Id-drittijiet tal-imputati fil-proċeduri kriminali - Svezja

Dawn l-iskedi informattivi jispjegaw x’jiġri meta persuna tkun issuspettata jew akkużata li wettqet xi delitt li jiġi ttrattat permezz ta’ proċess quddiem il-qorti kriminali. Għal tagħrif dwar reati inqas serji, bħal reati tat-traffiku fit-triq, li normalment ikunu ttrattati permezz ta’ penali fissa bħal multa, ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIskeda Informattiva 5.

Jekk inti vittma ta’ xi delitt, tista’ ssib tagħrif sħiħ dwar id-drittijiet tiegħek hawnhekk.


Sommarju tal-proċess kriminali

Dan li ġej huwa sommarju tal-istadji normali tal-proċess kriminali.

  • Delitt jiġi rrappurtat lill-pulizija;
  • Il-pulizija jagħmlu l-investigazzjoni kriminali (investigazzjoni preliminari); fil-każ ta’ delitti aktar serji l-investigazzjoni titmexxa mill-prosekutur;
  • Fil-parti l-kbira tal-każijiet hemm il-possibbiltà li tqabbad avukat difensur pubbliku;
  • Fil-każ ta’ delitti aktar serji jew ripetuti l-prosekutur jista’ jitlob lill-qorti li tinżamm taħt arrest. Imbagħad isir smigħ speċjali dwar l-arrest;
  • Il-prosekutur iressaq il-prosekuzzjoni fil-qorti distrettwali;
  • Il-qorti distrettwali tibda l-proċess (is-smigħ ewlieni) sabiex teżamina jekk hemmx provi li juru li inti wettaqt id-delitt u, jekk iva, sabiex tiddeċiedi dwar pieni eċċ;
  • Jekk xi waħda mill-partijiet tappella, il-Qorti tal-Appell teżamina jekk is-sentenza tal-qorti distrettwali għandhiex tkun ikkonfermata jew mibdula;
  • F’xi każijiet is-sentenza tista’ tkun riveduta wkoll mill-Qorti Suprema;
  • Is-sentenza ssir legalment eżegwibbli, jiġifieri finali, u s-sentenza tiġi eżegwita jekk kien hemm kundanna.

Id-dettalji dwar dawn l-istadji kollha fil-proċess u dwar id-drittijiet tiegħek jinsabu fl-iskedi informattivi. Din l-informazzjoni ma tissostitwixxix parir legali u hija maħsuba biex isservi biss ta’ gwida. Jekk għandek bżonn xi għajnuna, dejjem ikkonsulta ma’ avukat jew ma’ xi espert ieħor sabiex tistabbilixxi x’japplika fis-sitwazzjoni speċifika tiegħek.

Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea

Jekk jogħġbok innota li l-Kummissjoni Ewropea m’għandha l-ebda rwol fil-proċeduri kriminali fl-Istati Membri u ma tistax tgħinek jekk ikollok xi lment. F’dawn l-iskedi informattivi għandek issib l-informazzjoni dwar kif għandek tressaq ilment u lil min.

Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt sabiex issib l-informazzjoni li teħtieġ

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida1 – Kif tikseb parir legali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida2 – Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni ta' delitt

  • l-interrogazzjoni
  • l-arrest
  • l-arrest preventiv
  • il-kontinwazzjoni tal-investigazzjoni tal-pulizija
  • it-tħejjija tal-każ mid-difiża
  • il-prosekuzzjoni

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida3 – Id-drittijiet tiegħi waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida4 – Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess quddiem il-qorti kriminali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida5 – Reati tat-traffiku fit-triq

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qrati Svediżi

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Awtorità Svediża tal-Prosekuzzjoni

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Assoċjazzjoni Svediża tal-Avukati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Awtorità ta’ Kumpens u Appoġġ lill-Vittmi tad-Delitti

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-Servizz Svediż tal-Ħabs u tal-Probation


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/11/2015

1 - Kif tikseb parir legali

Huwa ferm importanti li tikseb parir legali indipendenti meta tkun involut b’xi mod fi proċess kriminali. Dawn l-iskedi informattivi jgħidulek meta u f’liema ċirkostanzi inti tkun intitolat li tkun irrappreżentat minn avukat. Jgħidulek ukoll x’jagħmel l-avukat għalik. Din l-iskeda informattiva ġenerali tgħidlek ukoll kif issib avukat u kif jitħallsu l-ispejjeż tal-avukat jekk ma tkunx tista’ tħallas.


Id-dritt tiegħek għal avukat difensur pubbliku

Jekk il-qorti titlob li inti tinżamm taħt arrest, jintgħażel minnufih avukat difensur pubbliku għalik. Min-naħa l-oħra, jekk inti ma tinżammx arrestat, tista’ ma tingħatax avukat difensur pubbliku sakemm jibdew il-proċeduri kriminali. Madankollu, inti dejjem għandek id-dritt li titlob li jintgħażel avukat difensur pubbliku għalik jekk inti tkun issuspettat li wettaqt delitt li għalih is-sentenza minima hija sitt xhur priġunerija. Jista’ jkollok ukoll id-dritt għal avukat difensur pubbliku f’każijiet oħrajn.

Kif issib avukat

Jekk tixtieq avukat partikolari, normalment inti tkun intitolat li titlob li din il-persuna tinħatar bħala l-avukat difensur pubbliku tiegħek. Inkella l-qorti distrettwali tagħżel avukat difensur pubbliku għalik minn fost l-avukati li regolarment jaħdmu bħala avukati difensuri pubbliċi fil-qorti distrettwali kkonċernata. Kull qorti distrettwali għandha lista ta’ avukati lokali li normalment jaħdmu bħala avukati difensuri pubbliċi.

Tista’ wkoll tfittex avukati li jaħdmu fuq każijiet kriminali fuq is-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAssoċjazzjoni Svediża tal-Avukati.

Kif tħallas lill-avukat

Jekk jintgħażel avukat difensur pubbliku għalik, l-Istat iħallas l-ispejjeż tal-avukat. Jekk tinsab ħati tad-delitt li tkun issuspettat li wettaqt, skont iċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħek, jista’ jkun li jkollok tħallas lura parti minn dawn l-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha. Dan tiddeċiedih il-qorti.

Jekk tkun trid avukat li jaħdem f’parti oħra tal-pajjiż differenti minn dik fejn tinsab il-qorti, jista’ jkun li jkollok tħallas inti stess għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-ħin tal-ivvjaġġar tal-avukat.

Tista’ wkoll tagħżel avukat difensur privat. F’dan il-każ, ikollok tħallas l-ispejjeż kollha inti stess. Jekk inti tiġi lliberat, madankollu, huwa possibbli li tingħata rimbors tal-ispejjeż kollha jew parti minnhom.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Assoċjazzjoni Svediża tal-Avukati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Awtorità Nazzjonali tal-Għajnuna Legali


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/11/2015

2 - Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni ta’ delitt u qabel il-każ jitressaq quddiem il-qorti

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Isvediż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Il-kundizzjoni biex tinbeda kwalunkwe investigazzjoni kriminali hija li l-pulizija jew il-prosekutur ikunu ġew mgħarrfa dwar xi delitt. L-għan tal-investigazzjoni kriminali huwa li tiċċara jekk twettaqx delitt u jekk ikun twettaq, min jista’ jkun issuspettat li wettaq dan id-delitt.

