5 - Id-drittijiet tiegħi f'dak li għandu x'jaqsam ma' appoġġ u assistenza

Save as PDF

Is-Segretarjat Ġenerali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Genikí Grammateía Isótitas ton Fýlon), li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Intern, imexxi ċentri ta’ konsulenza għal nisa li huma vittmi ta’ vjolenza.

Huwa stabbilixxa netwerk integrat ta’ 62 struttura biex jgħin lil dawn in-nisa.

In-netwerk jinkludi helpline 24/7 (SOS 15900), 40 ċentru ta’ konsulenza, u 21 ħostel għan-nisa u t-tfal tagħhom.

Il-helpline SOS15900 tista’ tiġi kkuntattjata wkoll fl-indirizz elettroniku Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasos15900@isotita.gr. Hija topera fuq bażi 24/7, 365 jum fis-sena, kemm bil-Grieg kif ukoll bl-Ingliż. L-ispejjeż tat-telefonati huma soġġetti għat-tariffi tat-telefonati lokali.

Iċ-ċentri ta’ konsulenza joffru appoġġ psikosoċjali u parir legali mingħajr ħlas. Il-firxa tas-servizzi offruti issa qiegħda tespandi sabiex tinkludi l-impjieg tan-nisa u n-nisa li jsofru diversi forom ta’ diskriminazzjoni (appoġġ lir-refuġjati, ġenituri singli, membri tal-komunità Rom, eċċ.). L-informazzjoni ta’ kuntatt dwar iċ-ċentri ta’ konsulenza hija disponibbli mis-sit Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.womensos.gr/ u minn Facebook: WomenSOS.gr

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web tas-Segretarjat Ġenerali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.isotita.gr/

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Kéntro Erevnón gia Thémata Isótitas — "KEThI")

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi joffri appoġġ psikoloġiku u assistenza legali lill-vittmi ta’ vjolenza domestika u jopera ħostel għan-nisa li jkunu vittmi ta’ vjolenza u għat-tfal tagħhom.

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

  • huwa korp regolat mil-liġi privata li ġie stabbilit fl-1994 u huwa soġġett għas-superviżjoni mis-Segretarjat Ġenerali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi
  • jinkludi servizzi reġjonali u lokali li joffru appoġġ psikoloġiku u assistenza legali lill-vittmi ta’ vjolenza domestika
  • jipprovdi appoġġ psikoloġiku u assistenza legali mingħajr ħlas
  • jipprovdi informazzjoni, pariri u appoġġ lil nisa li jkunu qegħdin jiffaċċjaw kwistjonijiet ta’ impjieg u esklużjoni soċjali
  • f’kooperazzjoni mal-Prefettura ta’ Ateni, ilu jopera ħostel għan-nisa li jkunu vittmi ta’ vjolenza u għat-tfal tagħhom mill-1993.
  • INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://kethi.gr/

Ċentru Nazzjonali għas-Solidarjetà Soċjali (Ethnikó Kéntro Koinonikís Allilengýis — ‘EKKA’)

Iċ-Ċentru Nazzjonali għas-Solidarjetà Soċjali jopera netwerk li joffri servizzi ta’ appoġġ soċjali lil individwi, familji u gruppi soċjali li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet psikosoċjali jew li jkunu jeħtieġu appoġġ soċjali immedjat.

