4 - Kumpens

Save as PDF

Inti tista’ titlob kumpens għad-danni mingħand it-trasgressur billi tagħmel talba skont il-liġi ċivili. Tista’ tippreżenta t-talba ċivili tiegħek bħala parti mill-proċedimenti kriminali, matul l-investigazzjoni jew waqt il-proċess. Billi tippreżenta t-talba tiegħek, inti tissieħeb fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili (politikós enágon). Inti tista’ titlob kumpens finanzjarju għall-ħsara fil-proprjetà tiegħek u / jew għad-dannu morali u l-uġigħ u t-tbatija. Mat-talba tiegħek tista’ żżid l-ispejjeż kollha li tkun għamilt b’rabta mal-każ (tariffi tal-avukati, tariffi tal-uffiċjali ġudizzjarji, spejjeż tal-ivvjaġġar, eċċ.).

Jekk il-qorti ssib it-trasgressur ħati, hija tordnalu jħallsek il-kumpens. Fil-prattika, dan il-kumpens ħafna drabi jkun simboliku, u anqas mid-dannu reali li tkun sofrejt. Għall-bqija, inti trid tippreżenta kawża separata f’qorti ċivili.

Inkella, inti tista’ tippreżenta t-talba tiegħek direttament fil-qorti ċivili. Il-qorti ċivili tordna lit-trasgressur iħallas kumpens li jikkorrispondi għad-dannu reali li tkun sofrejt.

Jekk ikollok talba pendenti quddiem qorti ċivili, inti tista’ terġa’ tippreżentaha fil-qafas tal-proċedimenti kriminali; il-kawża quddiem il-qorti ċivili mbagħad tingħalaq.

Jekk tkun vittma ta’ reat vjolenti mwettaq intenzjonalment, inti tkun intitolat għal kumpens mill-Istat. Ikkonsulta l-iskeda informattiva dwar il-kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità fil-Greċja (disponibbli bl-Ingliż, bil-Grieg u b’lingwi oħra) tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (ġustizzja riparatriċi).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/06/2019