Jekk ikun delitt aktar serju u jkun hemm persuna ssuspettata, l-investigazzjoni titmexxa minn prosekutur. F’kull każ ieħor l-investigazzjoni titmexxa mill-pulizija.



X’inhuma l-istadji ta’ investigazzjoni kriminali?

L-interrogazzjoni

L-ewwel jiġu interrogati l-individwi li jkun presuppost li għandhom informazzjoni utli għall-investigazzjoni. Dawn jistgħu jinkludu l-vittma tad-delitt, il-persuna li tkun issuspettata li wettqet id-delitt, jekk ikun hemm, jew xi xhieda. Persuna li tkun issuspettata li wettqet delitt tista’ tkun taħt arrest jew libera meta tiġi interrogata.

Jistgħu jittieħdu diversi tipi ta’ kampjuni li jingħataw lil awtoritajiet oħrajn għall-analiżi. L-interrogazzjonijiet kollha jsiru mill-pulizija u f’każijiet eċċezzjonali biss isiru fil-preżenza ta’ prosekutur. Jekk ma tkunx titkellem il-lingwa tal-pajjiż, għandu jkun hemm interpretu disponibbli. Jekk ikun hemm livell raġonevoli ta’ suspett li xi ħadd wettaq delitt, din il-persuna għandha tkun infurmata dwar dak is-suspett meta tiġi interrogata.

L-arrest

Jekk il-prosekutur jikkunsidra li r-raġunijiet għas-suspett huma b’saħħithom biżżejjed, huwa jista’ jiddeċiedi li għandek tkun arrestat. F’dan il-każ jeħtieġ ukoll li jkun hemm ir-riskju li, jekk tibqa’ ħieles, tista’ tfixkel l-investigazzjoni, jew tkompli twettaq delitti oħrajn, jew tgħib. Imbagħad il-prosekutur, f’terminu speċifiku ta’ żmien, għandu jew jilliberak jew jitlob lill-qorti distrettwali sabiex tordna l-arrest preventiv tiegħek.

L-arrest preventiv

Jekk inti ssuspettat li wettaqt delitt aktar serju u hemm ukoll raġunijiet speċjali għalfejn għandek tinżamm arrestat, il-prosekutur jista’ jitlob lill-qorti distrettwali sabiex tordna li titopoġġa taħt arrest preventiv. Is-smigħ tal-arrest preventiv għandu jsir fi żmien erbat ijiem mill-arrest tiegħek. F’dan is-smigħ il-qorti distrettwali tikkunsidra jekk inti għandekx tinżamm taħt arrest preventiv jew jekk għandekx tinħeles. Jekk tinżamm arrestat, l-ordni tal-arrest preventiv għandha tkun riveduta f’intervalli stipulati.

Il-kontinwazzjoni tal-investigazzjoni tal-pulizija

Irrispettivament minn jekk tinżammx taħt arrest preventiv jew le, l-investigazzjoni tkompli tiċċara jekk hemmx suspetti qawwija biżżejjed sabiex inti tiġi mħarrek. L-investigazzjoni għandha ssir malajr kemm jista’ jkun, b’mod partikolari jekk inti tkun miżmum taħt arrest. Jekk ikun meħtieġ li l-investigazzjoni tkompli għaddejja għal aktar żmien, jistgħu jsiru aktar seduti ta’ smigħ tal-arrest preventiv. Meta titlesta l-investigazzjoni, il-pulizija tippreżenta l-investigazzjoni lill-prosekutur kif ukoll lis-suspettat u lill-avukat difensur tas-suspettat. Inti u l-avukat difensur tiegħek għandkom id-dritt li titolbu li kwalunkwe ħaġa li tqisu importanti tiżdied fl-investigazzjoni qabel il-prosekutur jiddeċiedi jekk iħarrkekx jew le.

It-tħejjija tal-każ mid-difiża

Inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt li tipproduċu l-provi tagħkom sabiex jintużaw fil-proċess quddiem il-qorti kriminali. Inti u l-avukat tiegħek tistgħu tiltaqgħu wkoll sabiex tħejju għas-smigħ fil-qorti.

Il-prosekuzzjoni

Jekk il-prosekutur jemmen li għandu biżżejjed provi kontrik li jistgħu jwasslu għal kundanna, huwa għandu jibda l-prosekuzzjoni kontrik. L-atti tal-akkuża għandhom jiċċaraw liema huwa d-delitt li inti qed tkun issuspettat li wettaqt u x’att għamilt li jitqies reat kriminali. Għandhom ukoll jiċċaraw liema provi l-prosekutur ser ikun qed iressaq kontrik.

Għal aktar tagħrif dwar id-drittijiet tiegħek waqt l-istadji differenti tal-proċedura, ikklikkja fuq il-links li ġejjin:

L-interrogazzjoni (1)

Għalfejn il-pulizija jistgħu jkunu jridu jinterrogawni?

L-għan tal-interrogazzjoni huwa li jkun iċċarat jekk twettaqx xi delitt u, jekk iva, jekk għandekx xi informazzjoni dwaru. Dan japplika kemm jekk inti xhud, vittma ta’ delitt jew persuna ssuspettata.

Min ikun preżenti għall-interrogazzjoni?

Il-mistoqsijiet isiru mill-pulizija. Jista’ jkun hemm pulizija wieħed jew aktar li jagħmlu l-mistoqsijiet. Normalment il-prosekutur ma jkunx preżenti waqt l-interrogazzjoni. Jekk inti ssuspettat li wettaqt xi delitt li għalih inti għandek dritt għal avukat, tista’ titlob li jinħatarlek avukat u li jkun preżenti waqt l-interrogazzjoni.

Jekk ma tkunx titkellem bil-lingwa tal-pajjiż, inti intitolat ukoll għal interpretu. Il-pulizija jħallsu l-ispejjeż tal-interpretu. Normalment inti għandek tistenna sakemm ikun hemm l-avukat preżenti u sakemm ikollok l-aċċess għall-interpretu qabel twieġeb il-mistoqsijiet. Il-prosekutur jew il-pulizija jiddeċiedu min aktar għandu d-dritt li jkun preżenti waqt l-interrogazzjoni.

X’jiġri waqt l-interrogazzjoni?

Qabel tibda l-interrogazzjoni l-pulizija jgħidulek jekk intix qed tiġi interrogat bħala persuna ssuspettata jew għal xi raġuni oħra. Id-drittijiet tiegħek ma jinqrawlekx. Għandek id-dritt kemm li tibqa’ sieket kif ukoll li titkellem waqt l-interrogazzjoni. Kwalunkwe ħaġa li tgħid tista’ tintuża kontrik. L-interrogazzjoni tista’ tkun irrekordjata jew miktuba fl-għamla ta’ sommarju ta’ dak li tkun għidt.

Xi rwol ikollu l-avukat waqt l-interrogazzjoni?

Ir-rwol tal-avukat waqt l-interrogazzjoni huwa li jkun disponibbli sabiex iwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek u sabiex jiggarantixxi li l-interrogazzjoni ssir kif xieraq. L-avukat m’għandux id-dritt li jintervjeni fl-interrogazzjoni jekk issir kif xieraq. Jista’, madankollu, ikun intitolat li jistaqsik xi mistoqsijiet.

Hemm xi ħaġa li hija pprojbita waqt l-interrogazzjoni?

