1 - Drittijieti bħala vittma ta' reat

Save as PDF

X’informazzjoni nirċievi mingħand l-awtoritajiet wara li jkun seħħ ir-reat (eż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) saħansitra qabel ma nirrapporta r-reat?

Qabel ma tirrapporta r-reat, int tista’ tikseb informazzjoni dwar drittijietek mis-sit web tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja (Bundesministerium für Justiz) (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawn) u mill-Hotline tal-Vittmi (Opfernotruf) jew mis-sit web tal-Hotline għall-Vittmi (0800 112 112 jew Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawn).

Bħala vittma ta’ reat, int intitolat(a) li tirċievi informazzjoni dwar drittijietek mingħand l-awtoritajiet. Fil-prinċipju, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fil-bidu tal-investigazzjoni. Jekk int intitolat(a) li taċċessa servizzi ta’ assistenza għall-vittmi mingħand organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi, int tiġi informat(a) dwar dan qabel l-ewwel seduta tiegħek. In-notifika biex tidher fis-seduta jkun fiha wkoll informazzjoni dwar dawn is-servizzi ta’ appoġġ u tinkludi l-indirizzi tal-organizzazzjonijiet rilevanti ta’ appoġġ għall-vittmi. Barra minn hekk, int tiġi informat(a) dwar id-dritt tiegħek li tkun akkumpanjat(a) minn persuna ta' fiduċja.

Jekk int il-vittma ta’ reat sesswali jew ta’ vjolenza domestika jew int minorenni, int titqies bħala vittmi partikolarment vulnerabbli. Dan ifisser li int tingħata drittijiet addizzjonali; b’mod partikolari, int trid tiġi informat(a) qabel is-seduta u x-xhieda tiegħek li

  • int se tinstema’ kull fejn possibbli minn persuna tal-istess sess;
  • int tista’ tiċħad milli twieġeb mistoqsijiet li jikkonċernaw dettalji tar-reat, eż. fil-każ ta’ reat sesswali, jekk int tqis li dawn ma jkunux raġonevoli. Madankollu, jaf tkun obbligat(a) twiġibhom jekk ix-xhieda tiegħek tkun ta’ importanza partikolari għas-suġġett tal-proċedimenti;
  • matul l-investigazzjoni u l-proċess, int tkun intitolat(a) għal seduta rispettuża;
  • int tista’ titlob biex il-pubbliku jkun eskluż mis-seduta;
  • int tiġi informat(a) jekk it-trasgressur jaħrab jew jiġi rilaxxat mill-kustodja;
  • int tista’ tkun akkumpanjat(a) minn persuna ta' fiduċja matul is-seduta tiegħek.

Tista’ tinstab aktar informazzjoni fil-fuljetti provduti minn organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi, li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-pulizija. Int tista’ tagħżel ukoll li tibbaża fuq informazzjoni dwar drittijietek li tiġi pprovduta lilek b’mod orali.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti drittijieti?

Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tiżgura li l-vittmi jgawdu minn drittijiet komparabbli fl-Istati Membri kollha tal-UE. Dawn id-drittijiet japplikaw irrispettivament min-nazzjonalità tiegħek bħala vittma.

Biex jiġi ffaċilitat ir-rapportar ta’ reati f’każijiet li fihom ir-reat kriminali jkun twettaq fi Stat Membru ieħor tal-UE, ilmenti relatati ma’ reat bħal dan li jsiru fil-pajjiż ta’ residenza tal-vittma jintbagħtu mill-prosekutur lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru l-ieħor.

Hemm ukoll intitolament għal servizzi ta’ traduzzjoni mingħajr ħlas matul il-proċedimenti kriminali.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Bħala vittma ta’ reat, int trid tiġi informat(a) dwar drittijietek minnufih. Dan it-tagħrif jinkludi:

  • drittijietek matul il-proċedimenti kriminali;
  • id-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi u s-servizzi pprovduti minnhom;
  • il-possibbiltà li titlob kumpens mingħand it-trasgressur;
  • il-possibbiltà li tapplika għal kumpens mill-istat.

