Id-drittijiet tal-vittmi fil–proċeduri kriminali - Ċipru

Tiġi kkunsidrat bħala vittma ta’ att kriminali, fil-każ li tkun ġarrabt dannu (pereżempju tkun ġejt ferut jew il-proprjetà tiegħek tkun ġarrbet dannu jew insterqet, eċċ.) b’konsegwenza ta’ azzjoni li tikkostitwixxi reat skont il-liġi nazzjonali. Skont il-liġi, bħala vittma ta’ reat int għandek ċerti drittijiet individwali, qabel, matul u wara l-proċedimenti.

F’Ċipru, il-proċedimenti kriminali jibdew b’inkjesta tal-pulizija rigward ir-reat. Ladarba l-inkjesta tkun tlestiet, il-każ jiġi riferut lill-Avukat Ġenerali tar-Repubblika, li jiddeċiedi jagħtix bidu għall-proċedimenti kriminali. Fil-każ li jkun hemm biżżejjed evidenza kontra t-trażgressur allegat, l-Avukat Ġenerali jirreferi l-każ lill-qorti għall-proċess. Wara li tkun eżaminat l-evidenza miġbura, il-qorti tiddeċiedi jekk l-akkużat ikunx ħati u jew tikkundannah inkella tilliberah.

Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt sabiex issib it-tagħrif li teħtieġ

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida1 - Drittijieti bħala vittma ta' reat

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida2 - Ir-rappurtar ta’ reat u d-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni jew il-proċess

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida3 - Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida4 - Kumpens

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida5 - Id-drittijiet tiegħi f'dak li għandu x'jaqsam ma' appoġġ u assistenza


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018

1 - Drittijieti bħala vittma ta' reat


X’informazzjoni se nieħu mingħand l-awtorità (eż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) wara li jkun seħħ ir-reat iżda qabel saħansitra nirrapporta r-reat?

Il-Pulizija jinfurmawk, mingħajr dewmien bla bżonn, dwar id-dritt tiegħek li tikseb l-informazzjoni li ġejja dwar:

  1. L-Għassa tal-Pulizija jew id-Dipartiment tal-Pulizija fejn il-vittma tista’ tippreżenta lment;
  2. It-tip ta’ appoġġ li l-vittmi jistgħu jirċievu u mingħand min, inkluż, fejn rilevanti, informazzjoni bażika dwar l-aċċess għall-appoġġ mediku, kwalunkwe appoġġ speċjalizzat, inkluż appoġġ psikoloġiku, u akkomodazzjoni alternattiva;
  3. kif u taħt liema kundizzjonijiet il-vittmi jingħataw protezzjoni, inklużi l-miżuri ta’ protezzjoni;
  4. kif u taħt liema kundizzjonijiet il-vittmi jistgħu jitolbu kumpens;
  5. kif u taħt liema kundizzjonijiet l-ispejjeż imġarrba bħala riżultat tal-parteċipazzjoni ta’ vittma fil-proċedimenti kriminali jistgħu jiġu rimborżati;
  6. kif u taħt liema kundizzjonijiet il-vittmi huma intitolati għas-servizzi ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni;
  7. il-proċeduri disponibbli biex jiġu ppreżentati l-ilmenti meta d-drittijiet tal-vittmi ma jiġux irrispettati mid-dipartiment involut;
  8. id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-Pulizija li jkun qiegħed jieħu ħsieb il-każ tiegħek, għal skopijiet ta’ komunikazzjoni.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti d-drittijiet tiegħi?

Jekk inti residenti fi Stat Membru ieħor, il-Pulizija Ċiprijotta tikseb stqarrija ġuramentata mingħandek eżatt wara li tirrapporta r-reat, sabiex tillimita d-diffikultajiet dwar kif tiġi organizzata l-proċedura.

Jekk ir-reat twettaq fir-Repubblika ta’ Ċipru u inti residenti fi Stat Membru ieħor, inti tista’ tirrappurtah lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza tiegħek, sa fejn ma tkunx tista’ - jew, fil-każ ta’ reat gravi - ma tkunx lest li tagħmel dan f’Ċipru.

Jekk tippreżenta lment għal reat imwettaq fi Stat Membru ieħor tal-UE lill-Pulizija Ċiprijotta, din tal-aħħar trid tibgħat dak l-ilment lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn twettaq ir-reat, fejn hija ma għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tibda l-proċedimenti.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Meta tirrapporta reat lill-Pulizija, inti tikseb l-informazzjoni li ġejja, skont f’liema stadju tal-proċedura jkun qiegħed l-ilment tiegħek:

  1. id-dettalji tal-uffiċjal tal-pulizija li jkun qiegħed jieħu ħsieb il-każ tiegħek;
  2. kwalunkwe deċiżjoni ġustifikata għan-nuqqas ta’ proċediment jew għat-tmiem ta’ investigazzjoni jew biex ma jiġix ipproċessat it-trasgressur;
  3. il-ħin u l-post tal-proċess, u n-natura tal-akkużi kontra t-trasgressur;
  4. informazzjoni li tippermettilek li tiġi infurmat dwar il-kors tal-proċedimenti kriminali. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn it-trattament xieraq tal-każ jista’ jiġi affettwat ħażin bid-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni, din tista’ ma tingħatax wara opinjoni motivata tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika ta’ Ċipru.
  5. Informazzjoni dwar id-dritt tiegħek li tiġi infurmat jekk il-persuna arrestata, ipproċessata jew ikkundannata għar-reat li jirrigwardak, tinħeles jew tkun ħarbet. L-informazzjoni ta’ hawn fuq tista’ ma tingħatax jekk ikun hemm riskju potenzjali jew stabbilit ta’ dannu għat-trasgressur.

Għandi dritt għal servizzi ta’ interpretazzjoni jew ta’ traduzzjoni bla ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Jekk tixtieq tirrapporta reat iżda ma tistax tifhem jew titkellem bil-Grieg, inti tista’ tippreżenta lment b’lingwa li tifhem, bl-assistenza lingwistika neċessarja.