Waqt l-interrogazzjoni, il-pulizija ma jistgħux jużaw informazzjoni li jafu li hija ħażina, jew jagħmlu wegħdiet jew joffru l-prospettiva ta’ xi vantaġġi, sabiex jiksbu stqarrija ta’ ħtija. Lanqas ma jistgħu jheddu lis-suspettat, iqiegħduh taħt pressjoni jew jgħajjewh apposta. Il-persuna li tkun qiegħda tiġi interrogata għandha wkoll id-dritt għall-ikel u għall-mistrieħ meħtieġ.

Kemm jistgħu jżommuni għall-interrogazzjoni?

Jekk ma tkunx taħt arrest, normalment ma titħalliex tinżamm għall-interrogazzjoni għal aktar minn sitt sigħat. F’każijiet eċċezzjonali tista’ tkun obbligat li toqgħod għal sitt sigħat oħra. Wara dan inti għandek id-dritt li titlaq sakemm ma tinżammx arrestat. Fil-każ ta' tfal japplikaw regoli speċjali.

Kif tintemm l-interrogazzjoni?

L-interrogazzjoni tintemm meta inti tingħata l-possibbiltà li tisma’ r-reġistrazzjoni jew meta l-pulizija jaqrawlek in-noti li jkunu ħadu dwar dak li tkun għidt. Imbagħad jistaqsuk jekk dak li nkiteb jipprovdix stampa ċara ta’ dak li għidt waqt l-interrogazzjoni.

X’jiġri wara l-interrogazzjoni?

Wara l-interrogazzjoni, il-pulizija jirrappurtaw lill-prosekutur jew lill-uffiċjal tal-pulizija li jkun qed imexxi l-investigazzjoni dwar dak li jirriżulta. Jekk ikun reat inqas serju, ir-rapport lill-prosekutur ma jsirx sakemm titlesta l-investigazzjoni. Jekk inti ssuspettat li wettaqt xi delitt li jista’ jwassal għal arrest preventiv, spiss jintbagħat rapport lill-prosekutur wara kull interrogazzjoni. Il-prosekutur imbagħad jiddeċiedi jekk inti għandekx tkun arrestat jew meħlus.

L-arrest (2)

Meta nista’ niġi arrestat?

Jekk ikun hemm raġunijiet għalfejn għandek tkun arrestat, tista’ tkun arrestat waqt li l-qorti tikkunsidra l-kwistjoni tal-arrest preventiv. Dak li huwa meħtieġ sabiex inti tinżamm taħt arrest preventiv huwa spjegat f’L-arrest preventiv (3). Tista’ tkun arrestat ukoll, minkejja li r-raġunijiet għall-arrest preventiv ma jkunux issodisfati għal kollox, jekk ikun hemm bażi raġonevoli li fuqha inti għandek tkun issuspettat li wettaqt id-delitt u jekk jitqies importanti ħafna li inti tinżamm arrestat sakemm tkompli l-investigazzjoni.

Min joħroġ il-mandat tal-arrest?

Huwa l-prosekutur li jiddeċiedi jekk għandekx tkun arrestat jew le. Għandu jkun spjegat b’mod ċar fil-mandat liema delitt inti tkun issuspettat li wettaqt u għalfejn tkun qed tiġi arrestat. Jekk il-mandat tal-arrest ma jitħassarx mill-prosekutur, huwa għandu jissottometti talba għall-arrest preventiv tiegħek lill-qorti distrettwali sa mhux aktar tard minn nofsinhar tat-tielet jum wara l-ħruġ tal-mandat tal-arrest. Inkella għandu jordna l-ħelsieni tiegħek. Il-qorti distrettwali għandha tordna smigħ tal-arrest preventiv mingħajr dewmien, iżda sa mhux aktar tard minn erbat ijiem wara li tkun ġejt arrestat jew wara li l-mandat tal-arrest ikun ġie infurzat.

Min jista’ jarrestani?

Jekk ikun hemm bażi għall-arrest tiegħek, uffiċjal tal-pulizija jista’ jarrestak anki mingħajr mandat ta’ arrest f’każijiet urġenti. Jekk tinqabad fil-fatt waqt delitt li jista’ jwassal għal sentenza ta’ priġunerija jew taħrab mix-xena ta’ delitt simili, inti tista’ tkun arrestat minn kwalunkwe persuna. L-istess japplika jekk inti tkun imfittex għal xi delitt. Il-persuna li tarrestak, madankollu, għandha tgħaddik malajr kemm jista’ jkun lil xi uffiċjal tal-pulizija.

Nista’ nikkonsulta ma’ avukat?

Jekk tiġi arrestat, inti għandek id-dritt li titlob li jkollok avukat difensur pubbliku. Dan isir mill-qorti distrettwali fuq it-talba tal-prosekutur.

X’jiġri sakemm indum arrestat?

Sakemm iddum arrestat il-pulizija għandhom id-dritt li jagħmlulek aktar mistoqsijiet. L-istess regoli tal-ewwel sensiela ta’ mistoqsijiet japplikaw hawnhekk ukoll.

Xi drittijiet għandi sakemm indum taħt arrest?

Waqt li tkun taħt arrest il-prosekutur jista’ jiddeċiedi li ma titħalliex tikkuntattja lil kull min trid. Jekk teħtieġ tabib jew teħtieġ li tikkuntattja lill-ambaxxata jew lill-konsolat tiegħek, huwa d-dmir tal-pulizija li jaġixxu bħala intermedjarji f’dan. Inti dejjem intitolat ukoll li tikkuntattja lill-avukat tiegħek u li tiltaqa’ miegħu mingħajr ma jkun hemm ħaddieħor preżenti. Normalment tinżamm ġo ċella tal-pulizija waqt il-perjodu tal-arrest.

L-arrest preventiv (3)

Għalfejn jista’ jintalab l-arrest preventiv tiegħi?

Jekk ikun hemm raġunijiet probabbli li fuqhom inti tiġi ssuspettat li wettaqt xi delitt li għalih is-sentenza tista’ tkun sena jew aktar priġunerija, jista’ jintalab li inti tinżamm taħt arrest preventiv. Madankollu, għandu jkun hemm ukoll ir-riskju li inti

  • taħrab jew tevita l-proċess quddiem il-qorti kriminali jew li tiskonta sentenza, jew
  • waqt li tkun ħieles teqred xi provi jew b’xi mod tfixkel l-investigazzjoni tal-każ, jew
  • tkompli twettaq xi delitti.

Jekk l-inqas sentenza għad-delitt tkun ta’ sentejn priġunerija, normalment inti tinżamm taħt arrest preventiv sakemm ma jkunx ovvju li m’hemmx raġunijiet għall-arrest preventiv.

Irrispettivament minn kemm ikun serju d-delitt, il-qorti tista’ tordna l-arrest preventiv tiegħek jekk ma tkunx magħruf u tirrifjuta li tagħti ismek u l-indirizz jew jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jaħseb li l-informazzjoni li tajt kienet falza. Tista’ tinżamm ukoll taħt arrest jekk ma jkollokx post ta’ residenza fl-Isvezja u jekk ikun hemm riskju li tevita l-proċess jew li tiskonta s-sentenza billi titlaq mill-pajjiż.

F’ċerti każijiet tista’ tinżamm arrestat ukoll jekk ikkun hemm biss ‘bażi raġonevoli’ biex jissuspettaw li inti wettaqt xi delitt. Dan huwa grad aktar baxx ta’ suspett milli ‘raġunijiet probabbli’.

Jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jaħseb li s-sentenza se tkun biss multa, ma tistax tinżamm arrestat.

