liberazzjoni
  • It-tħejjija tal-prosekuzzjoni għall-proċess
  • It-tħejjija tad-difiża għall-proċess
  • Miżuri għall-prevenzjoni ta’ evażjoni tal-prosekuzzjoni
  • Projbizzjoni fuq it-tluq mill-Bulgarija

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida3 – Id-drittijiet tiegħi matul il-proċess quddiem qorti kriminali

  • Intervista lil xhud protett

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida4 – Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess quddiem qorti kriminali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida5 – Reati minuri tat-traffiku fit-triq

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi ta' Proċedura Kriminali


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 09/03/2020

1 - Kif tikseb parir legali

Il-kisba ta’ parir legali indipendenti hi ferm importanti meta tkun involut b’xi mod fi proċess kriminali. L-iskedi informattivi jgħidulek meta, u f’liema ċirkustanzi, int tkun intitolat li tiġi rrappreżentat minn avukat. Jgħidulek ukoll x'jista' jagħmel għalik tali avukat. Din l-iskeda informattiva ġenerali tgħidlek kif issib avukat u kif l-ispejjeż tal-avukat se jitħallsu jekk ma tkunx tiflaħ tħallashom.


Kif issib avukat

Jekk taħseb li teħtieġ avukat iżda ma taf lil l-ebda wieħed, tista’ tagħżel fost l-avukati li jaħdmu mal-qorti distrettwali taż-żona fejn tgħix. Tista’ ssib ukoll id-dettalji biex tikkuntattja lis-27 Assoċjazzjoni tal-Avukati fil-Bulgarija fuq is-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill Suprem tal-Kamra tal-Avukati. Jekk int tinsab arrestat, int intitolat li tkellem lil avukat mill-mument tal-arrest tiegħek. Peress li, wara l-arrest, għandek id-dritt li tikkuntattja lil xi qarib jew ħabib, int tkun tista’ titlobhom isibulek avukat.

Il-ħlas għall-avukat

Jekk tagħżel l-avukat tiegħek, int tħallas għas-servizzi skont ftehim bil-miktub iffirmat bejnek u bejn l-avukat.

Jekk ma tiflaħx tħallas, iżda tixtieq li jkollok avukat, u dan ikun fl-interess tal-ġustizzja, int intitolat għal għajnuna legali bla ħlas. Din tista’ tkun ipprovduta jew fuq talba tiegħek jew skont il-liġi jekk għandu jkollok difiża. Skont l-istadju tal-proċess (ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIskeda Informattiva 1), dik id-deċiżjoni għandha tittieħed jew mill-prosekutur (qabel il-proċess quddiem qorti kriminali) jew mill-qorti (matul il-proċess quddiem qorti kriminali) wara li ssir analiżi tal-istat tal-propjetà tiegħek.

Jekk teħtieġ parir legali, il-prosekutur jew il-qorti jibagħtu minnufih id-deċiżjoni tagħhom lill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati rispettiva sabiex jallokawlek avukat. Għandek tkun taf li jekk int tkun ikkundannat ikollok trodd lura s-somma mħallsa lill-avukat li jkun ġie allokat għalik.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Att dwar l-Avukatura

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Att dwar l-Għajnuna Legali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Awtorità Nazzjonali għas-Servizzi Legali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kunsill Suprem tal-Kamra tal-Avukati


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 09/03/2020

2 - Id-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni ta’ delitt (qabel ma l-każ jidher quddiem il-qorti)


X’inhu l-iskop ta’ investigazzjoni kriminali?

L-investigazzjoni tiġbor provi li jew jippruvaw jew jiċħdu allegazzjoni li persuna kkommettiet delitt. Investigazzjoni tista’ tkun ikkawżata minn lment lill-awtoritajiet inkwirenti dwar delitt li sar, jew bl-informazzjoni fil-pussess ta’ dawk l-awtoritajiet, li tkun timplika delitt. Jekk il-pulizija taqbad lil xi ħadd waqt li qed jagħmel delitt, din ukoll tista’ tkun raġuni biex tinbeda l-investigazzjoni.

Is-soltu, l-istadji kollha tal-investigazzjoni huma mmexxija mill-pulizija. Xi każi huma mmexxija minn maġistrati inkwirenti jew prosekuturi. Iżda prosekutur biss jista’ jiggwida u jikkontrolla investigazzjoni.

X’inhuma l-istadji ta’ qabel il-proċess quddiem qorti kriminali?

L-investigazzjoni (li tinkludi t-tressiq tal-akkużi u l-interrogazzjoni)

L-awtoritajiet inkwirenti għandhom l-għan li jiġbru l-provi li jippruvaw jew jiċħdu allegazzjoni li twettaq delitt. Jekk jiġbru provi biżżejjed li jsostnu l-allegazzjoni li persuna speċifika wettqet delitt, l-uffiċjal inkwirenti għandu jinnotifika lil dik il-persuna bil-miktub. Il-persuna għandha tiffirma dik in-notifika. Immedjatament wara dan, il-persuna akkużata tiġi interrogata.

L-arrest

Jekk il-pulizija ssib provi li jimplikaw li persuna wettqet delitt, il-pulizija tista’ tarresta u żżomm lil dik il-persuna, iżda għal mhux aktar minn 24 siegħa. Il-prosekutur biss jista’ jiddeċiedi jekk id-detenzjoni għandhiex tkun miżjuda, iżda għal mhux aktar minn 72 siegħa. Inkella, il-persuna miżmuma għandha tinħeles. L-għan tad-detenzjoni tal-pulizija hu li jiġi stabbilit jekk persuna għandhiex tkun akkużata jew le. Id-detenzjoni tal-prosekuzzjoni issir biex tiġi żgurata l-ewwel dehra tal-persuna akkużata quddiem il-qorti.

L-ewwel smigħ tal-qorti

Fil-prinċipju, il-prosekutur jiddetermina liema Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidamiżura għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni għandha tkun imposta fuq il-konvenut. Iżda jekk il-prosekutur jiddeċiedi li l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidamiżura għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni għandha tkun id-detenzjoni jew l-arrest domiċiljari, il-prosekutur jippreżenta tali talba lill-qorti u jiżgura li l-konvenut jidher quddiem il-qorti.

Detenzjoni jew liberazzjoni

Jekk il-konvenut jitressaq quddiem il-qorti, il-qorti biss tista’ tiddeċiedi jekk il-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidamiżura għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni hix se tkun id-detenzjoni jew l-arrest domiċiljari, jew jekk id-detenut għandux ikun illiberat.