Barra minn hekk, il-Pulizija trid tassigura li inti tiġi offrut:

  • servizzi ta’ interpretazzjoni b’xejn matul l-investigazzjoni jekk ma tifhimx jew ma titkellimx bil-Grieg;
  • traduzzjoni b’xejn tal-informazzjoni kollha miġbura matul l-investigazzjoni, fuq talba bil-miktub min-naħa tiegħek, sa fejn dik l-informazzjoni tkun essenzjali sabiex inti teżerċita d-drittijiet tiegħek.

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li qed ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabilità)?

  • Il-Pulizija se tuża lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem sabiex tikkomunika miegħek, billi tqis is-sitwazzjoni personali tiegħek, inkluża kwalunkwe diżabbiltà li tista’ taffettwa l-abbiltà tiegħek li tifhem jew li tinftiehem. Il-komunikazzjoni, kemm orali kif ukoll bil-miktub, għandha tkun f’forma aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltajiet, inkluż, fejn ikun meħtieġ, il-Braille jew il-lingwa tas-sinjali.
  • Jekk inti minorenni taħt it-18-il sena, inti tiġi evalwat abbażi tal-età, il-livell ta’ maturità, il-fehmiet, il-ħtiġijiet u t-tħassib tiegħek, sabiex ikun assigurat li tkun tista’ tifhem u tinftiehem. Il-ġenituri, il-kustodji jew kwalunkwe rappreżentant legali ieħor tiegħek jiġu infurmati dwar kwalunkwe dritt li jista’ jirrigwardak.
  • Fl-ewwel kuntatt tiegħek mal-Pulizija, inti tista’ tiġi akkumpanjat minn persuna tal-għażla tiegħek, ħlief fejn dan ikun detrimentali għall-interessi tiegħek jew għall-kors tal-proċedimenti. Jekk inti persuna b’diżabbiltajiet, inti tista’ tiġi akkumpanjat minn persuna tal-għażla tiegħek matul l-investigazzjoni sħiħa tal-każ.

Barra minn hekk, jekk inti minorenni, l-informazzjoni tingħatalek mis-Servizzi tal-Assistenza Soċjali (fejn ikun meħtieġ, permezz ta’ interpretu) f’lingwaġġ li tista’ tifhem u b’konsiderazzjoni xierqa għall-età u l-livell ta’ maturità tiegħek. Jekk inti persuna b’diżabbiltà, inti tirċievi l-informazzjoni b’mod li tista’ tifhmu (eż. bil-lingwa tas-sinjali).

Servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

L-organizzazzjonijiet li ġejjin jipprovdu servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi:

  • Is-Servizzi Mediċi,
  • Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali,
  • Is-Servizzi tas-Saħħa Mentali,
  • Is-Servizz tal-Psikoloġija Edukattiva fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura,
  • Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi

Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali tal-Ministeru tal-Impjiegi, l-Assistenza Soċjali u s-Sigurtà Soċjali joffru appoġġ lil gruppi vulnerabbli, inklużi l-vittmi ta’ kriminalità, billi:

  • Jappoġġaw lill-familja, bil-għan li jippermettu lill-membri tagħha jwettqu r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom b’mod effettiv; isolvu tilwim familjari li jhedded l-unità tal-familja; jipproteġu s-sikurezza u l-benesseri tat-tfal; jipprevjenu l-imġiba delinkwenti u l-vjolenza domestika u jinkoraġġixxu r-rijabilitazzjoni ta’ persuni involuti f’imġiba antisoċjali u delinkwenza;
  • Jappoġġaw gruppi vulnerabbli;
  • Jgħinu lill-komunitajiet lokali jidentifikaw u jindirizzaw il-ħtiġijiet speċjali tal-gruppi vulnerabbli;
  • Ipoġġu lill-vittmi f’kuntatt ma’ awtoritajiet u NGOs kompetenti oħra li jistgħu jipprovdu servizzi u appoġġ addizzjonali.

Il-pulizija se jirreferuni awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

Il-Pulizija jirreferuk għas-servizzi governattivi jew servizzi oħra ta’ appoġġ u assistenza, jekk dan ikun meqjus neċessarju, u jinfurmawk dwar is-servizzi eżistenti msemmija aktar ’il fuq:

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

L-uffiċjali tal-pulizija jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Kostituzzjoni, il-leġislazzjoni applikabbli u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Pulizija, li jassiguraw li l-privatezza u l-ħajja tal-familja tiegħek jiġu rrispettati u d-data personali tiegħek tiġi protetta adegwatament.

Skont il-liġi, ismek u l-kontenut tal-istqarrija ġuramentata tiegħek ma jistgħu taħt l-ebda ċirkustanza jiġu ppubblikati jew żvelati b’xi mod.

L-ipproċessar tad-data huwa regolat permezz ta’ leġislazzjoni speċjali, li tassigura l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

Għandi nirrapporta reat qabel inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

Iva. Wara li tippreżenta lment lill-Pulizija, is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali jassiguraw li inti tiġi offrut servizzi ta’ appoġġ mingħajr ħlas, skont il-ħtiġijiet tiegħek, inklużi servizzi minn NGOs li jistgħu joffru appoġġ speċjali.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu.

Il-Pulizija jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jipproteġu s-sikurezza tiegħek, speċjalment meta jiġu stabbiliti ħtiġijiet speċjali ta’ protezzjoni. Għalhekk, jiddependi min-natura / ċirkustanzi tar-reat kriminali, is-sitwazzjoni personali tiegħek u kwalunkwe ħtieġa speċjali ta’ protezzjoni, jistgħu jiġu applikati miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni f’diversi fażijiet tal-proċedimenti kriminali, kif ġej:

(1) L-integrazzjoni tal-vittmi fi skemi ta’ protezzjoni tax-xhieda, soġġett għal superviżjoni u kontroll mill-Avukat Ġenerali

B’deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali, inti tista’ tiġi integrat fi skema ta’ protezzjoni tax-xhieda, li tinvolvi miżuri tal-Pulizija sabiex tiġi protetta s-sikurezza personali tiegħek kif ukoll is-sikurezza tal-familja tiegħek, fejn ikun meħtieġ.