Hemm xi ħaġa fiċ-ċirkostanzi personali tiegħi li tista’ tfisser li ma ninżammx arrestat?

Il-qorti jkollha tqis il-ħtieġa li tinżamm taħt arrest preventiv fid-dawl ta’ xi jfisser għalik li tinżamm arrestat. Jekk il-konsegwenzi tal-arrest preventiv ikunu jfissru intrużjoni eċċessiva jew ħsara għalik, tista’ ma tinżammx arrestat. Din il-kwistjoni tista’ ssir rilevanti jekk, pereżempju, l-investigazzjoni tieħu fit-tul.

X’jiġri jekk għandi inqas minn 18-il sena?

Hemm regoli speċjali għall-minorenni ta’ bejn il-15 u t-18-il sena. Dawn ir-regoli jfissru li huma meħtieġa aktar raġunijiet biex jinżammu taħt arrest preventiv. Jew li d-delitt irid ikun serju ħafna, jew għandu jkun hemm raġunijiet oħrajn importanti ħafna sabiex jinżammu arrestati.

Għandi d-dritt li nkellem avukat u li jkolli interpretu fis-smigħ tal-arrest preventiv?

Inti tkun personalment preżenti waqt is-smigħ tal-arrest preventiv li jsir fil-qorti distrettwali flimkien mal-avukat difensur pubbliku tiegħek. Inti dejjem intitolat li jkollok avukat difensur pubbliku jekk ikun intalab li tinżamm taħt arrest preventiv. Jekk teħtieġ interpretu, din il-persuna wkoll tieħu sehem fis-smigħ u tittraduċi kulma jintqal.

X’jiġri waqt is-smigħ tal-arrest preventiv?

Waqt is-smigħ il-prosekutur jiddikjara l-att li inti ssuspettat li wettaqt. Inti jkollok ukoll l-opportunità li titkellem għalik innifsek. Il-prosekutur, l-avukat tiegħek u l-imħallef għandhom kollha kemm huma d-dritt li jistaqsuk xi mistoqsijiet. Inti tiddeċiedi jekk tixtieqx twieġeb għal dawn il-mistoqsijiet jew le. Normalment la l-vittma tad-delitt u lanqas ix-xhieda ma jiġu interrogati waqt is-smigħ tal-arrest preventiv. Iżda dak li inti tkun għidt waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija jista’ jinqara. Il-prosekutur jista’ wkoll jiddeskrivi l-eżitu tal-eżamijiet forensiċi jew mediċi.

L-ordni ta’ arrest preventiv

Wara l-proċeduri, il-qorti distrettwali tirtira sabiex tikkunsidra jekk għandekx tinżamm taħt arrest preventiv jew le. Il-qorti distrettwali mbagħad tħabbar id-deċiżjoni tagħha fil-preżenza tiegħek. Jekk ma tinżammx arrestat, inti għandek id-dritt li titlaq minnufih. Jekk tinżamm arrestat, il-qorti tiddeċiedi fl-istess ħin d-data ta’ skadenza biex il-prosekutur jibda l-proċeduri fil-qorti. Il-qorti distrettwali normalment tiddeċiedi li l-prosekuzzjoni għandha titressaq fi żmien ġimgħatejn mill-ordni tal-arrest preventiv. Sakemm tistenna s-smigħ prinċipali li jsir fil-qorti distrettwali, inti tinżamm taħt arrest preventiv.

X’jiġri jekk l-investigazzjoni ma tkunx intemmet sad-data stabbilita mill-qorti distrettwali?

Jekk tkun għadek issuspettat sal-iskadenza taż-żmien stabbilit mill-qorti distrettwali sabiex jinbdew il-proċeduri u l-investigazzjoni tkun għadha għaddejja, il-prosekutur jista’ jitlob estensjoni taż-żmien sabiex iressaq il-prosekuzzjoni. Jista’ jkun meħtieġ smigħ ieħor biex jiġi vvalutat jekk inti għandekx tibqa’ miżmum arrestat. Dan is-smigħ ġdid normalment isir permezz tal-konferenza bil-vidjow, li jfisser li inti tieħu sehem minn fejn tkun qed tinżamm arrestat akkumpanjat mill-avukat tiegħek, il-prosekutur jieħu sehem mill-uffiċċju tiegħu, u l-imħallef ikun fl-awla tal-qorti distrettwali.

X’jiġri jekk ninżamm taħt arrest preventiv b’livell aktar baxx ta’ suspett?

Jekk tinżamm arrestat bħala persuna ssuspettata ta’ delitt minħabba ‘bażi raġonevoli’, il-prosekutur għandu jippreżenta aktar provi kontrik fi żmien ġimgħa biex b’hekk is-suspetti jkunu msaħħa sabiex jilħqu l-livell ta’ ‘raġunijiet probabbli’. F’kull każ ieħor inti għandek tinħeles.

X’jiġri fil-każ ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew?

Jekk jinħareġ Mandat ta' Arrest Ewropew fi Stat Membru ieħor, din it-talba tista’ tiġi eżaminata minn qorti fil-pajjiż fejn tkun tinsab f’dak il-mument. Il-qorti mbagħad tiddeċiedi jekk għandekx tkunx estradit lejn il-pajjiż li għamel din it-talba. Inti intitolat ukoll li tkellem avukat u li jkollok interpretu waqt dan is-smigħ. Prosekutur jista’ jiddeċiedi li tiġi arrestat qabel ma jsir dan is-smigħ u l-qorti tista’ tiddeċiedi li għandek tinżamm taħt arrest preventiv sakemm ikun possibbli li tiġi estradit. Il-qorti ma tikkunsidrax il-kwistjoni tal-ħtija tiegħek iżda biss il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżiti formali għall-estradizzjoni ġewx issodisfati.

X’restrizzjonijiet jista’ jkun hemm fuq id-dritt tiegħi li nikkuntattja lil persuni oħrajn?

Meta tiddeċiedi dwar l-arrest preventiv tiegħek, il-qorti distrettwali tiddeċiedi wkoll jekk il-prosekutur għandux ikollu d-dritt li jillimita l-kuntatti tiegħek ma’ barra, jiġifieri li taqra l-gazzetti jew tara t-televiżjoni, kif ukoll li tikkuntattja lill-ħbieb u lill-familja. L-istess japplika fir-rigward tal-possibbiltajiet tiegħek li titħallat ma’ priġunieri oħrajn. Huwa l-prosekutur li jiddeċiedi safejn għandhom jaslu dawn ir-restrizzjonijiet. Madankollu, inti intitolat li tikkuntattja lill-avukat tiegħek u lill-ambaxxata tiegħek fi kwalunkwe ħin.

Għandi d-dritt li nibgħat u nirċievi ittri?

Inti għandek id-dritt li tikteb ittri lil kull min trid, iżda l-ittri kollha li tibgħat u li tirċievi jinqraw mill-prosekutur. Jekk l-ittri jkun fihom xi ħaġa dwar id-delitt issuspettat, l-ittra tista’ ma tintbagħatx lir-riċevitur jew inkella dawk il-partijiet tat-test jitħassru. Il-korrispondenza tiegħek mal-avukat tiegħek qatt ma tinqara minn xi ħadd ieħor, ikun x’ikun il-kontenut tal-ittri.

Nista’ nappella mill-ordni ta’ arrest preventiv?