Il-preparazzjoni tal-każ mill-prosekuzzjoni

Meta titlesta l-investigazzjoni, l-uffiċjal inkwirenti jibgħat il-provi miġbura lill-prosekutur. Il-prosekutur jeżamina l-provi u jiddeċiedi jekk l-allegazzjoni li twettaq delitt ġietx ippruvata mingħajr l-ebda dubju raġonevoli. Hawnhekk biss il-prosekutur jista’ jippreżenta akkuża l-qorti. Inkella, il-prosekutur iwaqqa’ l-każ.

It-tħejjija tal-każ mid-difiża

Meta jkunu informati bl-akkuża, il-konvenut u l-avukat difensur jistgħu jipprovdu provi favur il-konvenut. Wara tmiem l-investigazzjoni, jekk mitlub mill-konvenut u l-avukat difensur, l-uffiċjal inkwirenti għandu jagħmel il-provi kollha miġbura disponibbli għalihom u jagħtihom żmien biżżejjed biex jeżaminaw il-provi.

Id-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni

Jekk jogħġbok innota li l-istadji ta’ “arrest”, ta’ “l-ewwel smigħ tal-qorti” u ta’ “detenzjoni” huma possibbli iżda mhux neċessarji. Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt biex issir taf aktar dwar id-drittijiet tiegħek f’kull stadju.

L-investigazzjoni (li tinkludi t-tressiq tal-akkużi u l-interrogazzjoni) (1)

X’nista’ nsir naf dwar dak li jkun qed jiġri?

Jekk jinstabu biżżejjed provi kontrik, l-uffiċjal inkwirenti jċempillek u jinnotifikak bil-miktub dwar id-delitt li qed jakkużak bih. Immedjatament wara dan, l-uffiċjal għandu javżak dwar id-drittijiet tiegħek matul l-investigazzjoni. Int tiffirma dokument li jiddikjara li int ġejt informat dwar id-drittijiet tiegħek.

Ikun hemm interpretu jekk ma nitkellimx bil-lingwa tal-pajjiż?

Iva. Tista’ tirrifjuta milli tiffirma l-karta li tinnotifikak dwar l-akkuża jekk ma ġejtx ipprovdut b’interpretu L-interpretu jassistik matul l-investigazzjoni kollha. Int m’għandekx tħallas għall-interpretu.

F’liema stadju nkun nista’ nkellem avukat?

Meta jċempillek biex jinnotifikak dwar l-akkużi, l-uffiċjal inkwirenti għandu jgħidlek li miegħek tista’ ġġib avukat. L-uffiċjal inkwirenti għandu jagħtik żmien biżżejjed biex tikkuntattja avukat. Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali jistabbilixxi meta għandu jkollok difiża. Għall-għażla tiegħek ta’ avukat u d-dritt tiegħek għal parir legali bla ħlas, ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk. Int intitolat li tiltaqa’ u titkellem mal-avukat tiegħek fil-privat. Jista’ jkollok interpretu jekk ma titkellimx bil-lingwa tal-pajjiż.

Nista’ nintalab nagħti xi informazzjoni? Għandi nagħti xi informazzjoni?

Kif tkun infurmat dwar l-akkużi, l-uffiċjal inkwirenti jinterrogak. Tista’ jew titkellem jew tibqa’ sieket b’konnessjoni mal-akkużi. Tista’ wkoll tipprovdi spjegazzjonijiet aktar tard meta trid matul l-investigazzjoni.

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa li tippreġudika l-każ tiegħi?

L-istqarrija tiegħek tista’ twassal għal tnaqqis fil-penali tiegħek. Jekk tibqa’ sieket ma tistax tiggrava s-sitwazzjoni tiegħek. Il-qorti ma tistax tikkundannak fuq il-bażi tal-istqarrija tiegħek biss.

Jien minn pajjiż barrani. Għandi nkun preżenti matul l-investigazzjoni?

Peress li int il-konvenut, għandek tkun għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet inkwirenti. Għal dan il-għan, miżura għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni tista’ tkun imposta fuqek. L-investigazzjoni tista’ sseħħ fin-nuqqas tiegħek meta:

  • il-post ta’ residenza tiegħek mhuwiex magħruf;
  • ma tistax tissejjaħ għas-smigħ għal raġunijiet oħra;
  • wara li tkun ġejt imsejjaħ għas-smigħ, int ma tmurx u/jew ma tagħti l-ebda raġuni valida għalfejn ma tkunx għamilt dan.

F’dawn il-każi, avukat difensur tal-għassa jkun allokat għalik skont il-proċedura spjegata Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk.

Tista’ tkun interrogat bl-użu ta’ kollegament bil-vidjow jekk qiegħed barra l-pajjiż u dan ma jxekkilx l-investigazzjoni. F’dik l-interrogazzjoni, int ikollok l-istess drittijiet bħal dawk spjegati aktar ’il fuq f’din l-iskeda informattiva.

Nista’ nintbagħat lura lejn pajjiżi?

Iva, iżda skont il-kundizzjonijiet speċifikati fil-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi ta' Proċedura Kriminali. Ikollok bżonn parir mingħand avukat.

Ninżamm f’kustodja jew niġi lliberat?

Tista’ tinżamm f’kustodja. Għal informazzjoni aktar dettaljata ara L-ewwel smigħ fil-qorti (3) u Detenzjoni jew liberazzjoni (4).

Nista’ nitlaq mill-pajjiż matul l-investigazzjoni?

Tista’ jekk mintix miżmum f’kustodja iżda għandek tinforma lill-awtorità inkwirenti. Jekk jaħsbu li hemm riskju li int taħrab mill-investigazzjoni, tista’ tiġi pprojbit milli titlaq mill-pajjiż.

Nista’ nintalab nagħti l-marki tas-swaba’, kampjuni tad-DNA tiegħi (eż. xagħar, bżieq) jew fluwidi oħra tal-ġisem?

Tista’ tintalab tali kampjuni jekk ma jkunux jistgħu jinkisbu mod ieħor. Int għandek tipprovdihom. Jekk tirrifjuta, dawn jittieħdu bil-forza bil-permess tal-qorti. Jekk it-teħid tal-kampjun jirrekjedi penetrazzjoni tal-ġisem, dan jittieħed minn tabib. Għandek id-dritt li tkun infurmat dwar il-proċedura mill-uffiċjal inkwerenti.

Jista’ jkun hemm tfittxija fuq il-persuna?

L-uffiċjal inkwerenti jista’ jordna tfittxija fuq il-persuna sabiex jiġbor provi jew jieħu oġġetti li jistgħu jxekklu l-investigazzjoni jew li jistgħu jgħinuk taħrab. It-tfittxija fuq il-persuna għandha tkun sanzjonata minn mandat tal-qorti jew tkun tirrekjedi approvazzjoni sussegwenti mill-qorti. Int intitolat li tara kemm il-protokoll tat-tfittxija kif ukoll id-deċiżjoni tal-qorti.