Jekk int intitolat(a) li taċċessa servizzi ta’ assistenza għall-vittmi mingħand organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi, int tiġi informat(a) dwar dan qabel l-ewwel smigħ tiegħek. In-notifika biex tidher fis-seduta jkun fiha wkoll informazzjoni dwar dawn is-servizzi ta’ appoġġ u tinkludi l-indirizzi tal-organizzazzjonijiet rilevanti ta’ appoġġ għall-vittmi. Barra minn hekk, int tiġi informat(a) dwar id-dritt tiegħek li tkun akkumpanjat(a) minn persuna ta' fiduċja. Tista’ ssib aktar informazzjoni fil-fuljetti jew fil-volantini prodotti mill-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi, li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-pulizija. Int tista’ tagħżel ukoll li tibbaża fuq informazzjoni pprovduta lilek b’mod orali.

Jekk inkisret l-integrità sesswali tiegħek, int intitolat(a) li tiġi informat(a) dwar id-drittijiet li ġejjin qabel is-seduta u x-xhieda tiegħek:

  • id-dritt li tinstema’ kull fejn possibbli minn persuna tal-istess sess;
  • id-dritt li tiċħad milli twieġeb mistoqsijiet li jikkonċernaw dettalji ta’ reat sesswali, jekk int tqis li dawn ma jkunux raġonevoli. Madankollu, jaf tkun obbligat(a) twiġihom jekk ix-xhieda tiegħek tkun ta’ importanza partikolari għas-suġġett tal-proċedimenti;
  • id-dritt għal seduta rispettuża matul l-investigazzjoni u l-proċess;
  • id-dritt li titlob biex il-pubbliku jkun eskluż mis-seduta.

Ladarba tirrapporta r-reat, int tirċievi l-konferma bil-miktub tar-rapport tiegħek. Dan jinkludi numru ta’ referenza. Jekk iċċempel l-għassa tal-pulizija kompetenti u tikkwota dan in-numru ta’ referenza, int tista’ titkellem mal-uffiċjal inkarigat mill-każ tiegħek. Int tista’ tuża n-numru ta’ referenza tal-pulizija wkoll biex tikkuntattja lill-prosekutur pubbliku li jieħu ħsieb il-każ tiegħek.

L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jinformak dwar żviluppi importanti fil-proċess. Pereżempju, int tiġi notifikat jekk l-awtoritajiet jiddeċiedu li ma jipproċedux bil-prosekuzzjoni jew ikunu qed jikkunsidraw li jordnaw miżuri alternattivi għal proċedimenti kriminali konvenzjonali. Int għandek ukoll id-dritt li teżamina l-fajls.

Il-qorti tinformak bil-ħin u bil-post tas-smigħ jekk int tkun għamilt talba minn qabel għal din l-informazzjoni jew tkun issiħibt fil-proċedimenti bħala pretendent ċivili.

Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika, ġejt espost(a) għal vjolenza jew għal theddida perikoluża ta’ att kriminali deliberat, inkisret l-integrità sesswali tiegħek, ġiet sfruttata d-dipendenza personali tiegħek fit-twettiq ta’ tali reat jew jekk int partikolarment vulnerabbli, int tiġi informat(a) b’mod awtomatiku mill-awtoritajiet jekk it-trasgressur jiġi rilaxxat jew jaħrab mill-kustodja ta’ qabel il-proċess. F’każijiet oħra, int tiġi informat(a) dwar it-tali żviluppi jekk tkun tlabt li jsir hekk. L-informazzjoni pprovduta mill-pulizija jew mill-prosekutur pubbliku trid tinkludi l-motivazzjonijiet rilevanti għar-rilaxx u tindika jekk it-trasgressur kienx soġġett għal miżuri anqas ħorox bħala alternattiva għall-kustodja.

Fuq talba, int tiġi informat(a) minnufih ukoll jekk it-trasgressur jaħrab jew jinħeles mill-ħabs, kif ukoll dwar l-ewwel darba meta t-trasgressur jitħalla jitlaq mid-detenzjoni mingħajr superviżjoni. Int tiġi notifikat(a) ukoll meta jinqabad trasgressur li jkun ħarab. Jekk ġew imposti kundizzjonijiet maħsuba għall-protezzjoni tal-vittma fuq it-trasgressur fil-mument tar-rilaxx, int tiġi informat(a) dwar dawn ukoll.

Għandi dritt għal servizzi ta' interpretazzjoni jew ta' traduzzjoni bla ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Jekk il-Ġermaniż tiegħek ma jilħaqx livell suffiċjenti biex tikkomunika, int intitolat(a) għal servizzi ta’ interpretazzjoni mingħajr ħlas. Dawn is-servizzi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni matul l-intervista jew matul is-seduta. Int intitolat(a) ukoll għal traduzzjoni bil-miktub tas-siltiet importanti tal-fajl.