Jekk ma tkunx sodisfatt bil-fatt li nżammejt taħt arrest preventiv, tista’ tappella mill-ordni tal-arrest preventiv lill-Qorti tal-Appell. Il-Qorti tal-Appell imbagħad tistudja d-dokumenti mill-qorti distrettwali mingħajr ma tagħmel smigħ u tikkunsidra jekk għandekx tinżamm taħt arrest preventiv jew le. Huwa possibbli li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tiġi rrinvjata lill-Qorti Suprema, iżda huma meħtieġa raġunijiet speċjali biex l-appell tiegħek jinstema’ hemmhekk.

Jista’ jiġri xi ħaġa li twassal sabiex niġi lliberat?

Jekk ma jkunx hemm aktar raġunijiet li għalihom inti għandek tinżamm arrestat, il-prosekutur ikollu jordna li jintemm l-arrest preventiv. Dan jista’ jkun minħabba li l-provi kontrik ikunu ddgħajfu, jew minħabba li ma jkunx hemm aktar raġunijiet speċjali li għalihom inti għandek tinżamm arrestat għax, pereżempju, ma’ jkunx għad hemm il-ħsieb li inti tista’ tfixkel l-investigazzjoni. Jekk il-qorti tiddeċiedi waqt smigħ ta’ arrest preventiv ġdid li m’għadx fadal raġunijiet li għalihom għandek tinżamm arrestat, il-qorti għandha tordna l-liberazzjoni tiegħek minnufih.

Nista’ ninħeles mill-arrest taħt garanzija?

M’huwiex possibbli li tinħeles mill-arrest taħt garanzija fl-Isvezja.

Il-kontinwazzjoni tal-investigazzjoni tal-pulizija (4)

Il-pulizija jipproduċu biss provi kontrija?

Fit-tmexxija tal-investigazzjoni tagħhom, il-pulizija huma obbligati li jipproduċu l-provi favurik kif ukoll kontrik. Jekk tixtieq li l-pulizija tinterroga individwi partikolari, għandek tiddiskuti dan mal-avukat tiegħek qabel ma tagħmel it-talba lill-pulizija.

Il-pulizija għandhom id-dritt li jagħmlu perkwiżizzjonijiet, jieħdu kampjuni tad-DNA, marki tas-swaba’ eċċ.?

Sakemm ikollhom mandat mingħand il-prosekutur, il-pulizija għandhom id-dritt li jagħmlu perkwiżizzjoni f’darek, fil-post tax-xogħol tiegħek, fil-karozza tiegħek jew fi kwalunkwe post ieħor rilevanti għall-investigazzjoni. Dan japplika biss jekk inti tkun issuspettat li wettaqt xi delitt li jista’ jwassal għal sentenza ta’ priġunerija. Jista’ jkun hemm ukoll ordnijiet biex issir perkwiżizzjoni fuq il-persuna u jsiru eżamijiet fiżiċi u jittieħdu kampjuni tad-DNA. F’ċerti każijiet jista’ jkun meħtieġ li jeżaminak tabib sabiex jara jekk għandekx xi ġriegħi fuq ġismek u jekk dawn jistgħux ikunu marbuta mad-delitt li inti tkun issuspettat li wettaqt. Jekk inti tiġi arrestat jew tinżamm taħt arrest preventiv, inti obbligat ukoll li tħalli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħek kif ukoll ritratti tiegħek.

Għandi d-dritt li neżamina l-investigazzjoni tal-pulizija?

Waqt il-kontinwazzjoni tal-investigazzjoni tagħhom, il-pulizija jiġbru materjal li jipprovdi l-bażi għad-deċiżjoni tal-prosekutur dwar jekk inti għandekx tiġi mħarrek jew le. Qabel ma l-prosekutur jieħu din id-deċiżjoni, inti għandek id-dritt li teżamina l-investigazzjoni kollha bl-għajnuna ta’ interpretu jew traduttur. Normalment ma jkunx hemm biżżejjed żmien biex l-investigazzjoni tiġi tradotta fil-lingwa tiegħek, iżda inti għandek id-dritt li tkun taf il-kontenut permezz ta’ interpretu li jaqralek dak li jkun hemm fl-investigazzjoni. L-avukat tiegħek huwa wkoll intitolat li jeżamina l-investigazzjoni.

X’jiġri jekk is-suspetti jinbidlu waqt l-investigazzjoni?

Is-suspetti kontrik jistgħu jinbidlu waqt l-investigazzjoni. Dan ifisser li jistgħu jiżdiedu aktar suspetti dwar id-delitt, filwaqt li jista’ jirriżulta li oħrajn ikunu mingħajr bażi jew diffiċli li jkunu ppruvati. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm bidliet fir-rigward ta’ liema delitt inti ssuspettat li wettaqt. Il-pulizija huma obbligati li jinfurmawk dwar kwalunkwe bidla ta’ dan it-tip fis-suspetti tagħhom.

It-tħejjija tal-każ mid-difiża (5)

Għandi d-dritt li nitlob li jsiru żidiet fl-investigazzjoni tal-pulizija?

Inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt li titolbu li l-pulizija jinkludu fl-investigazzjoni kwistjonijiet oħrajn li taħsbu li huma importanti. Dan japplika kemm fir-rigward tal-interrogazzjoni ta’ diversi persuni kif ukoll fir-rigward ta’ informazzjoni bil-miktub jew investigazzjonijiet minn esperti.

Huwa importanti ħafna li tirrevedi bir-reqqa l-investigazzjoni kollha sabiex il-materjal ippreżentat lill-prosekutur bħala l-bażi għad-deċiżjoni jkun komplut kemm jista’ jkun. Għalkemm jistgħu jsiru xi żidiet fl-investigazzjoni wara li tkun bdiet il-prosekuzzjoni, jista’ jkun aħjar mill-perspettiva tiegħek li tipprova ġġiegħel lill-prosekutur jagħlaq l-investigazzjoni sabiex tevita li tiġi mħarrek.

L-avukat tiegħi jista’ jwettaq investigazzjoni waħdu?

Inti u l-avukat tiegħek ukoll għandkom id-dritt li twettqu l-investigazzjonijiet tagħkom. Il-problema hija, madankollu, li normalment ikun hemm żmien limitat li fih jistgħu jsiru dawn l-investigazzjonijiet, b’mod speċjali tkun miżmum arrestat. Barra minn hekk, ikun ġeneralment diffiċli għall-avukat tiegħek li jikseb ħlas mill-qorti għall-investigazzjonijiet personali. Iżda m’hemmx ostakoli legali li jżommuk milli twettaq l-investigazzjonijiet tiegħek.

Il-prosekuzzjoni (6)

F’liema ċirkostanzi nista' nitħarrek mill-prosekutur?

Jekk il-prosekutur jemmen li inti tista’ tkun ikkundannat, huwa intitolat li jipproċedi kontrik. Imbagħad huwa jippreżenta applikazzjoni għal ċitazzjoni lill-qorti distrettwali li fiha jiddikjara d-delitt li inti ssuspettat li wettaqt, għalfejn inti ssuspettat li wettaqt dak id-delitt u liema provi qed iressaq il-prosekutur.

Meta għandha titressaq il-prosekuzzjoni?

Jekk inti tkun taħt arrest, il-prosekutur għandu jibda l-prosekuzzjoni fl-iskadenzi stabbiliti mill-qorti. Fin-nuqqas ta’ dan il-qorti tħassar l-ordni ta’ arrest tiegħek.