Jista’ jkun hemm tiftix f’dari, fil-post tan-negozju tiegħi, fil-karozza tiegħi eċċ.?

It-tweġiba hi l-istess bħal ta’ fuqha.

Nista’ nwieġeb ħati għall-akkużi kollha jew għal uħud minnhom qabel il-proċess quddiem qorti kriminali?

Tista’ twieġeb ħati matul l-ewwel interrogazzjoni wara li tisma’ għalxiex int akkużat. Dwar il-konfessjoni u d-drittijiet tiegħek f’dak il-kuntest, ara l-informazzjoni mogħtija aktar ’il fuq f’din l-iskeda informattiva.

Jistgħu jinbidlu l-akkużi qabel il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk jinġabru provi ġodda, l-akkużi jistgħu jinbidlu. Għandek tkun innotifikat dwar kwalunkwe bidliet ġodda immedjatament u għandek tkun interrogat fir-rigward tagħhom.

Nista’ nkun akkużat b’reat li kont diġà akkużat bih fi Stat Membru ieħor?

Iva, sakemm mhux stipulat mod ieħor skont ftehim internazzjonali effettiv li fih hija involuta l-Bulgarija.

Tista’ tintalab informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Iva, anki jekk inti ma tixtieqx li dan iseħħ.

L-arrest (inkluż il-Mandat ta’ Arrest Ewropew) (2)

X’nista’ nsir naf dwar dak li qed jiġri?

L-arrest (detenzjoni mill-pulizija) hu ordnat minn uffiċjal tal-pulizija. Ma tistax tinżamm għal aktar minn 24 siegħa. Ir-raġunijiet għad-detenzjoni huma speċifikati fil-mandat ta’ arrest. Għandek id-dritt li tkun taf ir-raġunijiet, tara l-mandat u tiffirmah. L-awtoritaijet tal-pulizija għandhom jilliberawk meta ma jkunx għad hemm raġuni għad-detenzjoni tiegħek.

Ikolli interpretu jekk ma nitkellimx bil-lingwa tal-pajjiż?

Jekk ma titkellimx bil-lingwa tal-pajjiż, int intitolat li tkun taf ir-raġunijiet għall-arrest tiegħek immedjatament. L-interpretu jkun ipprovdut bla ħlas.

F’liema stadju nkun nista’ nkellem avukat?

Tista’ tikkuntattja avukat mill-mument tal-arrest tiegħek. Għal aktar dettalji ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk

Nista’ nintalab nagħti xi informazzjoni? Għandi nagħti informazzjoni?

Tista’ tintalab tagħti informazzjoni b’konnessjoni mad-detenzjoni. Tista’ iżda m’intix obbligat tipprovdi informazzjoni.

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa li tippreġudika l-każ tiegħi?

F’dak l-istadju, kwalunkwe informazzjoni mogħtija minnek mhix aċċettata bħala prova. Għaldaqstant, ma tistax tintuża kontrik. L-informazzjoni li tagħti tista’ sservi bħala prova biss waqt l-interrogazzjoni li ssir ladarba inti tkun taf bl-akkużi tiegħek. Għal aktar dettalji ara L-investigazzjoni (li tinkludi t-tressiq tal-akkużi u l-interrogazzjoni) (1).

Nista’ nikkuntattja membru tal-familja jew xi ħabib?

Tista’. L-uffiċjal tal-pulizija għandu jgħarraf immedjatament lil persuna magħżula minnek dwar l-arrest tiegħek.

Jista’ jkolli tabib jekk ikolli bżonn?

Int intitolat għal għajnuna medika f’każ ta’ bżonn. Il-pulizija ġġiblek tabib.

Nista’ nikkuntattja l-Ambaxxata tiegħi jekk jien barrani?

Tista’ tikkuntattja l-uffiċju konsulari ta’ pajjiżek. L-awtorità tad-detenzjoni għandha tgħidlek immedjatament b’dak id-dritt.

Jista’ jkun hemm tfittxija fuq il-persuna?

Wara li tkun arrestat, ikun hemm tfittxija fuq il-persuna. Aktar tard il-qorti għandha tagħti l-approvazzjoni tagħha dwar l-oġġetti personali misjuba fuqek biex jintużaw bħala provi. Għandek id-dritt li tara l-protokoll għat-tfittxija.

Nista’ nappella?

Tista’ tikkontesta l-legalità tad-detenzjoni tal-pulizija billi tappella quddiem il-qorti. Il-qorti għandha tiddeċiedi immedjatament dwar l-appell tiegħek.

X’jiġri jekk niġi arrestat b’Mandat ta’ Arrest Ewropew?

Jekk Stat Membru joħroġ Mandat ta’ Arrest Ewropew kontrik, int tista’ tinżamm fi Stat Membru ieħor u mgħoddi lill-Istat emittenti wara s-smigħ minn imħallef. Għas-smigħ, int intitolat għal avukat u għal interpretu, jekk ikollok bżonn wieħed.

L-ewwel smigħ tal-qorti (3)

Għalfejn iseħħ l-ewwel smigħ tal-qorti?

Meta tkun infurmat dwar l-akkużi kontrik bħala “konvenut”, il-prosekutur jista’ jitlob li int tinżamm taħt arrest preventiv, jew taħt arrest domiċiljari, bħala miżura għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni. Kull waħda minn dawn iż-żewġ miżuri hi imposta mill-qorti kif propost mill-prosekutur. Peress li tali miżura ma tistax titieħed fin-nuqqas tiegħek, għandek tittieħed il-qorti li se tiddeċiedi dwar il-miżura.

Min jiżvolġi liema rwol?

Ir-rwol tal-prosekutur hu li jiżgura li int tidher quddiem il-qorti. Meta tinżamm mill-pulizija, il-prosekutur jista’ jestendi d-detenzjoni tiegħek iżda mhux għal aktar minn 72 siegħa. L-uniku għan ta’ dik id-detenzjoni hu li jiżgura d-dehra tiegħek quddiem il-qorti f’dawk it-72 siegħa. Il-qorti tisimgħek, teżamina l-provi miġbura u tiddeċiedi, skont il-liġi, jekk iżżommokx jew tilliberakx.

X’nista' nsir naf dwar dak li jkun qed jiġri?

Għandek id-dritt li tkun mgħarraf mill-prosekutur bir-raġuni għalfejn int detenut u dwar meta tkun se titressaq il-qorti.