(2) Il-protezzjoni tal-vittmi matul l-investigazzjoni kriminali:

Matul l-investigazzjoni kriminali:

  • Inti tiġi interrogat mill-Pulizija mingħajr dewmien bla bżonn eżatt wara li tippreżenta lment;
  • L-għadd ta’ interrogazzjonijiet jinżamm minimu u l-interrogazzjonijiet jitwettqu biss fejn dan ikun assolutament neċessarju għall-finijiet tal-investigazzjoni kriminali.
  • Inti tista’ tiġi akkumpanjat mir-rappreżentant legali tiegħek jew persuna tal-għażla tiegħek, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni motivata kuntrarja fir-rigward ta’ xi waħda jew taż-żewġ persuni;
  • L-eżamijiet mediċi jinżammu minimi u jitwettqu biss fejn dan ikun assolutament neċessarju għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali.

(3) Id-dritt għall-protezzjoni ta’ vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni matul il-proċedimenti kriminali:

Jekk tiġi identifikat bħala vittma bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni, ikunu disponibbli għalik l-opzjonijiet li ġejjin:

  • L-interrogazzjonijiet kollha jsiru f’post imfassal jew adattat għal dak il-għan;
  • L-interrogazzjonijiet kollha jitwettqu minn professjonisti mħarrġa adegwatament għal dak il-għan;
  • L-interrogazzjonijiet kollha jitwettqu mill-istess persuna, ħlief fejn dan imur kontra l-amministrazzjoni effettiva tal-ġustizzja, u
  • Jekk inti vittma ta’ vjolenza sesswali, vjolenza sessista jew vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib, l-interrogazzjonijiet tiegħek għandhom isiru minn persuna tal-istess sess bħalek, jekk inti tkun tixtieq dan, bil-kundizzjoni li ma jiġix preġudikat il-kors tal-investigazzjoni.

B’mod partikolari:

Jekk inti vittma ta’ vjolenza domestika:

  • ma għandha tiġi permessa l-ebda divulgazzjoni tal-informazzjoni personali fl-istqarrija ġuramentata tiegħek;
  • inti tista’ tiġi riferut għal kenn operat mill-Assoċjazzjoni għall-Prevenzjoni u l-Indirizzar tal-Vjolenza fil-Familja;
  • il-qorti tista’ tordna d-detenzjoni tal-konvenut sakemm il-każ jiġi rinvijat lill-qorti, jew il-ħelsien tiegħu, bil-kundizzjoni li huwa ma jżurx jew jagħti fastidju b’xi mod lil kwalunkwe membru tal-familja tiegħu.

Jekk inti vittma minorenni ta’ abbuż sesswali:

  • l-informazzjoni personali tiegħek ma għandhiex tiġi żvelata fl-istqarrija ġuramentata tiegħek;
  • Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali tal-Ministeru tal-Impjiegi, l-Assistenza Soċjali u s-Sigurtà Soċjali jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jipproteġu s-sikurezza tiegħek, jekk l-interessi tiegħek ikunu f’kunflitt ma’ dawk tal-ġenituri tiegħek.

Jekk inti vittma ta’ traffikar u sfruttament tal-bnedmin:

  • ma għandha tiġi permessa l-ebda divulgazzjoni tal-informazzjoni personali fl-istqarrija ġuramentata tiegħek;
  • Il-każ tiegħek irid jiġi rrappurtat lis-Servizzi tal-Assistenza Soċjali minn kwalunkwe uffiċjal tal-gvern li jkun jaf bis-sitwazzjoni tiegħek - is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali jridu jinfurmawk bid-drittijiet tiegħek;
  • Inti intitolat għal protezzjoni mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-istatus legali tiegħek jew kwalunkwe kooperazzjoni li jista’ jkollok mal-Pulizija.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

Il-Pulizija huma primarjament responsabbli biex joffrulek protezzjoni. Jekk ikun meħtieġ, il-Pulizija jikkooperaw ma’ korpi kompetenti oħra tas-settur pubbliku jew privat sabiex jassiguraw li inti tkun protett b’mod effettiv.

Hemm xi ħadd li se jivvaluta l-każ tiegħi biex jara jekk iniex f’riskju ta’ aktar ħsara mit-trasgressur?

Il-Pulizija se jivvalutaw il-każ tiegħek sabiex:

(a) jidentifikaw kwalunkwe ħtieġa speċifika ta’ protezzjoni, u

(b) jistabbilixxu jekk u sa fejn għandek tibbenefika minn miżuri speċjali matul il-proċedimenti kriminali minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tiegħek għall-vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, l-intimidazzjoni u r-ritaljazzjoni.

Għandha titwettaq valutazzjoni individwali bl-involviment mill-qrib tiegħek u din għandha tqis ix-xewqat tiegħek, inkluża x-xewqa tiegħek li ma tibbenefikax minn miżuri speċjali.

Se jkun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi sabiex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Il-valutazzjoni individwali tinkludi valutazzjoni tal-esponiment tiegħek għar-riskju ta’ vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, sabiex tiġi eskluża kull possibbiltà li inti ġġarrab vittimizzazzjoni sekondarja u/jew ripetuta mill-korpi tal-ġustizzja kriminali.

X’tip ta’ protezzjoni hija disponibbli għal vittmi vulnerabbli ħafna?

Vittmi vulnerabbli ħafna jiġu offruti t-tipi ta’ protezzjoni li ġejjin:

(1) L-integrazzjoni tal-vittmi fi skemi ta’ protezzjoni tax-xhieda, soġġett għal superviżjoni u kontroll mill-Avukat Ġenerali.

B’deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali, inti tista’ tiġi integrat fi skema ta’ protezzjoni tax-xhieda, li tinvolvi miżuri tal-Pulizija sabiex tiġi protetta s-sikurezza personali tiegħek kif ukoll is-sikurezza tal-familja tiegħek, fejn ikun meħtieġ.