Is-servizzi ta’ assistenza għall-vittmi jinkludu appoġġ tat-traduzzjoni u huma ffinanzjati mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja.

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li qed ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabilità)?

L-istruzzjonijiet legali dejjem iridu jingħataw u l-intervisti dejjem iridu jiġu konklużi b’mod komprensibbli. Għaldaqstant, l-awtorità trid tadatta l-istruzzjonijiet u l-mistoqsijiet tagħha għall-ħtiġijiet u għall-kapaċitajiet tal-vittma. Wara li jinħarġu l-istruzzjonijiet, jiġi kkonfermat miegħek jekk int fhimtx kollox.

Jekk il-Ġermaniż tiegħek ma jilħaqx livell suffiċjenti biex tikkomunika, int intitolat(a) għal servizzi ta’ interpretazzjoni mingħajr ħlas. Dawn is-servizzi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni matul l-intervista jew matul is-seduta. Int intitolat(a) ukoll għal traduzzjoni bil-miktub tas-siltiet importanti tal-fajl.

Interpretu tal-lingwa tas-sinjali jrid ikun preżenti biex jassisti lil vittmi torox jew muti. Jekk ikun hemm bżonn, int ikollok ukoll l-għażla li tikkomunika bil-miktub jew b’mod xieraq ieħor.

Jiġi kkunsidrat kull indeboliment meta jiġi vvalutat jekk vittma għandhiex titqies bħala partikolarment vulnerabbli, li huwa status assoċjat ma’ drittijiet speċjali. Indebolimenti bħal dawn jistgħu jiġu kkumpensati permezz tal-intitolament għal għajnuna legali.

Servizz ta’ appoġġ għall-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ għall-vittmi?

Int tista’ tikkuntattja lil organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi. Hemm organizzazzjonijiet speċifiċi għall-vittmi ta’ vjolenza domestika u ta’ stalking, għall-vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin u għall-vittmi minorenni. Biex il-vittmi jiġu megħjuna jidħlu f’kuntatt mal-organizzazzjoni t-tajba, twaqqfet Hotline għall-Vittmi, iffinanzjata mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja (0800 112 112 u Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.opfer-notruf.at/), li tipprovdi appoġġ mingħajr ħlas 24 siegħa kuljum.

Ċerti vittmi huma intitolati għal servizzi ta’ assistenza għall-vittmi.

Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika jew ta’ stalking, int tiġi appoġġjat(a) minn organizzazzjonijiet speċjalisti, bħaċ-Ċentru ta’ Intervent fi Vjolenza Domestika (Interventionsstelle gegen Gewalt in der Familie) jew iċ-Ċentri ta’ Protezzjoni tal-Vittmi (Gewaltschutzzentren). Jekk il-pulizija ħarġet ordni ta’ trażżin, din l-informazzjoni tingħadda liċ-Ċentru lokali ta’ Intervent fi Vjolenza Domestika jew lil Ċentru lokali ta’ Protezzjoni Kontra l-Vjolenza. L-impjegati ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jikkuntattjawk u joffrulek appoġġ, inklużi t-tfassil ta’ pjan ta’ sikurezza u l-għoti ta’ pariri legali (b’mod partikolari dwar il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal inibizzjoni interim) u appoġġ psikoloġiku.

Int tista’ tikkuntattja liċ-Ċentru ta’ Intervent jew lil wieħed miċ-Ċentri ta’ Protezzjoni Kontra l-Vjolenza b’mod dirett ukoll. M’għandekx bżonn tistenna sakemm il-pulizija tieħu azzjoni jew sakemm int tkun irrapportajt reat.

Il-pulizija tirreferini awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika jew ta’ stalking, int tiġi appoġġjat(a) minn organizzazzjonijiet speċjalisti, bħaċ-Ċentru ta’ Intervent fi Vjolenza Domestika (Interventionsstelle gegen Gewalt in der Familie) jew iċ-Ċentri ta’ Protezzjoni tal-Vittmi (Gewaltschutzzentren). Jekk il-pulizija ħarġet ordni ta’ trażżin, din l-informazzjoni tingħadda liċ-Ċentru lokali ta’ Intervent fi Vjolenza Domestika jew lil Ċentru lokali ta’ Protezzjoni Kontra l-Vjolenza. L-impjegati ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jikkuntattjawk u joffrulek appoġġ, inklużi t-tfassil ta’ pjan ta’ sikurezza u l-għoti ta’ pariri legali (b’mod partikolari dwar il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal inibizzjoni interim) u appoġġ psikoloġiku.

