Id-drittijiet tal-vittmi fil–proċeduri kriminali - Greċja

Inti titqies bħala vittma ta’ reat jekk tkun sofrejt dannu, pereż. ġejt ferut jew il-proprjetà tiegħek saritilha l-ħsara jew insterqet, bħala riżultat ta’ inċident li jikkostitwixxi reat skont il-liġi Griega. Bħala vittma ta’ reat, il-liġi tagħtik ċerti drittijiet individwali qabel, waqt u wara l-proċess.

Il-proċedimenti kriminali fil-Greċja jibdew bl-investigazzjoni (dierévnisi) tar-reat. Xi drabi l-investigazzjoni tkun maqsuma f’investigazzjoni preliminari (prokatarktikí exétasi) u investigazzjoni ġudizzjarja (anákrisi). L-għan ta’ investigazzjoni preliminari huwa li tesplora ċ-ċirkustanzi tal-każ u tistabbilixxi jekk għandhomx jinbdew proċedimenti kriminali jew le.

L-investigazzjoni titwettaq mill-pulizija u minn uffiċjali tal-qorti — il-prosekutur pubbliku (eisangeléas), l-imħallef inkwirenti (anakritís), jew it-tnejn. Fit-tmiem tal-investigazzjoni, l-uffiċjal tal-pulizija responsabbli mill-każ jgħaddi l-evidenza kollha miġbura lill-prosekutur. Il-prosekutur imbagħad jeżamina l-ħidma li tkun saret sa dak il-ħin u jgħaddi l-każ lill-qorti flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar kif il-każ għandu jkompli jipproċedi .

Wara li tirrieżamina l-fajl tal-każ u r-rakkomandazzjonijiet tal-prosekutur, il-qorti tordna li jsir proċess jew tagħlaq il-każ.

Fil-proċess, il-qorti tikkunsidra l-evidenza kollha miġbura u tiddeċiedi jekk l-akkużat huwiex ħati jew le. Jekk il-konvenut jinstab ħati, huwa jiġi kkundannat u mogħti s-sentenza. Jekk il-konvenut jinstab mhux ħati, huwa jiġi liberat.

Għal aktar informazzjoni, irreferi għal-links li ġejjin:

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida1 - Drittijieti bħala vittma ta' reat

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida2 - Ir-rappurtar ta’ reat u d-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni jew il-proċess

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida3 - Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida4 - Kumpens

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida5 - Id-drittijiet tiegħi f'dak li għandu x'jaqsam ma' appoġġ u assistenza


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/06/2019

1 - Drittijieti bħala vittma ta' reat


X’informazzjoni se ningħata mill-awtorità (eż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) wara li jkun seħħ ir-reat kriminali iżda saħansitra qabel ma nirrapporta r-reat?

Mill-ewwel kuntatt tiegħek mal-pulizija, jew awtorità kompetenti oħra, inti tingħata informazzjoni, mingħajr dewmien eċċessiv u bi kwalunkwe mezz disponibbli, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà ta’ kwerela kriminali, u dwar id-dritt li tissieħeb fil-proċedimenti ċivili bħala parti ċivili tfittex kumpens għad-danni (politikós enágon); dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tikseb assistenza legali, tippreżenta talba għad-danni, jew tikseb servizzi ta’ traduzzjoni u ta’ interpretazzjoni; dwar il-ġustizzja riparatriċi disponibbli, u l-awtoritajiet li jistgħu jaħdmu sabiex tissewwa l-ħsara billi jwettqu medjazzjoni bejnek u t-trasgressur; dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet l-ispejjeż imġarrba bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tiegħek fil-proċedimenti kriminali jistgħu jiġu rimborżati; u kif tista’ tagħmel ilment kontra awtorità jekk tħoss li d-drittijiet tiegħek ma ġewx irrispettati.

Minbarra d-drittijiet tiegħek fil-proċedimenti kriminali, inti tiġi infurmat ukoll

dwar l-aċċess għall-kura medika, u kwalunkwe appoġġ speċjalizzat, inklużi l-assistenza psikoloġika u l-akkomodazzjoni alternattiva, u dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu applikati miżuri protettivi.

Jekk tgħix fi Stat Membru ieħor tal-UE, inti tingħata informazzjoni speċifika dwar kif u taħt liema kundizzjonijiet tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek.