(2) Il-protezzjoni tal-vittmi matul l-investigazzjoni kriminali:

Matul l-investigazzjoni kriminali:

  • Inti tiġi interrogat mill-Pulizija mingħajr dewmien bla bżonn eżatt wara li tippreżenta lment;
  • l-għadd ta’ interrogazzjonijiet jinżamm minimu u dawn jitwettqu biss fejn ikun assolutament neċessarju għall-finijiet tal-investigazzjoni kriminali;
  • inti tista’ tiġi akkumpanjat mir-rappreżentant legali tiegħek jew persuna tal-għażla tiegħek, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni motivata kuntrarja fir-rigward ta’ xi waħda jew taż-żewġ persuni;
  • l-eżamijiet mediċi meħtieġa jinżammu minimi u jitwettqu biss fejn dan ikun assolutament neċessarju għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali.

(3) Il-protezzjoni ta’ vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni matul il-proċedimenti kriminali:

Jekk tiġi identifikat bħala vittma bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni, ikunu disponibbli għalik dawn li ġejjin:

  • l-interrogazzjonijiet kollha jitwettqu f’post imfassal jew adattat għal dak il-għan;
  • l-interrogazzjonijiet kollha jitwettqu minn professjonisti mħarrġa adegwatament għal dak il-għan;
  • l-interrogazzjonijiet kollha jitwettqu mill-istess persuna, ħlief fejn dan imur kontra l-amministrazzjoni effettiva tal-ġustizzja, u
  • jekk tkun vittma ta’ vjolenza sesswali, vjolenza sessista jew vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib, l-interrogazzjonijiet għandhom jitwettqu minn persuna tal-istess sess bħalek, jekk inti tkun tixtieq dan, bil-kundizzjoni li ma jiġix preġudikat il-kors tal-investigazzjoni.

Jien minorenni – għandi xi drittijiet speċjali?

Jekk inti minorenni, jiġu protetti l-aħjar interessi tiegħek, li jiġu valutati fuq bażi ta’ każ b’każ b’kont meħud tal-età, il-livell ta’ maturità, il-fehmiet, il-ħtiġijiet u t-tħassib tiegħek.

Bħala minorenni inti għandek xi drittijiet addizzjonali:

  • matul il-proċedimenti, inti tista’ tiġi akkumpanjat mill-ġenituri tiegħek jew minn uffiċjal tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali, jekk tkun fil-kura tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali.
  • jekk inti vittma ta’ vjolenza domestika, jista’ jiġi ppreżentat ilment f’ismek mid-Direttur tas-Servizzi Soċjali tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali, u jistgħu jiġu applikati l-miżuri kollha neċessarji għas-sikurezza tiegħek.
  • jekk inti vittma ta’ abbuż sesswali, jista’ jiġi ppreżentat ilment f’ismek minn kwalunkwe uffiċjal tal-gvern u jistgħu jiġu applikati l-miżuri kollha neċessarji għas-sikurezza tiegħek.
  • jekk m’intix akkumpanjat, inti titqiegħed fil-kura tad-Direttur tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali u jkollok aċċess għad-drittijiet tiegħek, eż. id-dritt tiegħek għall-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, eċċ. kif ukoll id-dritt tiegħek għar-riunifikazzjoni mal-familja.
  • Id-Dritt għall-Privatezza. Il-Pulizija jieħdu l-miżuri legali kollha neċessarji sabiex jipprevjenu d-disseminazzjoni pubblika ta’ kwalunkwe informazzjoni li tista’ twassal għall-identifikazzjoni tiegħek.
  • Ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni. Il-Pulizija huma responsabbli sabiex:
    • jassiguraw li l-investigazzjoni u l-proċedimenti tal-prosekuzzjoni kriminali jitwettqu irrispettivament minn jekk inti jew ir-rappreżentant tiegħek tkunux għamiltu lment formali, u li l-proċedimenti kriminali jkunu jistgħu jissoktaw anki jekk inti tirtira l-istqarrija ġuramentata tiegħek;
    • jissoktaw bil-prosekuzzjoni anki wara li tilħaq età maġġuri;
    • jirreġistraw l-interrogazzjonijiet tiegħek, bħala parti mill-investigazzjoni.

Matul l-interrogazzjonijiet, inti tista’ tiġi akkumpanjat mir-rappreżentant legali tiegħek jew minn adult tal-għażla tiegħek, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni motivata kuntrarja fir-rigward ta’ dik il-persuna.

L-interrogazzjonijiet jitwettqu:

  • mingħajr dewmien mhux ġustifikat, mill-mument li l-inċidenti jiġu rrappurtati lill-Pulizija;
  • fejn ikun meħtieġ, f’post imfassal speċifikament jew adattat għal dak il-għan.
  • fejn ikun meħtieġ, minn jew permezz ta’ professjonist li jkun imħarreġ sewwa għal dak il-għan;
  • sal-punt biss li jkun neċessarju għall-iskopijiet tal-investigazzjoni / tal-proċedimenti kriminali filwaqt li l-għadd ta’ interrogazzjonijiet jinżamm minimu;
  • fil-każ ta’ abbuż sesswali, l-interrogazzjonijiet jitwettqu minn professjonisti mħarrġa li jkunu tal-istess sess bħat-tfal.

Il-membru tal-familja tiegħi miet minħabba r-reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Tista’ tfittex appoġġ mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi li ġejjin:

  • Is-Servizzi Mediċi tal-Istat,
  • Is-Servizzi tas-Saħħa Mentali,
  • Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali,
  • Is-Servizzi tal-Psikoloġija Edukattiva (fil-każ ta’ minorenni);
  • L-Assoċjazzjoni għall-Prevenzjoni u l-Indirizzar tal-Vjolenza fil-Familja - topera hotline speċjali (1440) (għall-vittmi ta’ vjolenza domestika);
  • NGOs involuti f’attivitajiet ta’ appoġġ għall-vittmi.

Il-liġi tippermettilek li tippreżenta talba għall-kumpens għad-danni kontra t-trasgressur. Tista’ tindirizza wkoll lis-Servizzi tal-Assistenza Soċjali biex tikseb informazzjoni dwar id-dritt tiegħek li titlob kumpens għad-danni.