Iċ-Ċentru Nazzjonali għas-Solidarjetà Soċjali

  • huwa korp regolat mil-liġi privata, ibbażat f’Ateni, u soġġett għas-superviżjoni mill-Ministeru tax-Xogħol, is-Sigurtà Soċjali u s-Solidarjetà Soċjali
  • Huwa jinkludi s-servizzi li ġejjin:
  • Il-linja diretta għall-assistenza soċjali 197 għaċ-ċittadini kollha topera fuq bażi 24/7. It-telefonati huma mingħajr ħlas.
  • Il-hotline nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal 1107, għal mistoqsijiet dwar it-tfal, topera fuq bażi 24/7.
  • Ċentri ta’ appoġġ soċjali f’Ateni, Piraeus u Tessaloniki
  • Ħostels għal ċittadini li jkunu għaddejjin minn problemi soċjofinanzjarji serji fir-reġjun ta’ Attica
  • Huwa jopera kennijiet għan-nisa f’riskju u t-tfal tagħhom f’Attica u Tessaloniki
  • Firxa tas-servizzi offruti:
  • pariri u informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni soċjali
  • appoġġ soċjali u psikoloġiku lill-individwi u l-familji, għoti ta’ kenn lin-nisa f’riskju u t-tfal tagħhom (prinċipalment vittmi ta’ vjolenza domestika u ta’ traffikar tal-bnedmin)
  • akkomodazzjoni għal żmien qasir għal persuni li jkunu għaddejjin minn kriżi jew emerġenza soċjali
  • kooperazzjoni u medjazzjoni sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi ta’ solidarjetà soċjali offruti minn organizzazzjonijiet oħra
  • Fl-aħħar nett, iċ-Ċentru jibgħat timijiet ta’ appoġġ psikosoċjali ta’ intervent rapidu, li jikkonsistu prinċipalment minn psikologi u assistenti soċjali, f’sitwazzjonijiet ta’ diżastri naturali (terremot, għargħar, nirien), inċidenti, nawfraġji li jinvolvu għadd kbir ta’ vittmi, u kwalunkwe kriżi li tinvolvi għadd kbir ta’ persuni meta l-preżenza ta’ dawn it-timijiet titqies bħala neċessarja.

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.ekka.org.gr/

Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni Medika għall-Vittmi tat-Tortura (Iatrikó Kéntro Apokatástasis Thymáton Vasanistiríon)

Iċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni Medika għall-Vittmi tat-Tortura jipprovdi ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-persuni li jkunu ġew ittorturati u l-familji tagħhom; huwa jħarreġ professjonisti tal-kura tas-saħħa Griegi u barranin sabiex jeżaminaw u jikkuraw vittmi tat-tortura, iwettaq riċerka xjentifika, u joffri inċentivi għar-riċerka dwar it-tortura u l-konsegwenzi tagħha.

Iċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni Medika għall-Vittmi tat-Tortura

  • jipprovdi ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-persuni li jkunu ġew ittorturati u l-familji tagħhom
  • iħarreġ professjonisti tal-kura tas-saħħa Griegi sabiex jeżaminaw u jikkuraw il-vittmi tat-tortura
  • jikkontribwixxi għad-disseminazzjoni wiesgħa tal-għarfien dwar il-prattika tat-tortura u l-forom differenti tagħha u l-possibbiltà ta’ rijabilitazzjoni tal-vittmi tat-tortura
  • iwettaq riċerka xjentifika u joffri inċentivi għar-riċerka dwar it-tortura u l-konsegwenzi tagħha
  • iżomm u jiżviluppa ċentru ta’ informazzjoni (dokumentazzjoni)
  • jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tat-tortura billi jsegwi dawn l-objettivi.

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.mrct.org/

Ċentru ta’ Riċerka u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Trattament Ħażin u Esklużjoni Soċjali (Kéntro Érevnas kai Ypostírixis Thymáton Kakopoíisis kai Koinonikoú Apokleismoú — ‘EKYThKKA’)

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Trattament Ħażin u Esklużjoni Soċjali joffri appoġġ mediku, psikoloġiku, soċjali u legali lill-vittmi ta’ tortura u vjolenza organizzata, trattament ħażin u esklużjoni soċjali.

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Trattament Ħażin u Esklużjoni Soċjali

  • huwa assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ regolata mil-liġi ċivili
  • joffri appoġġ mediku, psikoloġiku, soċjali u legali lill-vittmi ta’ tortura u vjolenza organizzata, trattament ħażin u esklużjoni soċjali
  • iqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, u jxerred l-għarfien dwar l-eżistenza ta’ manifestazzjonijiet ta’ vjolenza u esklużjoni soċjali u l-metodi sabiex dawn jiġu indirizzati kemm fil-Greċja kif ukoll f’pajjiżi oħra
  • joffri assistenza umanitarja lil gruppi soċjali li jkunu ġew soġġetti għal vjolenza organizzata, tortura, trattament ħażin u esklużjoni soċjali, kemm fil-Greċja kif ukoll f’pajjiżi oħra
  • iwettaq riċerka xjentifika dwar il-vjolenza u t-tortura, it-trattament ħażin u l-esklużjoni soċjali
  • jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tat-tortura, it-trattament ħażin u l-esklużjoni soċjali.


INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.cvme.gr/

Kunsill Grieg għar-Refuġjati (Ellinikó Symvoúlio gia tous Prósfyges)

Il-Kunsill Grieg għar-Refuġjati huwa organizzazzjoni mhux governattiva li tappoġġa r-refuġjati u l-applikanti għall-ażil fil-Greċja permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi psikosoċjali u legali.

Il-Kunsill Grieg għar-Refuġjati

  • huwa organizzazzjoni mhux governattiva stabbilita fl-1989 sabiex tappoġġa lir-refuġjati u l-applikanti għall-ażil fil-Greċja
  • jgħin lir-refuġjati jintegraw mingħajr problemi fil-Greċja permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi psikosoċjali u legali
  • huwa l-unika organizzazzjoni mhux governattiva Griega mingħajr skop ta’ qligħ li tittratta esklussivament persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil fil-Greċja u li jkunu meqjusa bħala refuġjati
  • huwa rreġistrat mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u mal-Ministeru tas-Saħħa u s-Solidarjetà Soċjali bħala organizzazzjoni speċjali tal-karità
  • huwa waħda mis-sitt organizzazzjonijiet mhux governattivi li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem fil-Greċja u huwa membru tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (Ethnikí Epitropí gia ta Dikaiómata tou Anthrópou)
  • huwa sieħeb tal-implimentazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u membru tal-Kunsill Ewropew għar-Refuġjati u l-Eżiljati.

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.gcr.gr/

Il-Monitor Grieg ta’ Helsinki (Ellinikó Paratiritírio ton Symfonión tou Elsínki)

Il-Monitor Grieg ta’ Helsinki jimmonitorja, jippubblika artikli u jagħmel lobbying dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-Greċja.

Il-Greek Helsinki Monitor

  • ġie stabbilit fl-1992
  • huwa l-membru Grieg tal-Federazzjoni Internazzjonali ta’ Ħelsinki dwar id-Drittijiet tal-Bniedem
  • jimmonitorja, jippubblika u jagħmel lobbying dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-Greċja u, minn żmien għall-ieħor, fil-Balkani
  • ipparteċipa u kkoordina ta’ spiss il-monitoraġġ tal-midja Griega u tal-Balkani għall-isterjotipi u d-diskors ta’ mibegħda, u ħejja rapporti annwali dettaljati, rapporti paralleli / mhux uffiċjali għall-korpi tat-trattat tan-NU, u rapporti speċjalizzati dwar it-trattament ħażin u dwar il-komunitajiet etniċi, etnolingwistiċi, reliġjużi u immigranti.

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://greekhelsinki.wordpress.com/

Is-Sezzjoni Griega ta’ Amnesty International (Diethnís Amnistía Ellinikó Tmíma)

Amnesty International tindirizza gvernijiet, organizzazzjonijiet intergovernattivi, gruppi politiċi armati, kumpaniji u atturi oħra mhux statali u tinvestiga b’mod sistematiku u imparzjali każijiet individwali u mudelli ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.

Amnesty International

  • hija moviment globali, indipendenti ta’ voluntiera li jiġġieldu għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem
  • tiddefendi l-priġunieri tal-kuxjenza, il-vjolenza u l-faqar
  • tfittex li ttemm il-vjolenza kontra n-nisa
  • tfittex li tabolixxi l-pieni tal-mewt, it-tortura u l-limitazzjonijiet tal-libertà f’isem il-“gwerra fuq it-terrur”
  • tiġġieled id-diskriminazzjoni kontra r-refuġjati, l-immigranti, il-minoranzi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.amnesty.org.gr/


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/06/2019