Il-firxa u l-kontenut tal-informazzjoni li tingħata jvarjaw skont il-ħtiġijiet u s-sitwazzjoni personali partikolari tiegħek u t-tip u n-natura tar-reat. Matul il-proċedimenti tingħata informazzjoni addizzjonali u aktar komprensiva, fid-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti, skont il-ħtiġijiet tiegħek (l-Artikolu 57 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt li tirċievi informazzjoni mill-ewwel kuntatt ma’ awtorità kompetenti (l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/29/UE).

Jien ma ngħixx fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti d-drittijiet tiegħi?

Jekk tgħix fi Stat Membru tal-UE li ma jkunx l-istat fejn twettaq ir-reat, inti tissejjaħ sabiex tagħmel dikjarazzjoni immedjatament wara li tirrapporta r-reat. Dan jista’ jsir skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Kódikas Poinikís Dikonomías — ‘KPD’) li jippermettu l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni, eż. vidjokonferenzi, bit-telefown jew bl-Internet (l-Artikolu 233(1) KPD).

Jekk tgħix il-Greċja u r-reat ikun twettaq fi Stat Membru ieħor tal-UE, inti tista’ tippreżenta kwerela kriminali għand il-prosekutur pubbliku fil-qorti tal-maġistrati (eisangeléas plimmeleiodikón) tal-post tar-residenza tiegħek, li jibgħat mingħajr dewmien eċċessiv il-kwerela tiegħek lill-awtorità tal-infurzar tal-liġi kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, permezz tal-prosekutur pubbliku fil-qorti tal-appell (eisangeléas efetón), sakemm il-qrati Griegi ma jkollhomx il-ġurisdizzjoni fil-materja. Il-prosekutur mhuwiex obbligat jibgħat il-kwerela tiegħek lill-Istat Membru fejn ikun twettaq ir-reat kriminali jekk tkun tapplika l-liġi Griega u l-proċedimenti kriminali jitressqu fil-Greċja. F’dak il-każ, sabiex ikun assigurat li inti tirċievi informazzjoni adegwata u sabiex tiġi promossa l-assistenza legali reċiproka, il-prosekutur fil-qorti tal-maġistrati li tittratta l-kawża jinnotifika b’dan lill-awtorità tal-infurzar tal-liġi kompetenti fl-Istat Membru fejn ikun twettaq ir-reat kriminali, mingħajr dewmien eċċessiv, permezz tal-prosekutur fil-qorti tal-appell.

(L-Artikolu 64 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-drittijiet ta’ vittmi residenti fi Stat Membru ieħor (l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2012/29/UE))

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Meta tippreżenta kwerela kriminali, l-uffiċjal responsabbli jrid jinfurmak li tista’ tikseb kopja tal-kwerela tiegħek.

(L-Artikolu 58 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt tal-vittmi meta jagħmlu kwerela (l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/29/UE))

Meta jiġi ppreżentat kwerela kriminali, din tingħata numru tar-reġistrazzjoni uniku tal-kwerela (arithmós vivlíou mínysis). Dak in-numru jippermettilek li timmonitorja l-kors tal-kawża tiegħek billi tuża r-reġistru miżmum fl-uffiċċju tal-prosekutur jew billi tikkuntattja lill-uffiċċju tal-kwereli responsabbli. Inti tista’ titlob u tikseb ukoll ċertifikat dwar il-progress tal-kawża (pistopoiitikó poreías) li jindika l-istadju attwali tal-proċedimenti (pereż. qiegħda titwettaq investigazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-validità tal-kwerela, jew qiegħda titwettaq investigazzjoni preliminari) u jiddeskrivi l-eżitu f’kull stadju (pereż. il-prosekutur waqqaf il-proċedimenti; tressqu akkużi kriminali u t-trasgressur ġie kommess għall-proċess, f’liema każ inti tiġi infurmat bil-ħin u l-post tal-proċess u n-natura tal-akkużi ppreżentati; għaddejja inkjesta ġudizzjarja qabel il-proċess (kyría anákrisi), jew saret ordni li twarrab l-akkużi jew ittemm il-prosekuzzjoni; ingħatat sentenza tal-qorti, jekk inti sseħibt fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili biex tfittex kumpens għad-danni).