Il-membru tal-familja tiegħi miet minħabba r-reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Tista’ tfittex appoġġ mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi li ġejjin:

  • Is-Servizzi Mediċi tal-Istat,
  • Is-Servizzi tas-Saħħa Mentali,
  • Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali,
  • Is-Servizzi tal-Psikoloġija Edukattiva (fil-każ ta’ minorenni);
  • L-Assoċjazzjoni għall-Prevenzjoni u l-Indirizzar tal-Vjolenza fil-Familja - topera hotline speċjali (1440) (għall-vittmi ta’ vjolenza domestika);
  • NGOs involuti f’attivitajiet ta’ appoġġ għall-vittmi.

Il-liġi tippermettilek li tippreżenta talba għall-kumpens għad-danni kontra t-trasgressur. Tista’ tindirizza wkoll lis-Servizzi tal-Assistenza Soċjali biex tikseb informazzjoni dwar id-dritt tiegħek li titlob kumpens għad-danni.

Membru tal-familja kien vittma ta’ reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Tista’ tfittex appoġġ mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi li ġejjin:

  • Is-Servizzi Mediċi tal-Istat,
  • Is-Servizzi tas-Saħħa Mentali,
  • Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali,
  • Is-Servizzi tal-Psikoloġija Edukattiva (fil-każ ta’ minorenni);
  • L-Assoċjazzjoni għall-Prevenzjoni u l-Indirizzar tal-Vjolenza fil-Familja - topera hotline speċjali (1440) (għall-vittmi ta’ vjolenza domestika);
  • NGOs involuti f’attivitajiet ta’ appoġġ għall-vittmi.

Nista’ nikseb aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Se nkun sikur(a) waqt il-medjazzjoni?

F’Ċipru ma hemmx qafas leġislattiv li jirregola s-servizzi ta’ medjazzjoni.

Fejn nista’ nsib il-leġislazzjoni li tirregola d-drittijiet tiegħi?

Il-leġislazzjoni li tirregola d-drittijiet tiegħek hija

  • L-Att dwar il-Vjolenza Domestika 2000-2015 (Prevenzjoni u Protezzjoni tal-Vittmi).
  • L-Att tal-2014 dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Abbuż Sesswali, l-Abbuż Sesswali tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal.

Tista’ taċċessa l-leġislazzjoni li tirregola d-drittijiet tiegħek permezz tas-sit web tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura ta’ Ċipru: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.cylaw.org/


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018

2 - Ir-rappurtar ta’ reat u d-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni jew il-proċess


Kif nirrapporta reat?

Tista’ tippreżenta l-ilment tiegħek fi kwalunkwe Għassa tal-Pulizija. Il-Pulizija tinvestiga l-każ tiegħek malli tippreżenta lment formali u tipprovdi stqarrija ġuramentata bil-miktub.

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri bil-kawża?

Tista’ tikseb informazzjoni dwar il-progress tal-każ tiegħek mill-uffiċjal tal-Pulizija (investigatur) li jiġi assenjat il-każ tiegħek. Ladarba l-każ tiegħek jiġi rinvijat lill-qorti, inti tista’ tikseb informazzjoni dwar il-kors tal-proċedimenti mingħand l-uffiċjal tad-Diviżjoni Legali li jkun qiegħed jieħu ħsieb il-każ tiegħek fil-qorti.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Tista’ tikseb għajnuna legali mingħajr ħlas għall-proċedimenti inklużi fil-Liġi dwar l-Għoti ta’ Għajnuna Legali Mingħajr Ħlas, fil-kuntest ta’ proċedimenti fir-rigward ta’ tipi partikolari ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

“Proċedimenti fir-rigward ta’ tipi partikolari ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem” tfisser kwalunkwe:

(a) Proċedura ċivili pendenti quddiem qorti, fi kwalunkwe stadju, mibdija kontra r-Repubblika ta’ Ċipru għad-dannu li ġie kkawżat lil persuna b’riżultat ta’ ksur partikolari tad-drittijiet tal-bniedem, jew

(b) proċediment kriminali mibdi minn kwalunkwe persuna, fejn it-talba tkun tirrigwarda tipi partikolari ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-forma ta’ għajnuna legali disponibbli skont il-Liġi msemmija aktar ’il fuq:

(a) tikkonsisti minn servizzi ta’ konsulenza, assistenza u rappreżentanza, fil-każ ta’ proċeduri ċivili mibdija kontra r-Repubblika jew fil-każ ta’ proċedimenti kriminali, u

(b) tikkonsisti esklussivament minn konsulenza, fil-każ ta’ proċeduri ċivili mibdija kontra r-Repubblika ta’ Ċipru.

Id-drittijiet tal-bniedem protetti mil-Liġi msemmija aktar ’il fuq huma dawk assigurati taħt:

(a) It-Taqsima II tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru;

(b) L-Att tal-1962 li jirratifika l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

(c) L-Atti tal-1967-1995 li jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali;

(d) L-Att tal-1969 li jirratifika l-Patti Internazzjonali (Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali; Drittijiet Ċivili u Politiċi);

(e) L-Att tal-1989 li jirratifika l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura u Trattament jew Pieni Inumani jew Degradanti;

(f) L-Atti tal-1990 u tal-1993 li jirratifikaw il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra;

(g) L-Att tal-1985 li jirratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

(h) L-Att tal-1990 li jirratifika l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

L-għajnuna legali b’xejn hija disponibbli għal:

  • kwalunkwe persuna li tkun vittma ta’ traffikar tal-bnedmin, fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem Qorti Distrettwali għall-għoti ta’ kumpens għad-danni bis-saħħa tal-Att dwar il-Prevenzjoni u l-Indirizzar tat-Traffikar u l-Isfruttament tal-Bnedmin u l-Protezzjoni tal-Vittmi;
  • kwalunkwe minorenni li jkun vittma ta’ traffikar tal-bnedmin, fil-kuntest ta’ proċedimenti pendenti quddiem Qorti Distrettwali għall-għoti ta’ kumpens għad-danni bis-saħħa tal-Att dwar il-Prevenzjoni u l-Indirizzar tat-Traffikar u l-Isfruttament tal-Bnedmin u dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi;
  • kwalunkwe minorenni li jkun vittma ta’ solleċitazzjoni għal skopijiet sesswali, pornografija tat-tfal, sfruttament sesswali u/jew abbuż sesswali, fil-kuntest ta’ proċedimenti pendenti quddiem Qorti Distrettwali għall-għoti ta’ kumpens għad-danni bis-saħħa tal-Att dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Abbuż Sesswali, l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal.