Ikolli interpretu jekk ma nitkellimx bil-lingwa tal-pajjiż?

Jekk ma titkellimx bil-lingwa tal-pajjiż, jista’ jkollok interpretu, bla ħlas, għas-smigħ tal-qorti.

F’liema stadju nkun nista’ nitkellem ma’ avukat?

Tista’ tikkuntattja avukat qabel l-ewwel smigħ tal-qorti. Għall-għażla tiegħek ta’ avukat u d-dritt tiegħek għal parir legali bla ħlas, ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk.

Nista’ nintalab nagħti xi informazzjoni? Għandi nagħti informazzjoni?

Il-qorti se titolbok tikkonferma d-dettalji personali tiegħek. Għandek id-dritt li tinstema’ mill-qorti dwar jekk għandekx tinżamm jew għandekx tkun illiberat. L-avukat tiegħek jagħtik parir dwar x’għandek tgħid.

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa li tippreġudika l-każ tiegħi?

F’dan l-istadju, kwalunkwe informazzjoni mogħtija minnek mhix aċċettata bħala prova. Għaldaqstant, kwalunkwe ħaġa li tgħid ma tistax tintuża kontrik.

Ningħata informazzjoni dwar il-provi miġjuba kontrija?

Kemm int kif ukoll l-avukat tiegħek għandkom id-dritt li taraw il-provi li fuqhom il-prosekutur ibbaża t-talba għad-detenzjoni tiegħek. Ikollok ħin biżżejjed biex teżamina l-provi qabel is-smigħ tal-qorti.

Nista’ nintalab nagħti xi informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Il-qorti titlob li tara l-kondotta tiegħek, irrispettivament minn dak li tixtieq inti.

Detenzjoni jew liberazzjoni (4)

X’nista’ nsir naf dwar dak li jkun qed jiġri?

Wara li l-qorti teżamina l-materjal miġbur u tisma’ lill-prosekutur, l-avukat tiegħek u int, tkunu tafu d-deċiżjoni tal-qorti fl-istess sessjoni tal-qorti.

Fl-ewwel smigħ, il-qorti tista’:

F’dak is-smigħ, il-qorti ma tiddeċidiex dwar kemm huma validi l-akkużi miġjuba kontrik.

Nista’ nikkuntattja membru tal-familja jew ħabib?

Jekk il-qorti tordna li int tinżamm taħt arrest, il-familja tiegħek għandha tkun mgħarrfa immedjatament.

Jista’ jkolli tabib jekk ikolli bżonn wieħed?

Jekk int miżmum taħt arrest, int intitolat għal għajnuna medika meta jkollok bżonnha.

Nista’ nikkuntattja l-Ambaxxata tiegħi jekk jien barrani?

Jekk int detenut, il-qorti tordna li l-Ministeru Bulgaru għall-Affarijiet Barranin ikun mgħarraf immedjatament sabiex tkun tista’ tikkuntattja l-uffiċċju konsolari tal-pajjiż tiegħek.

Nista’ nappella?

Tista’ tappella kontra d-deċiżjoni tal-qorti dwar id-detenzjoni jew il-liberazzjoni tiegħek fi żmien 3 ijiem mill-ġurnata li tittieħed. Il-Qorti tal-Appell tikkonsidra l-appell tiegħek fi żmien 7 ijiem mill-għoti tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza. Id-deċiżjoni tagħha tkun finali.

It-tħejjija tal-każ mill-prosekuzzjoni (5)

X’inhu l-għan ta’ dan l-istadju?

Dan l-istadju jintlaħaq wara li l-investigazzjoni titlesta (għal aktar informazzjoni dwar l-investigazzjoni ara hawnhekk). L-għan ta’ dan hu sabiex il-prosekutur jeżamina l-provi miġbura u jiddeċiedi dwar jekk is-suppożizzjoni li twettaq delitt tkunx ġiet ippruvata mingħajr ebda dubju. Huwa biss f’dan il-mument li każ jista’ jittieħed il-qorti biex jinbeda proċess quddiem qorti kriminali.

Min għandu r-rwol ewlieni?

Il-prosekutur. F’dan l-istadju, il-prosekutur jiddeċiedi jekk jiħux il-każ il-qorti. Barra minn hekk, il-prosekutur jista’ jtemm il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess quddiem qorti kriminali meta dan ikun ipprovdut mil-liġi. B’hekk, il-każ ma jitressaqx il-qorti. Apparti dan, il-prosekutur jista’ jissospendi l-proċedimenti ta’ qabel il-proċess quddiem qorti kriminali jekk ikun permess mil-liġi sakemm ir-raġunijiet għal sospensjoni ma jkunux validi aktar u mbagħad il-proċedimenti jkunu jistgħu jitkomplew. Jekk il-prosekutur isib xi ħaġa mhux korretta fil-mod kif il-materjal tal-investigazzjoni ikun qed jiġi eżaminat mill-kovenut, il-prosekutur jista’ jirreferi lura l-każ lill-uffiċjal inkwirenti sabiex l-iżball ikun ikkoreġut jew jista’ jikkoreġih hu stess.

Kif nista’ nkun naf x’ikun qed jiġri?

Jekk l-akkużi kontrik huma ppreżentati fil-qorti, il-qorti tibgħatlek kopja tal-att tal-akkuża. Jekk il-prosekutur jtemm jew jissospendi l-proċedimenti, il-prosekutur jibgħatlek kopja tad-deċiżjoni.

Nista’ nappella?

Tista’ tappella, quddiem il-qorti, kontra d-deċiżjoni ta’ terminazzjoni mill-prosekutur fi żmien 7 ijiem mill-irċevuta tal-kopja. Il-qorti tal-ewwel istanza teżamina l-appell fi żmien 7 ijiem mid-data li jkun ġie ppreżentat. Id-deċiżjoni tal-qorti tista’ tkun appellata quddiem il-Qorti tal-Appell li tieħu d-deċiżjoni finali. Tista’ tappella wkoll, quddiem il-qorti, kontra d-deċiżjoni ta’ sospensjoni mill-prosekutur. Imbagħad id-deċiżjoni tal-qorti tkun finali.

Nista' ningħata informazzjoni ulterjuri?

Fejn il-prosekutur isib xi ħaġa ħażina fil-mod kif eżaminajt il-materjal tal-investigazzjoni u jirreferi l-każ lura lill-uffiċjal inkwirenti biex jikkoreġi l-irregolarità jew jikkoreġiha hu stess, għandek id-dritt li tkun infurmat b’dawn l-atti ulterjuri.

It-tħejjija tal-każ min-naħa tad-difiża (6)

X’inhu l-għan ta’ dan l-istadju?

