Imputati (proċeduri kriminali)

Jekk inti suspettat jew jekk ġejt akkużat li wettaqt reat kriminali, dawn l-iskedi informattivi se jispjegawlek il-proċess kriminali u l-istadji differenti involuti. Hawn issib spjegazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tiegħek f’kull stadju, mill-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali sal-proċess innifsu u anki wara li dan jintemm. L-iskedi informattivi jipprovdu wkoll informazzjoni dwar kif jiġu trattati r-reati minuri, bħar-reati tat-traffiku fit-triq.

Jekk inti suspettat jew jekk ġejt akkużat li wettaqt delitt, inti għandek ċerti drittijiet garantiti mil-liġi li jridu jiġu rispettati. Jeħtieġ li tkun taf x’inhuma dawn id-drittijiet u li tkun infurmat kompletament dwar dak li jkun qed jiġri matul l-istadji differenti tal-proċess kriminali.   L-iskedi informattivi jkopru oqsma prinċipali, inkluż liema hija l-awtorità li twettaq l-investigazzjonijiet, kif tikseb parir legali, ir-rwoli u d-drittijiet ta' entitajiet u uffiċjali differenti kif ukoll informazzjoni dwar kwalunkwe skadenzi li jistgħu japplikaw waqt il-proċess u l-għajnuna li tista’ tingħatalek. Għandek issib ukoll informazzjoni dwar l-obbligi tiegħek waqt il-proċess.

Peress li s-sitwazzjoni minn pajjiż għal ieħor hija differenti, huwa importanti li tifhem il-proċess u li tkun kompletament konxju tad-drittijiet u l-obbligi tiegħek. Waqt li taqra dawn l-iskedi informattivi, ħu nota tar-rwoli u ta’ xi skadenzi li japplikaw.

L-iskedi informattivi li ġejjin se jiggwidawk fl-istadji l-iktar importanti tal-proċeduri kriminali f'kull Stat Membru, billi jispjegawlek id-drittijiet tiegħek u r-regoli bażiċi li trid issegwi biex tkun tista' teżerċitahom.

Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

Din l-informazzjoni ma tissostitwix il-parir legali u hija maħsuba biex isservi biss ta’ gwida. Jekk teħtieġ l-għajnuna, dejjem ivverifika ma’ avukat jew ma' xi espert ieħor biex tistabbilixxi x'inhuma l-fatti li japplikaw għas-sitwazzjoni partikolari tiegħek.

F'dawn l-iskedi informattivi hu meqjus li kwalunkwe referenza għal persuna ta' sess maskil hija wkoll referenza għal persuna ta’ sess femminil u viċe versa, sakemm il-kuntest ma jkunx jindika biċ-ċar mod ieħor.

L-aħħar aġġornament: 17/11/2021

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.