Barra minn hekk, kwalunkwe tifel/tifla li jkun/tkun vittma ta’ xi wieħed mir-reati kriminali deskritti fl-Att dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Abbuż Sesswali, l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal, irrispettivament minn jekk ikunux lesti li jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali, prosekuzzjoni jew proċess, għandhom aċċess dirett għal konsulenza b’xejn skont l-Att dwar l-Avukati, fi kwalunkwe fażi tal-proċedimenti, kif ukoll għall-għajnuna legali b’xejn jekk ma jkollhomx ir-riżorsi neċessarji, irrispettivament mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali.

Meta l-vittma minorenni jkollha d-dritt għal rappreżentanza, hija tista’ tirċievi parir legali u tiġi assenjata rappreżentant legali li jaġixxi f’isimha, fi proċedimenti fejn ikun hemm, jew jista’ jkun hemm, kunflitt ta’ interess bejn il-vittma minorenni u d-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

Kwalunkwe persuna li tkun vittma ta’ xi wieħed mir-reati deskritti fl-Att dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tat-Traffikar u l-Isfruttament tal-Bnedmin u dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi, irrispettivament minn jekk tkunx lesta li tikkoopera mal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali, prosekuzzjoni jew proċess, għandha aċċess dirett għal konsulenza b’xejn skont l-Att dwar l-Avukati, kif ukoll għall-għajnuna legali b’xejn jekk ma jkollhiex ir-riżorsi neċessarji, skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali.

Sabiex tiġi pprovduta l-għajnuna legali b’xejn, jeħtieġ li tiġi ppreżentata talba bil-miktub lill-Qorti li quddiemha l-każ tiegħek ikun pendenti għall-proċess. Il-Qorti tista’ toħroġ ordni ta’ għajnuna legali b’xejn, abbażi ta’:

(a) Rapport soċjofinanzjarju tal-Uffiċċju tal-Assistenza Soċjali, li jiddeskrivi s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek u dik tal-familja tiegħek, l-introjtu regolari tiegħek u kwalunkwe introjtu ieħor li joriġina mill-impjieg tiegħek jew minn kwalunkwe sors ieħor, l-ispejjeż tal-għajxien standard tiegħek u dawk tal-familja tiegħek, u kwalunkwe obbligazzjoni jew ħtiġijiet oħra li jista’ jkollok;

(b) Il-gravità tas-sitwazzjoni jew xi ċirkustanza oħra, sabiex jiġi stabbilit jekk ikunx fl-interess tal-ġustizzja li tingħatalek għajnuna legali b’xejn fil-preparazzjoni u l-immaniġġar tal-każ tiegħek.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna legali għandhom id-dritt li jagħżlu l-avukat li joffrilhom l-għajnuna legali b’xejn, minn fost dawk li jkunu lesti joffru dawn it-tip ta’ servizzi, skont il-liġijiet applikabbli. Jekk benefiċjarju jonqos milli jaħtar avukat tal-għażla tiegħu/tagħha, il-Qorti taħtar avukat minn lista ppreparata mill-Assoċjazzjoni tal-Avukatura ta’ Ċipru, skont ir-regolamenti applikabbli.

Nista’ nitlob l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Ir-Repubblika ta’ Ċipru tirrimborżak għall-ispejjeż kollha previsti fil-Liġi. Informazzjoni dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet tista’ titlob l-ispejjeż hija disponibbli fid-Diviżjonijiet tal-Prosekuzzjoni Distrettwali tal-Forza tal-Pulizija.

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel immur il-qorti?

Tista’ titlob deċiżjoni motivata mingħand il-Pulizija, jekk l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ma tkunx imxiet ’il quddiem jew tkun ġiet itterminata.

Nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Tista’ tipparteċipa fil-proċess bħala xhud għall-prosekuzzjoni u tixhed quddiem il-Qorti li tisma’ l-materja.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien meqjus(a) jew nista’ nagħżel li nkun meqjus(a) bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali, ir-rwol tiegħek huwa dak ta’ xhud għall-prosekuzzjoni. Jekk tippreżenta talba għall-kumpens għad-danni kontra t-trasgressur, inti tieħu r-rwol ta’ rikorrent fil-proċeduri ċivili kkonċernati.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Bħala xhud għall-prosekuzzjoni, inti obbligat tixhed quddiem il-Qorti li tisma’ l-materja. Jekk ippreżentajt talba għall-kumpens għad-danni, inti tista’ tikseb informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħek mingħand l-avukat li jkun qiegħed jieħu ħsieb il-kawża tiegħek quddiem il-Qrati Ċivili.

Nista’ nagħmel stqarrija matul il-proċess jew nagħti x-xhieda tiegħi? Taħt liema kundizzjonijiet?

Matul kwalunkwe proċediment li fih inti tkun xhud għall-prosekuzzjoni, inti tista’ taqra u tadotta l-istqarrija ġuramentata li tkun għamilt lill-Pulizija jew tippreżenta l-evidenza li tkun għamilt disponibbli għall-Pulizija matul l-investigazzjoni. Jekk tkun tixtieq tagħmel dikjarazzjoni jew tixhed dwar xi ħaġa oħra minbarra l-istqarrija oriġinali tiegħek jew l-evidenza li tkun għamilt disponibbli għall-Pulizija, inti għandek tikkonsulta lid-direttur tad-Diviżjoni Legali li jkun qiegħed jieħu ħsieb il-kawża tiegħek fil-Qorti.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Matul il-proċess, il-Prosekutur jinfurmak dwar meta u kif għandhom isiru s-seduti ta’ smigħ u dwar in-natura tal-akkużi mressqa kontra t-trasgressur. Inti tista’ titlob ukoll li tiġi infurmat dwar kwalunkwe deċiżjoni finali mogħtija matul il-proċedimenti.