L-għan tiegħu hu sabiex int u l-avukat tiegħek teżaminaw il-provi kollha miġbura matul l-investigazzjoni, wara li din titlesta, inkluż il-materjal li hu favurik. Għaldaqstant, int tkun taf xi provi se jsostnu lill-prosekutur meta jippreżenta l-akkużi kontrik fil-qorti. Dan ikun jista’ jgħin lilek u lill-avukat tiegħek sabiex torganizzaw id-difiża għal matul il-proċess quddiem qorti kriminali.

Kif inkun naf x’ikun qed jiġri?

Meta l-investigazzjoni titlesta u jekk int, jew l-avukat tiegħek, titolbu hekk, l-uffiċjal inkwirenti, qabel ma jibgħat il-materjal miġbur lill-prosekutur, jgħarraf lilek u lill-avukat tiegħek dwar il-post, id-data u l-ħin li fihom tkunu tistgħu teżaminaw il-provi. Int u l-avukat tiegħek intitolati għal ħin biżżejjed biex tagħmlu dan.

Ikolli interpretu jekk ma nitkellimx bil-lingwa tal-pajjiż?

Jekk ma titkellimx bil-lingwa tal-pajjiż, għandek teżamina l-provi fil-preżenza ta’ interpretu. M’għandekx tħallas għat-traduzzjoni.

Nista’ nintalab nagħti xi informazzjoni? Għandi nagħti informazzjoni?

F’dak l-istadju, mhux se tkun interrogat u m’għandek tipprovdi l-ebda informazzjoni dwar il-każ.

X’informazzjoni se jkolli?

Tista’ tara l-provi kollha miġbura u taqra x-xhieda kollha mogħtija. L-avukat tiegħek għandu jispjegalek xi jfissru l-provi kollha miġbura.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li nara l-provi?

Fl-assistenza ta’ avukat, tista’ titlob provi ġodda jew tikkummenta dwar, jew toġġezzjona għal, kwalunkwe att relatat mal-investigazzjoni. L-uffiċjal inkwerenti għandu jżomm rekord tat-talbiet, il-kummenti u l-oġġezzjonijiet tiegħek filwaqt li l-prosekutur jiddeċiedi dwar jekk humiex ġustifikati jew le.

X’jiġri jekk it-talbiet, il-kummenti u l-oġġezzjonijiet tiegħi jkunu ġustifikati?

Il-prosekutur jordna lill-uffiċjal inkwirenti sabiex jieħu azzjoni ulterjuri dwar l-investigazzjoni. Għandek id-dritt li tkun innotifikat dwar tali azzjoni u dwar provi ġodda, jekk ikun hemm, skont il-proċedura spjegata s’issa.

Miżuri għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni (7)

Miżuri ta' infurzar jistgħu jkunu imposti fuqek jekk jista’ jkun maħsub raġonevolment, fuq il-bażi tal-provi, li int wettaqt id-delitt li tkun ġejt akkużat bih. Il-miżuri għandhom l-għan li ma jippermettulekx taħrab, li twettaq reat ieħor jew li tfixkel l-infurzar ta’ pieni previsti.

Miżuri għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni huma:

  • L-iffirmar – int tassumi l-obbligu li ma titlaqx mill-post ta’ residenza tiegħek mingħajr il-permess ta’ awtorità kompetenti.
  • Garanzija – tħallas ċertu ammont ta’ flus kontanti jew b’titoli. Jekk taħrab, dak l-ammont jittieħed u tkun imposta fuqek miżura aktar severa.
  • Arrest domiċiljari – ma titħalliex titlaq minn darek mingħajr permess.
  • Arrest preventiv – tinżamm f’iżolament sfurzat.

Persuna għandha tiżamm taħt arrest preventiv f’faċilitajiet tal-pulizija jew fil-ħabs.

Għandek id-dritt li tkun taf, billi tiffirma għal dan, dwar il-miżura għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni li jkun hemm kontrik. L-iffirmar u l-garanzija huma imposti mill-prosekutur. L-arrest domiċiljari u l-arrest preventiv huma determinati mill-qorti kif mitlub mill-prosekutur. Il-miżura hi bbażata skont il-gravità tal-akkuża, tal-provi u tal-istat personali tiegħek. Fuq il-bażi ta’ dawn il-fatturi, jista’ jkun deċiż li ma tkun imposta l-ebda miżura preventiva bħal din fuqek.

L-ebda miżura għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni ma tista’ tkun imposta fin-nuqqas tiegħek. Il-qorti għandha tikkunsidra kull applikazzjoni ppreżentata minnek għal bidla tal-miżuri ta’ “arrest preventiv” u ta’ “arrest domiċiljari” f’oħrajn inqas severi.

L-arrest mill-pulizija u d-detenzjoni ordnati minn prosekutur sa 72 siegħa huma miżuri preparatorji u bil-liġi, ma jikkostitwixxux miżuri għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni.

Projbizzjoni fuq it-tluq mill-Bulgarija (8)

Jekk int akkużat b’delitt, punibbli bi priġunerija għal aktar minn 5 snin, il-prosekutur jista’ jipprojbik milli titlaq mill-Bulgarija mingħajr il-permess tiegħu. Il-punti ta’ kontroll fuq il-fruntieri jkunu nnotifikati immedjatament dwar il-projbizzjoni. Il-miżura għandha l-għan li ma tħallikx tevadi mill-investigazzjoni.

Int jew l-avukat tiegħek tistgħu titolbu lill-prosekutur sabiex iħallik titlaq mill-pajjiż għal darba, għal perjodu ta’ żmien fiss. Il-prosekutur jirrispondi fi żmien tliet ijiem mid-data tal-irċevuta tat-talba tiegħek. Jekk din tkun miċħuda, int intitolat li tappella quddiem il-qorti. Il-qorti immedjatament tikkunsidra t-talba tiegħek mingħajr smigħ. Il-qorti tista’ tikkonferma ċ-ċaħda tal-prosekutur jew tippermettilek titlaq mill-pajjiż għal ċertu perjodu ta’ żmien. Dik id-deċiżjoni tkun finali.

Bl-istess mod, int u l-avukat tiegħek tistgħu titolbu lill-qorti sabiex tneħħi kompletament il-projbizzjoni fuq it-tluq mill-Bulgarija. Il-qorti tagħmel dan jekk tiddeċiedi li m’hemm l-ebda riskju li int taħrab meta tkun barra mill-pajjiż.