Jekk ma tkunx taħt arrest, il-prosekutur għandu jibda l-prosekuzzjoni qabel id-delitt ikun preskritt. Il-preskrizzjoni ta’ delitt hija sentejn jew aktar. Aktar ma jkun serju d-delitt, aktar tkun twila l-preskrizzjoni. Issa m’hemmx preskrizzjoni għall-prosekuzzjoni ta’ ċerti delitti serji ħafna bħall-qtil.

Meta jinstema’ l-każ fil-qorti distrettwali?

Meta tibda l-prosekuzzjoni, il-qorti distrettwali tħarrek lilek u lil persuni oħrajn li għandhom ikunu interrogati għal smigħ. Jekk inti tkun taħt arrest, is-smigħ isir mill-aktar fis possibbli, iżda sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn mid-data li fiha tkun bdiet il-prosekuzzjoni.

Hemm limiti speċjali ta’ żmien għall-minorenni taħt it-18-il sena. Is-smigħ prinċipali normalment isir fi żmien ġimgħatejn minn meta tibda l-prosekuzzjoni.

Hemm alternattiva oħra għall-prosekuzzjoni?

Jekk id-delitt ma jkunx daqshekk serju u inti tiddikjara lilek innifsek ħati, tista’ tiġi ordnat tħallas penali sommarja minflok ma tiġi mħarrek. Il-prosekutur joħroġ din l-ordni u jistabbilixxi l-livell tal-multa li għandek tħallas. Jekk tippreżenta ammissjoni ta’ ħtija u tħallas il-multa, ma jkunx hemm proċeduri quddiem il-qorti kriminali. Imbagħad ma tkunx tista’ tappella kontra l-ordni ta’ penali sommarja. Fir-reġistru tal-kundanni kriminali jitniżżel li inti aċċettajt l-ordni tal-penali sommarja.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qrati Svediżi

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Awtorità Svediża tal-Prosekuzzjoni


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/11/2015

3 - Id-drittijiet tiegħi waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Isvediż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.


Fejn isir il-proċess u min għandu d-dritt li jkun preżenti?

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali normalment isir fil-qorti distrettwali li fiż-żona tagħha jkun twettaq id-delitt. Il-proċess ikun pubbliku, ħlief f’ċerti każijiet ta’ delitti sesswali, f’każijiet fejn il-persuna ssuspettata tkun minorenni, u fil-każ ta’ delitti kontra s-sigurtà nazzjonali. Il-proċess kollu jew partijiet minnu jistgħu jsiru fil-magħluq f’ċerti każijiet oħrajn. Kull min ifixkel il-proċess jew jinfluwenza lix-xhieda jista’ jitkeċċa mill-awla tal-qorti.

Min jiddeċiedi l-każ?

Il-qorti normalment tikkonsisti fl-imħallef, li jkun avukat, u tliet imħallfin lajċi. L-imħallfin lajċi m’humiex avukati kkwalifikati iżda jkunu maħtura mill-eżekuttiv muniċipali fiż-żona tal-qorti distrettwali. Barra minn hekk ikun hemm skrivan tal-qorti. L-uffiċjali tal-qorti distrettwali joqogħdu ma’ mejda, il-prosekutur ma’ oħra u inti u l-avukat difensur tiegħek ma’ mejda oħra. Ix-xhieda, jekk ikun hemm, joqgħodu ma’ mejda separata.

X’jiġri jekk toħroġ informazzjoni ġdida waqt il-proċess?

Jekk jitfaċċaw ċirkostanzi ġodda waqt is-smigħ, il-prosekutur jista’ jibdel l-akkuża. Jekk tammetti li inti ħati ta’ ċerti akkużi, dan jista’ jfisser li l-prosekutur ma jkollux għalfejn jippreżenta daqstant provi dettaljati kontrik fuq dawn il-kapi ta’ akkuża. Madankollu, m’huwiex possibbli li inti tippatteġġja mal-prosekutur sabiex tikseb sentenza inqas ħarxa jekk inti twieġeb ħati.

Għandi nkun preżenti waqt il-proċess?

Fil-każ ta’ reati inqas serji li għalihom twieġeb ħati, il-każ jista’ jkun deċiż mingħajr ma tkun preżenti. Bħala regola ġenerali, madankollu, inti għandek tkun personalment preżenti. Jekk ma tmurx għas-smigħ, il-qorti tista’ tikkundannak għall-ħlas ta’ multa kundizzjonali jew tiddeċiedi li għandek tittieħed mill-pulizija. Multa kundizzjonali hija ammont ta’ flus stabbilit minn qabel li jkollok tħallas.

Jista’ jkolli interpretu?

Jekk ma tifhimx l-Isvediż, inti intitolat li jkollok interpretu disponibbli li jittraduċi dak kollu li jingħad waqt il-proċess. Jekk dan ikun il-każ, huwa importanti li tavża lill-qorti distrettwali li teħtieġ interpretu ħafna żmien qabel ma jibda l-proċess. Normalment l-interpretu jkun preżenti fl-awla tal-qorti, iżda l-interpretar bit-telefon jista’ wkoll ikun disponibbli.

Jista’ jkolli avukat u għandu jkolli avukat?

M’hemmx xi dmir partikolari li jkollok avukat, u inti tista’ tiddefendi lilek innifsek. Jekk inti intitolat għal avukat difensur pubbliku u ma tkunx oġġezzjonajt li jingħatalek wieħed, il-qorti tqabbad avukat sabiex jaġixxi bħala l-avukat difensur pubbliku tiegħek. Jekk tixtieq li jkollok avukat partikolari, għandek tinforma lill-qorti dwar dan bil-quddiem. Jekk ma tkunx sodisfatt bl-avukat tiegħek, jista’ jkun possibbli taħt ċerti kundizzjonijiet li tibdel l-avukat difensur pubbliku tiegħek.

Nista’ nitkellem waqt il-proċess u x’jiġri jekk ma nitkellimx?

L-akkużat dejjem għandu d-dritt li jitkellem waqt il-proċess. Min-naħa l-oħra, m’intix obbligat li titkellem. Jekk jaqbillekx titkellem jew tibqa’ sieket jiddependi minn kull każ individwali. L-akkużat ma jieħu l-ebda ġurament u ma jkun taħt l-ebda obbligu li jgħid il-verità. Jekk ma tgħidx il-verità u dan ikun skopert mill-prosekutur jew mill-qorti, dan jista’ jaffettwa l-kredibbiltà ta’ dak kollu li tkun għidt.

X’jiġri fir-rigward tal-provi?

Qabel ma tibda l-kawża inti tista’ teżamina l-provi tal-prosekutur. Ix-xhieda li jkunu se jiġu interrogati waqt il-proċess għandhom ikunu interrogati wkoll waqt l-investigazzjoni tad-delitt u l-istqarrijiet tagħhom għandhom ikunu kkwotati kollha fl-investigazzjoni tal-pulizija. Inti intitolat li tistaqsi mistoqsijiet lix-xhieda tal-prosekutur permezz tal-avukat tiegħek u li tikkontesta l-informazzjoni li jipprovdu.