Se nkun nista’ nikseb aċċess għall-fajls tal-qorti?

Ma għandekx dritt ta’ aċċess għall-fajls tal-qorti.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018

3 - Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess


Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Ma għandekx id-dritt li tappella kontra d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti fl-ewwel istanza. L-Avukat Ġenerali tar-Repubblika għandu d-dritt li jappella.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tingħata s-sentenza?

Sentenza tista’ tintuża mill-avukat tiegħek inti tippreżenta talba għall-kumpens għad-danni kontra t-trasgressur.

Inkun intitolat għal appoġġ jew protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Inti intitolat għal appoġġ u / jew protezzjoni wara l-proċess għal perjodu ta’ żmien raġonevoli, skont il-ħtiġijiet tiegħek f’dak il-mument partikolari.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trasgressur jingħata s-sentenza?

Wara talba, inti tista’ tiġi infurmat mill-Pulizija dwar is-sentenza li tkun ġiet imposta fuq it-trasgressur mill-Qorti.

Se nkun infurmat jekk it-trasgressur jinħeles (inkluż jekk jinħeles qabel iż-żmien jew b’libertà kondizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

Wara talba, inti tista’ tiġi infurmat:

(a) jekk il-persuna miżmuma taħt arrest, ipproċessata jew ikkundannata għal reat li jirrigwardak, tiġi meħlusa jew tkun ħarbet mill-arrest;

(b) kwalunkwe miżura rilevanti maħruġa għall-protezzjoni tiegħek fil-każ ta’ ħelsien jew ħarba ta’ persuna arrestata, ipproċessata jew issentenzjata għal reati li jirrigwardawk.

Għandu jiġi nnotat li l-informazzjoni ta’ hawn fuq tista’ ma tingħatax jekk ikun hemm riskju potenzjali jew stabbilit ta’ dannu għat-trasgressur.

Se nkun involut f’deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole? Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew nippreżenta appell?

Ma għandek l-ebda dritt li tkun involut fid-deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole fir-rigward tat-trasgressur.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018

4 - Kumpens


X’inhu l-proċess biex titlob kumpens għad-danni mingħand it-trasgressur? (pereż. kawża fil-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)

Inti għandek id-dritt li tippreżenta kawża fil-qorti kontra t-trasgressur għar-reat li jkun twettaq kontra tiegħek. Tista’ tikkuntattja wkoll lis-Servizzi tal-Assistenza Soċjali biex tikseb informazzjoni dwar id-dritt tiegħek li titlob kumpens għad-danni.

Il-minorenni ta’ taħt it-18-il sena għandhom id-dritt li jippreżentaw talba għall-kumpens għad-danni kontra l-partijiet kollha responsabbli, għar-reati previsti fl-Att dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Abbuż Sesswali, l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal u għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. It-trasgressur jerfa’ r-responsabbiltà ċivili rispettiva biex iħallas il-kumpens għad-danni speċifiċi jew ġenerali kollha mġarrba mill-vittma/vittmi.

Kull persuna li tkun vittma skont it-tifsira tal-Att dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tat-Traffikar u l-Isfruttament tal-Bnedmin u dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi għandha d-dritt li tippreżenta talba għall-kumpens għad-danni kontra l-persuni kollha responsabbli, għal kull reat kriminali mwettaq kontra tagħhom skont l-Att hawn fuq imsemmi kif ukoll għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. It-trasgressur jerfa’ r-responsabbiltà ċivili rispettiva biex iħallas il-kumpens għad-danni speċifiċi jew ġenerali kollha mġarrba mill-vittma/vittmi, inklużi kwalunkwe arretrati dovuti lill-vittma/vittmi bħala riżultat tal-impjieg sfurzat tagħhom.

Il-qorti ordnat lit-trasgressur sabiex iħallasni danni / kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?

Jekk it-trasgressur jonqos milli jħallsek l-ammont tad-danni mogħtija mill-Qorti, inti tista’ tindirizza lill-Qorti, permezz tal-avukat tiegħek, li għandha toħroġ ordni lit-trasgressur sabiex iħallas id-danni mogħtija; jekk it-trasgressur jonqos milli jikkonforma, huwa għandu jiġi arrestat immedjatament u mibgħut il-ħabs.

Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni ammont bil-quddiem? Taħt liema kundizzjonijiet?

Il-Liġi ma tipprevedi l-ebda ħlas bil-quddiem lill-vittmi mill-Istat.

Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?

Jista’ jingħata kumpens mill-Istat fil-forma deskritta fil-Liġi tal-1997 dwar il-Kumpens għall-Vittmi ta’ Reati Vjolenti (il-Liġi 51(I)/97), għall-vittmi ta’ reati vjolenti jew għad-dipendenti tagħhom, jekk:

(a) Il-vittma jew id-dipendenti tiegħu ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens mingħand it-trasgressur għal kwalunkwe raġuni, u

(b) Ma jkun disponibbli l-ebda kumpens minn sorsi oħra jew dak il-kumpens ikun iżgħar fl-ammont minn dak previst fil-Liġi msemmija aktar ’il fuq:

Il-kumpens skont il-Liġi hawn fuq imsemmija huwa pagabbli anki f’każijiet fejn ma jitressqux akkużi kontra t-trasgressur jew ma jingħatax sentenza :

Jekk il-kumpens disponibbli minn sorsi oħra jkun anqas minn dak previstfil-Liġi msemmija, l-Istat iħallas id-differenza.

Il-Liġi tistabbilixxi wkoll iċ-ċirkustanzi li fihom jiġi miċħud il-kumpens u tistabbilixxi wkoll x’jinkludi l-ammont tal-kumpens pagabbli.