Fil-proċeduri tal-qorti msemmija hawn fuq, ir-raġunijiet tal-akkużi kontrik ma jiġux ikkunsidrati.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Ministeru tal-Att dwar l-Affarijiet Interni

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAtt dwar l-Estradizzjoni u l-Mandat ta’ Arrest Ewropew

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaRegolamenti dwar l-Infurzar tal-Ministeru dwar l-Affarijiet Interni


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 09/03/2020

3 – Id-drittijiet tiegħi fil-qorti


Fejn u kif isir il-proċess?

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jistabbilixxi jekk il-qorti tal-ewwel istanza li se tisma’ l-każ tiegħek hix se tkun qorti distrettwali jew reġjonali. Għal aktar tagħrif dwar il-qrati, ara s-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill Ġudizzjarju Suprem.

Fil-prinċipju, il-proċess ikun pubbliku. Madanakollu, hu possibbli li l-proċess sħiħ jew is-smigħ individwali jinstema’ bil-bibien magħluqa għall-pubbliku. Dan iseħħ biex ikunu protetti sigrieti tal-istat, il-morali pubbliċi jew l-identità sigrieta ta’ xhieda protetti.

Skont il-gravità tal-akkuża, il-każ jiġi deċiż minn imħallef jew minn bord magħmul minn imħallef u żewġ ġurati. Għal ħafna mill-każijiet ta’ delitti serji jkun hemm bord ta’ 2 imħallfin u 3 ġurati. L-imħallef u l-ġurati għandhom voti ugwali fil-proċess.

L-akkużi jistgħu jinbidlu matul il-proċess quddiem qorti kriminali?

Dan hu possibbli jekk, matul il-proċess quddiem qorti kriminali, fatti ġodda li ma jkunux magħrufa mill-awtoritajiet inkwirenti sa dak il-mument, jiġu ppruvati li jappoġġjaw il-bidla. Iżda akkużi ġodda jistgħu jinġiebu biss meta:

  • ikun hemm bżonn ta’ bidliet serji fil-fatti spjegati fl-akkużi oriġinali;
  • anki mingħajr tali bidliet, l-akkużi l-ġodda jikkonċernaw delitti aktar serji.

Jekk ikun hemm akkuża ġdida, tista’ titlob sabiex tipprepara għaliha qabel ma jkompli l-proċess quddiem qorti kriminali.

Jekk twieġeb ħati għal xi akkuża, tista’ tkun imposta sentenza iżgħar. Iżda l-qorti ma tistax taqta’ sentenza fuq il-bażi tal-ammissjoni tiegħek biss.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi matul il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk int akkużat b’delitt punibbli permezz ta’ priġunerija ta’ aktar minn 5 snin, trid tattendi għall-proċess quddiem qorti kriminali. Jekk int ġej minn pajjiż barrani u l-preżenza tiegħek hi obbligatorja, il-proċess quddiem qorti kriminali jista’ jinstema’ mingħajrek skont il-kundizzjonijiet speċifikati Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk biss. F’dawn il-każijiet, l-avukat tal-għassa jkun allokat għalik skont il-proċedura speċifikata Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk.

Fil-prinċipju, il-parteċipazzjoni għall-proċess quddiem qorti kriminali b’kollegament bil-vidjow mhijiex permessibbli. F’każ li l-qorti tara li l-verità ma tkunx imfixkla biss, hija tkun tista’ tagħmillek mistoqsijiet b’kollegament bil-vidjow – u jekk int barra l-pajjiż biss. Parteċipazzjoni obbligatorja tfisser il-preżenza fiżika tiegħek matul il-proċess kollu. Jekk il-parteċipazzjoni tiegħek mhix obbligatorja, għandek id-dritt li tkun preżenti xorta. Jekk ma titkellimx bil-lingwa, jista’ jkollok interpretu mingħajr ħlas.

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali jistabbilixxi l-każi meta int irid ikollok difiża legali. Dwar l-għażla tiegħek ta’ avukat u d-dritt għall-għajnuna legali bla ħlas, ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk. Tista’ tibdel l-avukat tiegħek. Jekk int detenut, tista’ tiltaqa’ u titkellem mal-avukat tiegħek fil-privat. Tista’ tkun megħjun minn interpretu jekk ma titkellimx bil-lingwa.

Tista’, iżda mhux bilfors, titkellem waqt il-proċess quddiem qorti kriminali. Anki jekk tgħid xi ħaġa li mhix vera, din mhux se jkollha konsegwenzi negattivi kontrik. Iżda għandek tikkonferma d-dettalji personali tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-provi miġjuba kontrija?

Tista’ tikkontesta l-provi miġjuba kontrik. Tista’ tiddikjara li mhumiex ammissibbli għax ma ġewx miġbura b’mod legali jew għaliex, minkejja l-fatt li huma ammissibbli, ma jappoġġjawx l-akkuża. Normalment, il-provi huma kkontestati fi tmiem il-proċess meta l-avukat jippreżenta l-argumenti tad-difiża. L-ammissibbiltà tal-provi tista’ tkun ikkontestata wkoll matul il-proċess quddiem qorti kriminali.

Int intitolat li titlob kwalunkwe prova, ammissibbli skont il-liġi, li taħdem favurik. Tista’ titlob li jiġu interrogati xhieda tad-difiża. Tista’ titlob li jitressqu provi fi kwalunkwe ħin tal-kawża. Provi miġjuba bis-saħħa ta’ investigatur privat huma ammissibbli jekk huma miġbura skont il-liġi. L-avukat tiegħek jista’ jevalwa l-valur tagħhom.

Int u l-avukat tiegħek tistgħu tistaqsu mistoqsijiet lix-xhieda tal-prosekuzzjoni fil-preżenza tagħhom. Il-proċedura għall-interrogazzjoni ta’ Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaxhieda protetti hi aktar speċifika. Tista’ tikkontesta dak li x-xhieda qalu kontrik. Normalment, dan isir lejn tmiem il-kawża meta l-avukat jippreżenta l-argumenti tad-difiża.

L-informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi tista’ tiġi kkunsidrata?

Taqbel jew ma taqbilx, il-qorti tiġbor l-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali preċedenti tiegħek. Jekk tinsab ħati u għandek kundanni preċedenti, dawn jistgħu jwasslu għal penali aktar ħarxa. L-informazzjoni għandha tkun kurrenti sa minn tmiem il-proċess quddiem qorti kriminali. Kundanni preċedenti fi Stat Membru ieħor ikunu kkunsidrati jekk ikunu rikonoxxuti preċedentement minn qorti Bulgara.

X’jiġri fi tmiem il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk il-qorti tiddetermina li l-akkuża hi ppruvata mingħajr l-ebda dubju, il-qorti ssibek ħati u tikkastigak skont il-liġi. Inkella, il-qorti tiddikjarak ‘mhux ħati’.