Għandek id-dritt li tippreżenta l-provi tiegħek jekk tkun tixtieq. Dan japplika kemm għax-xhieda kif ukoll għal dokumenti eċċ. Ix-xhieda tiegħek ukoll għandhom ikunu interrogati mill-pulizija waqt l-investigazzjoni tad-delitt. Jekk ma jkunux ġew interrogati minn qabel, il-prosekutur jista’ jitlob li l-ewwel jiġu interrogati mill-pulizija, li jfisser li l-kawża tista’ tiġi differita u ssir ġurnata oħra minflok. L-avukat tiegħek jibda l-proċess bix-xhieda tiegħek l-ewwel, iżda kemm il-prosekutur kif ukoll il-qorti għandhom id-dritt li jistaqsu mistoqsijiet lix-xhieda.

Il-qorti tista’ tirrifjuta provi li ma jkunux rilevanti għall-każ. Il-prova li inti persuna deċenti jew provi oħra dwar il-karattru normalment ikollhom ftit li xejn jew l-ebda valur ta’ prova.

Kif jibda l-proċess?

Il-proċess jibda billi l-prosekutur jaqra l-akkużi li tagħhom huwa jallega li inti ħati. L-avukat tal-vittma mbagħad jippreżenta kwalunkwe talba għad-danni. L-avukat tiegħek jinforma lill-qorti dwar jekk tweġibx ħati jew mhux ħati tad-delitt li tkun akkużat bih u x’inhi t-tweġiba tiegħek għat-talba għad-danni.

Il-prosekutur imbagħad jispjega f’aktar dettall dak li ġara, fl-opinjoni tiegħu, u jeżamina kwalunkwe prova bil-miktub. L-avukat tiegħek jista’ mbagħad jippreżenta l-opinjoni tiegħu ta’ dak li ġara u jeżamina l-provi bil-miktub.

Kif niġu interrogati jien u l-vittma tad-delitt?

Jekk ikun hemm vittma (parti offiża) preżenti, din il-persuna tiġi interrogata. Il-prosekutur jibda din l-interrogazzjoni, iżda kemm l-avukat tal-vittma u l-avukat tiegħek kif ukoll il-qorti jistgħu jistaqsu mistoqsijiet lill-vittma. Meta tintemm l-interrogazzjoni tal-vittma, ikun imiss lilek li titkellem. Għandek id-dritt li titkellem inti stess, jekk tkun tixtieq, qabel ma l-prosekutur jibda jistaqsik il-mistoqsijiet. Kemm l-avukat tiegħek, l-avukat tal-vittma kif ukoll il-qorti jistgħu jistaqsuk xi mistoqsijiet.

Kif jiġu interrogati x-xhieda?

Ladarba tintemm l-interrogazzjoni tiegħek, ikun imiss l-interrogazzjoni tax-xhieda. L-ewwel jiġu interrogati x-xhieda tal-prosekutur, wara x-xhieda tiegħek. Kemm il-prosekutur, l-avukati kif ukoll il-qorti jistgħu jistaqsu mistoqsijiet lix-xhieda. L-interrogazzjonijiet kollha - tal-vittma, tiegħek u tax-xhieda - jiġu rrekordjati awdjoviżwalment.

L-eżami taċ-ċirkostanzi personali tiegħi

Wara li jiġu eżaminati l-provi, ikun imiss li jiġu eżaminati ċ-ċirkostanzi personali tiegħek. Dan ifisser eżami tal-finanzi, is-sitwazzjoni ta’ residenza, is-sitwazzjoni familjari tiegħek, kwalunkwe problema ta’ abbuż minn sustanzi u kwalunkwe kundanna preċedenti fl-Isvezja jew f’xi pajjiż ieħor. Dan isir sabiex jiġi investigat x’sentenza hija l-aktar xierqa fil-limiti ta’ dak li huwa possibbli fil-każ tiegħek.

Kif jintemm il-proċess?

Il-proċess jintemm billi l-prosekutur, il-vittma jew l-avukat tal-vittma, u finalment l-avukat tiegħek jippreżentaw d-diskors tal-għeluq (sottomissjonijiet). Kemm il-prosekutur kif ukoll l-avukat jargumentaw kif il-qorti għandha tiġġudika l-każ u x’sentenza għandek tingħata jekk tiġi kkundannat.

Meta u kif insir naf x’iddeċidiet il-qorti?

Il-qorti mbagħad tista’ tagħti s-sentenza dakinhar stess, wara deliberazzjoni qasira, jew tħabbar is-sentenza tagħha wara madwar ġimgħa. L-‘għoti’ tas-sentenza jfisser li l-qorti taqra sommarju tas-sentenza fil-preżenza tiegħek. Jekk is-sentenza titħabbar f’ġurnata oħra li ma tkunx dik tas-smigħ tal-kawża, m’għandekx għalfejn tattendi u s-sentenza tintbagħat lilek u lill-avukat tiegħek. Is-sentenza dejjem tkun bil-miktub.

X’pieni jistgħu jkunu imposti?

Priġunerija – għal perjodu stabbilit ta’ mhux inqas minn 14-il jum u mhux aktar minn 18-il sena, jew għal għomor. Is-sentenzi ta’ priġunerija li jaqbżu s-sitt xhur jiġu skontati f’istituzzjoni. Is-sentenzi ta’ priġunerija għal żmien iqsar jistgħu jkunu skontati b’sistema ta’ sorveljanza u rintraċċar elettroniku taħt ċerti kundizzjonijiet.

Sorveljanza protettiva – il-monitoraġġ għal ċertu perjodu ta’ żmien, normalment ta’ sena, segwit minn sentejn probation. Dan jista’ jkun ikkombinat ma’ multa, priġunerija għal massimu ta’ tliet xhur, servizz fil-komunità u/jew kura għall-abbuż mis-sustanzi jew mard.

Sentenza kkundizzjonata – probation għal inqas minn sentejn. Sentenza kkundizzjonata normalment tkun ikkumbinata ma’ multa jew servizz fil-komunità.

Multa – kemm multa ta’ somma fissa ta’ flus kif ukoll multa skont il-mezzi tiegħek, li tkun marbuta mas-serjetà tad-delitt u mal-livell tad-dħul tiegħek ta’ kuljum. Il-multa fissa minima hija ta’ 200 krone Svediż (madwar €20) u l-multa minima skont il-mezzi tiegħek hija 30 multa ta’ 50 krone Svediż (madwar €150) li jitħallsu waħda kuljum.

Servizz fil-komunità – ikkombinat ma’ sorveljanza protettiva jew sentenza kkundizzjonata. Dan ifisser għadd partikolari ta’ sigħat, bejn 40 u 240, ta’ xogħol mhux imħallas fil-ħin liberu tiegħek.

Kura speċjali – dawk li jabbużaw mis-sustanzi jistgħu jiġu kkundannati sabiex jiġu kkurati għall-abbuż tagħhom, u kull minn ikun ibati minn xi disturb mentali serju jista’ jiġi kkundannat li jirċievi kura psikjatrika forensika.

Pieni oħrajn jistgħu jkunu xierqa għall-minorenni: servizzi għall-minorenni u kura għall-minorenni.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/11/2015

4 - Id-drittijiet tiegħi wara li qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha


Nista’ nappella mis-sentenza tal-qorti distrettwali?

Kemm il-prosekutur kif ukoll il-persuna kkundannata jistgħu japellaw mis-sentenza tal-qorti distrettwali. Madankollu hemm eċċezzjonijiet jekk il-piena tkun biss multa jew, mill-perspettiva tal-prosekutur, jekk tkun ġejt illiberat minn reati inqas serji. F’dawn il-każijiet, jeħtieġ permess speċjali sabiex il-Qorti tal-Appell tikkunsidra l-appell.