“Reat vjolenti” jfisser kwalunkwe reat imwettaq intenzjonalment fir-Repubblika ta’ Ċipru, li jinvolvi l-vjolenza u jikkawża l-mewt, offiża gravi fuq il-persuna jew kundizzjoni ħażina tas-saħħa bħala riżultat dirett, inkluż kwalunkwe wieħed mir-reati li ġejjin, bil-kundizzjoni li huma jikkawżaw ir-riżultati msemmija hawn fuq:

Omiċidju premeditat: (l-Artikoli 203 u 204), Attentat ta’ omiċidju: (l-Artikolu 214), Stupru: (l-Artikolu 144), Attentat ta’ stupru: (l-Artikolu 146), Ħtif ta’ persuna: (l-Artikolu 148), Ħtif ta’ persuna femminili ta’ taħt is-16-il sena: (l-Artikolu 149), Atti maħsuba biex jikkawżaw dannu fiżiku serju: (l-Artikolu 228), Offiża gravi fuq il-persuna: (l-Artikolu 231), Attentat ta’ offiża fuq il-persuna bl-użu ta’ splussivi: (l-Artikolu 232), Użu malizzjuż ta’ velenu: (l-Artikolu 233), Korriment: (l-Artikolu 234), Attakk li jikkawża offiża fuq il-persuna: (l-Artikolu 243), Attakki oħra: (l-Artikolu 244), Reati kontra l-libertà personali: (l-Artikoli 245-254), Ħruq doluż: (l-Artikolu 315).

Talba għall-kumpens skont il-Liġi msemmija aktar ’il fuq trid tiġi ppreżentata lid-Direttur tas-Servizzi tas-Sigurtà Soċjali fi żmien raġonevoli, fi kwalunkwe każ fi żmien sentejn wara li tkun ikkawżata l-offiża fuq il-persuna / kundizzjoni ħażina tas-saħħa / mewt, kif applikabbli.

It-talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport tal-pulizija, ċertifikat mediku u kwalunkwe dokument ieħor li jistgħu jkunu utli għall-valutazzjoni tagħha. Id-Direttur tas-Servizzi tas-Sigurtà Soċjali jista’ jitlob kwalunkwe evidenza addizzjonali li tkun meħtieġa, fid-diskrezzjoni tiegħu, inkluża evidenza li ma jkun tħallas jew ma jkun se jitħallas ebda kumpens minn sorsi oħra, inkluża dikjarazzjoni ġuramentata mill-applikant.

Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?

L-għoti tal-kumpens lill-vittmi ma jiddependix mill-kundanna tat-trasgressur. Il-Qorti tagħti deċiżjoni dwar l-għoti tal-kumpens għad-danni fil-kuntest tal-proċedimenti fir-rigward tat-talba għall-kumpens għad-danni, li hija distinta b’mod ċar mill-eżitu tal-proċedimenti kriminali.

Inkun intitolat għal pagament ta’ emerġenza waqt li nkun qiegħed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens għad-danni?

Ma tistax tirċievi pagament ta’ emerġenza billi l-liġi ma tipprevedix tali pagament.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018

5 - Id-drittijiet tiegħi f'dak li għandu x'jaqsam ma' appoġġ u assistenza


Jiena vittma ta’ reat, lil min għandi nikkuntattja għall-appoġġ u għall-assistenza?

Il-Pulizija………199/1460

Is-Servizzi tal-Ewwel Għajnuna tal-Isptar tal-Istat

Is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali Distrettwali

Is-Servizz tal-Psikoloġija Edukattiva

Is-Servizzi tas-Saħħa Mentali

Linja ta’ għajnuna għall-appoġġ lill-vittmi

Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi

Fir-Repubblika ta’ Ċipru huma disponibbli l-linji ta’ għajnuna li ġejjin:

1460 - Hotline għaċ-ċittadini

1440 - Hotline għall-Vjolenza Domestika

1498 - Linja ta’ għajnuna għal Informazzjoni u Assistenza dwar id-Droga

116111 - Linja ta’ għajnuna għall-appoġġ lit-tfal u ż-żgħażagħ

116000 - Hotline ta’ Ċipru għat-Tfal Neqsin

L-appoġġ għall-vittmi huwa mingħajr ħlas?

L-appoġġ għall-vittmi pprovdut mill-aġenziji governattivi u l-NGOs huwa mingħajr ħlas.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand awtoritajiet jew servizzi tal-Istat?

Tista’ tirċievi t-tipi ta’ appoġġ li ġejjin mis-servizzi tal-istat:

  • Servizzi ta’ kura tas-saħħa mis-Servizzi Mediċi
  • Appoġġ Psikoloġiku mis-Servizzi tas-Saħħa Mentali u s-Servizz tal-Psikoloġija Edukattiva
  • Protezzjoni mis-Servizzi tal-Assistenza Soċjali, abbażi ta’ mandati maħruġa kontra t-trasgressur u/jew mandati għall-protezzjoni tal-vittma
  • Adozzjoni ta’ miżuri speċjali tal-pulizija waqt l-investigazzjoni, sabiex tiġi evitata l-vittimizzazzjoni ripetuta
  • Protezzjoni effettiva mill-pulizija sabiex tiġi evitata l-intimidazzjoni jew ir-ritaljazzjoni mit-trasgressur u / jew kwalunkwe persuna oħra
  • Miżuri tal-qorti waqt is-seduta, sabiex jiġu protetti vittmi bi ħtiġijiet speċjali ta’ protezzjoni (pereż. tfal, vittmi b’diżabbiltajiet psikosoċjali).

Jekk inti vittma ta’ vjolenza domestika, vittma minorenni ta’ abbuż sesswali jew vittma ta’ traffikar tal-bnedmin, is-Servizzi tal-Assistenza Soċjali jinfurmawk dwar id-drittijiet tiegħek u joffrulek appoġġ. Ipoġġuk ukoll f’kuntatt mal-aġenziji tal-Istat u l-NGOs kompetenti kollha li jieħdu ħsieb il-każ tiegħek u joffrulek appoġġ. Jekk l-interessi tiegħek jiġu f’kunflitt ma’ dawk tal-ġenituri tiegħek, id-Direttur tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali jieħu l-passi neċessarji kollha sabiex tiġi protett.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand organizzazzjonijiet mhux governattivi?

Tista’ tirċievi t-tipi ta’ appoġġ li ġejjin minn organizzazzjonijiet mhux governattivi:

  • Appoġġ psikoloġiku;
  • Akkomodazzjoni f’ċentri ta' kenn u ta’ appoġġ għall-vittmi.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018