Fil-każijiet l-oħra kollha, int mitlub tikkuntattja lill-organizzazzjoni rilevanti ta’ appoġġ għall-vittmi int stess.

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

Bħala vittma, int għandek diversi drittijiet li jiggarantixxu li l-privatezza tiegħek tiġi protetta kemm jista’ jkun, minkejja l-prinċipju tan-natura pubblika tal-proċedimenti tal-qorti.

Pereżempju, int għandek id-dritt li tipprovdi indirizz għan-notifika li ma jkunx l-istess indirizz tad-dar propja tiegħek. Il-qorti trid tiżgura wkoll li ma jiġu żvelati ċ-ċirkustanzi personali tiegħek bħala xhud.

Hu pprojbit li jiġi ppubblikat il-kontenut tal-fajls, li jsiru reġistrazzjonijiet fuq it-televiżjoni jew fuq ir-radju jew trażmissjonijiet u li jiġu reġistrati filmati jew jittieħdu ritratti matul is-seduta.

Jekk ikun hemm bżonn li tiġi protetta l-privatezza tal-vittmi u tax-xhieda, il-pubbliku jista’ jiġi eskluż mill-proċess.

Jekk int il-vittma ta’ reat sesswali, int għandek id-dritt li tiċħad milli twieġeb għal mistoqsijiet dwar ċerti dettalji tal-inċident, sakemm id-dettalji inkwistjoni ma jkunux essenzjali fil-proċedimenti. F’każijiet eċċezzjonijiet, ikun saħansitra possibbli li int tixhed b’mod anonimu wkoll, jekk il-kxif tal-identità tiegħek ikun jixħet lilek jew lil oħrajn f’riskju serju. Meta jixhdu quddiem il-qorti, ix-xhieda jistgħu anki jbiddlu d-dehra tagħhom biex ma jintgħarfux (bil-patt li jkun għadu possibbli li jidhru l-espressjonijiet ta’ wiċċhom).

Għandi nirrapporta reat qabel inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

M’għandekx bżonn tirrapporta reat biex taċċessa s-servizzi ta’ assistenza għall-vittmi. Dan ifisser li int tista’ tikkuntattja lil organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi qabel ma tkun irrapportajt reat. Din l-organizzazzjoni tista’ tgħinek tul il-proċess ta’ rapportar tar-reat, jekk ikun hemm bżonn.

Is-servizzi offruti mill-Hotline għall-Vittmi (+0800 112 112) jistgħu jiġu aċċessati wkoll irrispettivament minn jekk irrapportajtx reat.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu

X’tipi ta’ protezzjoni huma disponibbli?

Hemm tipi differenti ta’ protezzjoni tax-xhieda disponibbli, li joffru livelli differenti ta’ protezzjoni skont it-theddida li għaliha jkun espost ix-xhud. Il-protezzjoni tax-xhieda mil-pulizija tas-sigurtà, pereżempju, tikkonsisti f’elementi preventivi u protettivi, bħal pattulji miżjuda, għassa max-xhieda jew it-tqegħid f’faċilità ta’ protezzjoni tax-xhieda. L-aktar forma komprensiva ta’ protezzjoni hi l-inklużjoni fi programm ta’ protezzjoni tax-xhieda.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

L-awtoritajiet tas-sigurtà huma responsabbli għall-iżgurar tal-protezzjoni personali tax-xhieda u tal-vittmi.

L-appoġġ u l-pariri huma disponibbli mingħand l-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi. Hemm organizzazzjonijiet speċifiċi għall-vittmi ta’ vjolenza domestika u ta’ stalking, għall-vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin u għall-vittmi minorenni. Biex il-vittmi jiġu megħjuna jidħlu f’kuntatt mal-organizzazzjoni t-tajba, twaqqfet Hotline għall-Vittmi, iffinanzjata mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja (0800 112 112 u Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.opfer-notruf.at/), li tipprovdi appoġġ mingħajr ħlas 24 siegħa kuljum.

Hemm xi ħadd li jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk iniex f’riskju ta’ aktar ħsara mit-trasgressur?