Sentenzi possibbli:

  • Priġunerija għall-għomor – bid-dritt jew mingħajr dritt ta’ sostituzzjoni: imposta għad-delitti l-aktar gravi. Priġunerija għall-għomor mingħajr dritt ta’ sostituzzjoni ma tistax tkun mibdula fi priġunerija għal terminu definit. Priġunerija għal żmien definit – għal mhux aktar minn 20 sena jew, b’eċċezzjoni, sa 30 sena. Din is-sentenza hi skontata l-ħabs.
  • Probation għal terminu definit – jinkludi miżuri ta’ kontroll u miżuri li jinfluwenzaw mingħajr ma jċaħħdek mil-libertà tiegħek. Servizz fil-komunità jista’ jkun eżempju ta’ tali miżura.
  • Sekwestru – il-propjetà tiegħek jew parti minnha titteħidlek bil-forza.
  • Multa – għandek tħallas ċertu ammont ta’ flus.
  • Ċaħda, għal perjodu definit, mid-dritt li jkollok ċerta pożizzjoni jew li teżerċita ċerta professjoni, id-dritt li tkun mogħti premji jew titli militari.
  • Ċensura pubblika – is-sentenza tiegħek issir pubblika b’mod xieraq.

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess quddiem qorti kriminali?

Bħala akkużatur privat, il-vittma tappoġġja l-akkuża mressqa mill-prosekutur pubbliku u titlob għall-kundanna tiegħek. Bħala attur ċivili, il-vittma titlob li int tkun ikkundannat sabiex tħallas għad-danni kkawżati mid-delitt. Il-vittma tippreżenta petizzjoni fil-bidu tal-proċess quddiem qorti kriminali u tassumi dawn ir-rwoli jekk il-qorti tiddeċiedi hekk.

Interrogazzjoni ta’ xhieda protetti

It-testimonjanza tista’ tipperikola l-ħajja jew is-saħħa ta’ xhud jew tal-familja u l-ħbieb tiegħu/tagħha. Imbagħad jekk il-qorti tkun konvinta li l-periklu hu reali, tieħu miżuri – fuq it-talba jew bil-kunsens tax-xhud – biex tipproteġi b’mod urġenti s-sigurtà tiegħu/tagħha. Eżempju ta’ tali miżura jista’ jkun li ma tkunx żvelata l-identità tax-xhud mhedded.

Jekk xhud protett b’identità sigrieta għandu jixhed, il-qorti tinterrogah/a meta l-partijiet għall-proċess ma jkunux preżenti. Il-liġi teħtieġ li l-qorti tieħu l-prekawzjonijiet possibbli kollha sabiex ma tesponix l-identità tax-xhud. Wara l-interrogazzjoni, il-qorti immedjatament tipprovdi lilek u lill-avukat tiegħek b’kopji tad-dikjarazzjoni tax-xhud mhux iffirmata. Int u l-avukat tiegħek tistgħu tagħmlu mistoqsijiet lix-xhud bil-miktub.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.lex.bg/bg/laws/ldoc/2135512224Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi ta' Proċedura Kriminali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.lex.bg/bg/laws/ldoc/1589654529Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi Kriminali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.lex.bg/bg/laws/ldoc/2135560660Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Att Ġudizzjarju

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.vss.justice.bg/bg/vlast/1.htmIl-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kunsill Ġudizzjarju Suprem


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 09/03/2020

4 – Id-drittijiet tiegħi wara li l-qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha


Nista’ nappella?

Wara li ssibek “ħati” jew “mhux ħati”, il-qorti toħroġ verdett li int issir taf bih fi tmiem il-kawża. Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jindika meta l-qorti tista’ tiċħad kawża kriminali mingħajr ma toħroġ verdett. Imbagħad il-qorti tagħmel deċiżjoni. Tista’ tappella kemm kontra l-verdett kif ukoll kontra d-deċiżjoni.

L-appell irid ikun bil-miktub u fih il-firma tiegħek. Jiġi sottomess mill-qorti tal-ewwel istanza għall-qorti tal-appell. Jekk l-ewwel istanza hi qorti distrettwali, il-qorti tal-appell tkun qorti reġjonali. Il-verdetti u d-deċiżjonijiet ta’ qorti reġjonali huma appellati quddiem qorti tal-appell. Għal aktar tagħrif dwar il-qrati ara s-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill Ġudizzjarju Suprem. L-appelli kontra verdetti huma ppreżentati fi żmien 15-il ġurnata mid-data li jkunu ddikjarati, u d-deċiżjonijiet – fi żmien 7 ijiem mill-ġurnata li fiha jiġu nnotifikati.

Fl-appell, tista’ tilmenta dwar il-konklużjonijiet tal-qorti fir-rigward ta’ fatti li sabet li ġew ippruvati, l-applikazzjoni ta’ liġijiet relevanti u dwar penali inġusti. Irrispettivament minn kemm isiru lmenti, u x’tip ta’ lmenti jkunu saru, il-qorti tal-appell tiddeċiedi jekk il-verdett sħiħ ikunx korrett jew le.

X’jiġri jekk nappella?

Wara li tkun irċiviet l-appell tiegħek, il-qorti tal-ewwel istanza tibgħat kopji tiegħu lill-prosekutur u lill-partijiet l-oħra fil-kawża. Flimkien mar-raġunijiet tagħha għall-verdett, l-istess qorti tirreferi l-kawża bl-appell lill-qorti tal-appell. Jekk il-qorti ordnatlek li tinżamm f’kustodja proviżorja bħala Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidamiżura għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-prosekuzzjoni l-appell ma jwassalx għall-konċessjoni awtomatika tal-libertà tiegħek. Iżda tista’ titlob lill-qorti tal-appell biex dik il-miżura tiġi mibdula għal waħda inqas severa. Il-qorti tiddeċiedi l-appell tiegħek waqt smigħ separat.

M’hemmx data ta’ skadenza għall-qorti tal-appell biex tistabbilixxi data għas-smigħ. Din tiddependi fuq meta jistgħu jitħejjew ir-raġunijiet għall-verdett u fuq il-volumi ta’ xogħol tal-qorti tal-appell.

Tista’ ġġib provi ġodda quddiem il-qorti tal-appell għax dik il-qorti tista’ ssib fatti ġodda. Ir-regoli dwar il-provi validi għall-proċess tal-ewwel istanza japplikaw hawnhekk ukoll.

X’jiġri waqt is-smigħ tal-appell?

Tista’, iżda mhux bilfors, tattendi għas-smigħ. Int u l-avukat tiegħek tistgħu tagħmlu dikjarazzjoni bil-fomm dwar l-ilmenti fl-appell. Il-partijiet l-oħra preżenti jistgħu jgħidu x’jaħsbu dwar l-appell.