X’bidliet nista’ nitlob fis-sentenza tal-qorti distrettwali?

Tista’ tappella u titlob il-liberazzjoni jew titlob sentenza inqas ħarxa. M’għandekx għalfejn tagħti spjegazzjoni dettaljata tar-raġuni għalfejn qed tappella, iżda xi kultant ikun jaqbillek li tagħmel dan.

X’jiġri fir-rigward tal-provi fil-qorti distrettwali?

Meta tressaq appell għandek tgħid xi provi trid li jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Appell. Inti intitolat ukoll li tippreżenta provi ġodda fil-Qorti tal-Appell. Jintwera rikording awdjoviżiv tal-interrogazzjoni tal-individwi li jkunu nstemgħu fil-qorti distrettwali. Bħala regola ġenerali dawn ma jerġgħux jiġu interrogati fil-Qorti tal-Appell. Dan japplika wkoll għall-interrogazzjoni tiegħek stess. F’każijiet eċċezzjonali biss jistgħu jsiru mistoqsijiet addizzjonali fil-Qorti tal-Appell.

X’inhu l-limitu ta’ żmien għall-appelli?

Appell għandu jitressaq fi żmien tliet ġimgħat mid-data tas-sentenza tal-qorti distrettwali. Jekk tkun appellajt f’dan iż-żmien, il-prosekutur ikollu ġimgħa biex jiddeċiedi jekk jixtieqx jappella huwa ukoll.

Meta jinstema’ l-appell?

Jekk tkun taħt arrest meta tappella, il-Qorti tal-Appell għandha tibda s-smigħ tagħha fi żmien tmien ġimgħat mid-data tas-sentenza tal-qorti distrettwali. Alternattivament, tista’ tistenna li jgħaddu bejn tlieta u tnax-il xahar qabel jinstema’ l-appell fil-Qorti tal-Appell.

X’jiġri waqt is-smigħ tal-appell?

Is-smigħ prinċipali fil-Qorti tal-Appell isegwi bejn wieħed u ieħor l-istess proċedura bħal fil-qorti distrettwali. L-ikbar differenza hija li inti u l-oħrajn li ġew interrogati ma terġgħux tiġu interrogati u li minflok jintwera u jinstema’ r-rikording mill-qorti distrettwali.

Nista’ ningħata sentenza aktar ħarxa fil-Qorti tal-Appell?

Jekk inti l-uniku wieħed li qed tappella, il-Qorti tal-Appell ma tistax timponi sentenza aktar ħarxa minn dik tal-qorti distrettwali. Jekk il-prosekutur ikun appella ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Appell tista’ tkun inqas ħarxa jew aktar ħarxa.

X’jiġri jekk nitlef l-appell fil-Qorti tal-Appell?

Jekk ma tirbaħx fl-appell quddiem il-Qorti tal-Appell, tista’ tappella lill-Qorti Suprema. Iżda sabiex il-Qorti Suprema tikkunsidra l-każ tiegħek ikun jeħtieġ li jingħata permess biex jiġi ppreżentat appell, dan jfisser li jeħtieġ li jkun hemm raġunijiet speċjali sabiex jiġi kkunsidrat il-każ tiegħek.

Intitolat għal kumpens jekk niġi lliberat?

Jekk tiġi lliberat u s-sentenza ma tiġix appellata, inti intitolat għal kumpens għaż-żmien li tkun għaddejt taħt arrest u taħt arrest preventiv. Il-kumpens ikopri t-telf tad-dħul u t-telf attwali tal-libertà. It-talba għall-kumpens tiegħek tiġi eżaminata mill-Uffiċċju tal-Kanċillier tal-Ġustizzja. Jekk ma tkunx ġejt miċħud il-libertà, ma tingħatax kumpens għajr għall-ispejjeż tal-provi tiegħek stess eċċ.

Jinżamm rekord tas-sentenza?

Kundanna tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-kondotti, minbarra f’postijiet oħrajn. Kemm iddum hemm jiddependi mis-sentenza li tingħata. Jekk tkun ġejt illiberat, l-informazzjoni titħassar. Inti ma tistax tinfluwenza l-kondotta. Il-kondotta tiegħek tkun aċċessibbli għalik u għal ċerti awtoritajiet fis-sistema tal-ġustizzja fl-Isvezja u fi Stati Membri oħrajn.

Meta ssir finali l-kundanna?

Il-kundanna ssir finali meta tintemm l-iskadenza għall-appell jew meta l-Qorti Suprema tkun iddeċidiet il-każ, kemm billi ma tagħtix il-permess għall-appell kif ukoll billi tagħti s-sentenza tagħha. Hemm ukoll xi alternattivi biex is-sentenza tiġi aċċettata qabel jiskadi l-perjodu tal-appell u għalhekk tibda tiskonta s-sentenza.

Nista’ nittella’ l-qorti mill-ġdid wara li s-sentenza ssir finali?

Ladarba qorti tkun ikkundannatek jew illiberatek fir-rigward ta’ reat kriminali, il-qorti ma tistax terġa’ tipproċessak għal darb’oħra ħlief taħt ċirkostanzi speċjali ħafna. Dan isir biss madwar darba f’sena. Bħala regola ġenerali, dan japplika wkoll għal reati li għalihom tkun ġejt ipproċessat fi Stat Membru ieħor.

Nista’ nitħalla niskonta s-sentenza f’pajjiżi?

Jista’ jkun possibbli li titħalla tiskonta s-sentenza tiegħek f’pajjiżek stess jekk tkun tixtieq. Għandek tapplika lis-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz Svediż tal-Ħabs u tal-Probation. F’kull każ ieħor is-sentenza tiġi skontata fl-Isvezja.

Links relatati

Uffiċċju tal-Kanċillier tal-Ġustizzja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz Svediż tal-Ħabs u tal-Probation


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/11/2015

5 - Reati żgħar

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Isvediż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.


X’inhi l-piena normali għar-reati tat-traffiku fit-triq?

Jekk inti tkun akkużat li wettaqt xi reat żgħir tat-traffiku fit-triq, il-piena normali hija multa. Jekk twaqqaft minn pulizija fuq il-post u tammetti r-reat, dan jista’ jagħtik avviż ta’ multa.

X’jiġri jekk niċħad ir-reat?

Jekk tiċħad li wettaqt xi reat, wara l-investigazzjoni kriminali mill-pulizija l-kwistjoni tgħaddi f’idejn prosekutur biex jiddeċiedi dwar jekk iħarrkekx. Imbagħad, jekk jinbdew il-proċeduri kriminali, ikun hemm smigħ fil-qorti distrettwali. Normalment ma tkunx intitolat għal avukat difensur pubbliku f’dawn il-każijiet. Min-naħa l-oħra, inti tista’ tqabbad avukat bi spejjeż tiegħek, u jkollok interpretu jekk ma titkellimx bil-lingwa tal-pajjiż.

X’jiġri fil-każ ta’ reati tat-traffiku fit-triq aktar serji?

Jekk inti tkun issuspettat li wettaqt reati aktar serji tat-traffiku fit-triq, pereżempju każ serju ta’ sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol (aktar minn 100 milligramma għal kull millilitru), is-sentenza normali tkun mill-inqas xahar priġunerija. Jekk il-prosekutur jemmen li jista’ juri li inti ħati, il-każ dejjem jitressaq quddiem il-qorti. Tista’ tkun intitolat għal avukat difensur pubbliku.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Pulizija Svediża


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/11/2015