Jekk jirriżultaw ċirkustanzi ġodda matul il-proċedimenti (eż. minħabba l-informazzjoni li tkun waslet mingħand organizzazzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi), il-prosekutur pubbliku jew il-qorti jridu jiddokumentaw il-valutazzjoni l-ġdida u jagħtu effettivament id-drittijiet assoċjati mal-istatus tiegħek bħala individwu partikolarment vulnerabbli.

Ikun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi biex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Il-pulizija kriminali, il-prosekutur pubbliku u l-qorti huma obbligati jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lid-drittijiet, lill-interessi u lill-vulnerabbiltà tal-vittmi. L-awtoritajiet kollha involuti fil-proċedimenti kriminali jridu jirrispettaw id-dinjità personali tal-vittmi matul il-proċess u l-interess tagħhom li tiġi protetta l-privatezza personali tagħhom. Dan l-obbligu ġenerali ta’ salvagwardja tal-interessi tal-vittma jinkludi wkoll l-evitar ta’ kull ħsara lill-vittma li tista' tirriżulta mill-proċedimenti kriminali nfushom. Dan hu żgurat ukoll permezz tad-drittijiet speċjali tal-vittma, eż. għal seduta rispettuża jew l-esklużjoni tal-pubbliku mill-proċess, u bil-projbizzjoni tal-iżvelar ta’ ritratti jew ta’ data personali tal-vittma.

X'tip ta' protezzjoni hu disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

Il-vittmi ta’ reati sesswali u ta’ vjolenza domestika u l-vittmi kollha li huma minorenni jitqiesu li huma partikolarment vulnerabbli.

Il-vittmi l-oħra kollha jistgħu jingħataw dan l-istatus ukoll fuq il-bażi tal-età, tal-istat psikoloġiku u tas-saħħa tagħhom u fuq il-bażi tan-natura u taċ-ċirkustanzi speċifiċi tar-reat.

Minbarra d-drittijiet disponibbli għall-vittmi kollha, il-vittmi partikolarment vulnerabbli għandhom ukoll id-dritt li jiġu intervistati kull meta possibbli minn persuna tal-istess sess matul l-investigazzjoni. Dawn jistgħu jiċħdu milli jwieġbu mistoqsijiet dwar id-dettalji tar-reat jekk iqisu li d-deskrizzjoni ta’ dawn id-dettalji ma tkunx raġonevoli, jew li jwieġbu mistosqsijiet dwar ċirkustanzi ta’ natura personali ħafna. Matul l-investigazzjoni u l-proċess, il-vittmi partikolarment vulnerabbli jingħataw seduta rispettuża jekk jitolbu hekk. Dawn jistgħu jitolbu biex il-pubbliku jkun eskluż mill-proċess. Vittmi partikolarment vulnerabbli dejjem jistgħu jkunu akkumpanjati minn persuna ta' fiduċja matul seduta.

Jekk it-trasgressur jiġi rilaxxat jew jaħrab mid-detenzjoni jew mill-kustodja ta’ qabel il-proċess, il-vittmi partikolarment vulnerabbli jridu jiġu informati minnufih. Fuq talba, dawn jiġu informati wkoll jekk it-trasgressur jaħrab jew jinħeles mill-ħabs, kif ukoll dwar l-ewwel darba meta t-trasgressur jitħalla jitlaq mid-detenzjoni mingħajr superviżjoni.

Jien minorenni – għandi xi drittijiet speċjali?

Il-vittmi li huma minorenni dejjem jitqiesu bħala partikolarment vulnerabbli.

Matul l-investigazzjoni, dawn ikunu intitolati li jiġu intervistati kull fejn possibbli minn persuna tal-istess sess. Dawn jistgħu jiċħdu milli jwieġbu mistoqsijiet dwar id-dettalji tar-reat jekk iqisu li d-deskrizzjoni ta’ dawn id-dettalji ma tkunx raġonevoli, jew li jwieġbu mistosqsijiet dwar ċirkustanzi ta’ natura personali ħafna. Matul l-investigazzjoni u l-proċess, il-vittmi partikolarment vulnerabbli jingħataw seduta rispettuża jekk jitolbu hekk. Minorenni li l-integrità sesswali tagħhom setgħet ma ġietx rispettata, dejjem iridu jingħataw seduta rispettuża. Dawn jistgħu jitolbu biex il-pubbliku jkun eskluż mill-proċess. Matul seduta, dawn jistgħu jkunu akkumpanjati minn persuna ta' fiduċja.