Il-qorti tal-appell tista’:

  • tiddeċiedi li tannulla l-verdett u tirreferi l-każ lill-prosekutur jew lill-qorti tal-ewwel istanza għal eżaminazzjoni mill-ġdid.
  • tannulla l-verdett tal-qorti tal-ewwel istanza u toħroġ verdett ġdid.
  • tiddeċiedi li tibdel il-verdett, għal sentenza inqas severa.
  • tiddeċiedi li tirrevoka l-verdett u li twaqqaf il-proċedimenti kriminali.
  • tissospendi l-proċedimenti kriminali fil-każijiet previsti fil-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi ta' Proċedura Kriminali
  • tiddeċiedi li tikkonferma l-verdett tal-qorti tal-ewwel istanza.

X’jiġri jekk l-appell jintlaqa’/ma jintlaqax?

Jekk m’intix kuntent bil-verdett jew bid-deċiżjoni ta’ qorti tal-appell, tista’ tappella quddiem Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni. Jekk il-qorti tal-appell tkun qorti reġjonali, tista’ tippreżenta appell quddiem il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni biss f’każ li l-qorti reġjonali tkun ħarġet verdett ġdid.

Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni ma ssibx fatti ġodda u għaldaqstant, ma taċċettax provi ġodda. Dik il-qorti tista’ tindika biss jekk il-liġijiet ġewx applikati b’mod korrett u jekk il-penali imposta hijiex ġusta. Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni tikkonsidra biss l-ilmenti ddikjarati fl-appell li sarilha.

Int tkun intitolat għal kumpens biss meta l-kundanna tiegħek tiġi annullata u l-qorti tal-appell toħroġ verdett ġdid ta’ “mhux ħati”. Għal aktar dettalji, ara l-att dwar il-kumpens speċjali Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk. Jekk, minkejja l-appell, il-kundanna tibqa’ tali, anki jekk b’sentenza inqas severa, din tibqa’ tidher fuq il-kondotta tiegħek. Verdett ta’ liberazzjoni ma jitniżżilx.

Ladarba tagħmel użu mill-possibbiltajiet kollha għall-appell quddiem qorti tal-appell u l-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, mhuwiex possibbli li jsir appell ulterjuri Il-verdett isir finali – jekk ma jkunx appellat, jew jekk ikun appellat wara d-data ta’ skadenza, jew wara li l-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni tkun iddikjarat id-deċiżjoni tagħha.

Jien minn Stat Membru ieħor. Nista’ nintbagħat lura wara l-proċess quddiem qorti kriminali?

Tista’ tintbagħat lura. F’xi każi, dan jista’ jseħħ anke jekk ma taqbilx. It-trasferiment tiegħek ma jseħħx awtomatikament wara li s-sentenza tidħol fis-seħħ. Trid isseħħ proċedura li hi spjegata fid-dettall fil- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi ta' Proċedura Kriminali. Ikollok bżonn parir legali.

Jekk inkun ikkundannat, nista’ nerġa’ niġi pproċessat għall-istess delitt?

Il-liġi ma tippermettix li int tkun ipproċessat għal delitt li diġà tkun ġejt ikkundannat għalih. Din il-projbizzjoni tapplika wkoll meta tkun ikkundannat fi Stat Membru ieħor.

Informazzjoni dwar l-akkużi/il-kundanna

L-informazzjoni dwar l-akkużi kontrik jinżammu fir-rekords tal-pulizija. Jekk tkun illiberat, tista’ titlob lill-pulizija tħassar dik l-informazzjoni.

L-informazzjoni dwar il-kundanna titniżżel fil-kondotta tiegħek. Dan jinżamm mill-qorti distrettwali rispettiva. Jekk twelidt barra mill-Bulgarija, il-kondotta tiegħek tinżamm fil-Ministeru tal-Ġustizzja.

L-ebda rekord ta’ kundanna kriminali ma jiġi mħassar sakemm ikollok 100 sena u mbagħad jitqiegħed fuq mikrofilm u jitħassar. Il-kunsens tiegħek mhuwiex meħtieġ għall-ħażna tal-kondotta tiegħek. Lanqas m’inti intitolat li toġġezzjona għall-ħażna ta’ dik l-informazzjoni.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi ta’ Proċedura Kriminali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAtt dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni (Ikkawżati liċ-Ċittadini)

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaOrdinanza Nru.8 tas-26 ta’ Frar 2008 dwar il-Funzjonijiet u l-Organizzazzjoni tax-Xogħol tal-Uffiċċji tar-Rekords ta’ Kundanni Kriminali


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 09/03/2020

5 – Reati minuri tat-traffiku fit-triq


Kif jiġu riżolti reati minuri tat-traffiku fit-triq?

Reati minuri tat-traffiku fit-triq relatati mal-eċċess ta’ veloċità, parkeġġ eċċ. huma ttrattati bħala reati amministrattivi. Huma riżolti b’mod amministrattiv. Penali li jistgħu jingħataw huma multa jew projbizzjoni mis-sewqan ta’ vetturi għal perjodu ta’ żmien stabbilit. Għal reati aktar gravi, iż-żewġ penali jistgħu jkunu imposti f’daqqa.

Il-pulizija tat-traffiku huma dawk li jidentifikaw dawn ir-reati u li jagħtu s-sanzjonijiet għalihom. Tista’ tappella kontra dikjarazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva mogħtija lilek quddiem il-qorti distrettwali rispettiva fi żmien 7 ijiem mid-data li fiha d-dikjarazzjoni tkun imwassla lilek. Għandek id-dritt li tkun defendut minn avukat. Multi li jammontaw sa BGN 50 mhumiex soġġetti għal appell.

Qorti distrettwali tista’ tikkonferma jew tikkanċella sanzjoni. Tista’ tappella kontra deċiżjoni ta’ qorti distrettwali quddiem il-qorti amministrattiva rispettiva. Id-deċiżjoni tagħha hi finali. Għal aktar tagħrif dwar il-qrati ara s-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill Ġudizzjarju Suprem.

L-istess proċedura tapplika għal reati mwettqa minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

Dawn ir-reati jitniżżlu fuq il-kondotta tiegħi?

Dawn ir-reati ma jitniżżlux fuq il-kondotta tiegħek.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAtt dwar ir-Reati u s-Sanzjonijiet Amministrattivi

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAtt dwar it-Traffiku fit-Triq

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaRegolamenti dwar l-Infurzar tal-Att dwar it-Traffiku fit-Triq


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 09/03/2020