Jekk it-trasgressur jiġi rilaxxat jew jaħrab mid-detenzjoni jew mill-kustodja ta’ qabel il-proċess, il-vittmi partikolarment vulnerabbli jridu jiġu informati minnufih. Fuq talba, dawn jiġu informati wkoll jekk it-trasgressur jaħrab jew jinħeles mill-ħabs, kif ukoll dwar l-ewwel darba meta t-trasgressur jitħalla jitlaq mid-detenzjoni mingħajr superviżjoni.

Membru tal-familja tiegħi miet kaġun ta’ reat – x’inhuma drittijieti?

Jekk il-konjuġi jew is-sħab reġistrati, is-sħab f'koabitazzjoni, it-tfal, il-ġenituri jew in-nanniet, in-neputijiet, l-aħwa jew persuni dipendenti oħra tiegħek jinqatlu minħabba att kriminali, int tkun intitolat(a) għal servizzi ta’ assistenza għall-vittmi. Dan japplika wkoll jekk xi ħadd ieħor mill-qraba tiegħek imut minħabba reat u int kont xhud tar-reat.

Jekk persuna li kont dipendenti fuqha skont il-liġi tmut minħabba reat bħal dan, int tkun potenzjalment intitolat(a) għal appoġġ skont l-Att dwar il-Kumpens għall-Vittmi. Talbiet bħal dawn għall-assistenza jiġu deċiżi mill-Uffiċċju Federali għall-Affarijiet Soċjali u għall-Persuni b’Diżabbiltà (Bundesamt für Soziales und Behindertenwesen).

Membru tal-familja tiegħi kien vittma ta’ reat – x’inhuma drittijieti?

Jekk il-konjuġi jew is-sħab reġistrati, is-sħab f'koabitazzjoni, it-tfal, il-ġenituri jew in-nanniet, in-neputijiet, l-aħwa jew persuni dipendenti oħra tiegħek kienu vittma ta’ vjolenza, ta’ theddida perikoluża jew ta’ reati sesswali, int tkun intitolat(a) għal servizzi ta’ assistenza għall-vittmi.

Nista’ nikseb aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Se nkun sikur(a) waqt il-medjazzjoni?

Il-pulizija, il-prosekutur pubbliku jew l-imħallef iridu jieħdu f’kunsiderazzjoni l-interessi tiegħek u jinformawk dwar il-perkors tal-proċedimenti, inkluż dwar kull miżura alternattiva għall-proċedimenti kriminali konvenzjonali li tiġi ordnata fil-każ ta’ reati minuri u moderatament serji. Jekk il-prosekutur pubbliku jkun qed jikkunsidra t-tali miżuri alternattivi, dan irid joffrilek l-opportunità li tagħti l-opinjoni tiegħek fejn din tkun neċessarja biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet u l-interessi tiegħek, b’mod partikolari d-dritt tiegħek għal kumpens.

Il-prosekutur pubbliku jista’ jitlob lill-medjaturi mħarrġa mill-organizzazzjonijiet rilevanti biex jappoġġjaw lit-trasgressuri u lill-vittmi b’medjazzjoni. Il-medjazzjoni tista’ tibda biss bil-kunsens tiegħek, sakemm ir-raġunijiet tiegħek għar-rifjut tal-medjazzjoni ma jkunux inaċċettabbli fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali. Jekk it-trasgressur ma jkunx għalaq it-18-il sena, il-kunsens tiegħek ma jkunx neċessarju.

Int tista’ tkun involut(a) fil-proċess ta’ medjazzjoni jekk tkun tixtieq hekk. L-interessi tiegħek jiġu rispettati. Fejn xieraq biex jiġu salvagwardjati l-interessi tiegħek, b’mod partikolari d-dritt tiegħek għal kumpens, int tiġi mistieden/mistiedna tippreżenta dikjarazzjoni.

Matul il-proċess ta’ medjazzjoni, int għandek id-dritt li tkun akkumpanjat(a) minn persuna ta' fiduċja. Int trid tiġi informat(a) dwar drittijietek u dwar l-organizzazzjonijiet xierqa ta’ appoġġ għall-vittmi mill-aktar fis possibbli.

Fejn nista’ nsib il-liġi li tistipula x’inhuma drittijieti?

Id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali huma rregolati mill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Strafprozessordnung (StPO)). L-StPO u l-liġijiet l-oħra kollha jistgħu jiġu aċċessati mingħajr ħlas mis-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSistema ta’ Informazzjoni Legali tar-Repubblika tal-Awstrija.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

L-aħħar aġġornament: 10/12/2018