(L-Artikolu 59 tal-Liġi 4478, dwar id-dritt tal-vittmi li jingħataw informazzjoni dwar il-każ tagħhom (l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/29/UE))

Jekk il-kawża tiegħek taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Ateni (Protodikeío Athinón), meta tasal il-qorti, l-avukat tiegħek jista’ jimmonitorja l-progress tagħha fuq is-sit web tal-Kamra tal-Avukati ta’ Ateni (Dikigorikós Sýllogos AthinónIl-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.dsa.gr/). Din l-opzjoni mhijiex disponibbli għall-vittmi nfushom, billi huwa meħtieġ l-użu tal-kredenzjali.

Għandi dritt għal servizzi ta’ interpretazzjoni jew ta’ traduzzjoni bla ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħra, jew matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Jekk ma tifhimx jew ma titkellimx bil-Grieg, inti tista’ tippreżenta kwerela kriminali b’lingwa li tifhem, jew tingħata l-assistenza lingwistika neċessarja, soġġett dejjem għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jew kwalunkwe liġi kriminali speċifika — inti tiġi infurmat dwar dan mill-uffiċjali responsabbli. Tista’ titlob traduzzjoni tal-kwerela tiegħek mingħajr ħlas.

(L-Artikolu 58 tal-Liġi 4478, dwar id-dritt tal-vittmi meta jagħmlu kwerela (l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/29/UE))

Jekk tkun se tiġi eżaminat bħala xhud fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti u ma tkunx titkellem jew tifhem il-Grieg tajjeb biżżejjed, inti tingħata s-servizzi ta’ interpretu mingħajr dewmien. Id-dritt għas-servizzi ta’ interpretazzjoni jinkludi l-forniment ta’ assistenza xierqa lill-persuni b’diffikultajiet fis-smigħ jew biex jitkellmu. Fejn ikun xieraq, tista’ tintuża teknoloġija tal-komunikazzjoni bħal vidjokonferenzi, it-telefown jew l-Internet, sakemm il-preżenza fiżika tal-interpretu ma tkunx meqjusa bħala assolutament essenzjali mill-persuna li tkun qiegħda teżaminak (l-Artikolu 233(1) KPD).

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li qed ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabilità)?

Fl-ewwel kuntatt tagħhom miegħek, il-pulizija jew awtoritajiet oħra se jikkomunikaw miegħek b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, oralment jew bil-miktub, billi jqisu l-karatteristiċi personali tiegħek, fosthom, prinċipalment, l-età, il-livell ta’ maturità, l-abbiltajiet intellettwali u mentali, l-edukazzjoni, il-ħiliet lingwistiċi, kwalunkwe diffikultà fis-smigħ jew biex titkellem, jew jekk tkunx f’diffikultà emozzjonali severa li taffettwa l-ħila tiegħek li tifhem jew li tinftiehem. Gwida għad-drittijiet tiegħek hija disponibbli bil-miktub fil-biċċa l-kbira tal-lingwi mitkellma b’mod komuni u bil-Braille (l-Artikolu 56(2) tal-Liġi 4478/2017 (l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/29/UE)). Barra minn hekk, jekk għandek diffikultà fis-smigħ jew biex titkellem, inti tiġi pprovdut b’assistenza xierqa minn interpretu (l-Artikolu 233(1) KPD).

Jien minorenni – għandi xi drittijiet speċjali?

Jekk inti minorenni (taħt l-età ta’ 18-il sena), ir-rappreżentant legali tiegħek (ġenitur jew kustodju) jista’ jirrapporta r-reat f’ismek. Jekk għandek aktar minn 12-il sena, tista’ tirrapporta r-reat flimkien mar-rappreżentant legali tiegħek (l-Artikolu 118(2) tal-Kodiċi Kriminali (Poinikós Kódikas — ‘PK’)).

Jekk ikollokx drittijiet speċjali matul il-proċedimenti kriminali jiddependi min-natura tar-reat. Pereżempju, jekk inti vittma ta’ ksur tal-libertà personali jew sesswali tiegħek, traffikar tal-bnedmin, turiżmu sesswali, serq ta’ persuna, ħtif ta’ persuna jew reat sesswali, inti għandek id-dritt li:

  • tikkonsulta l-fajl tal-kawża tiegħek, anki jekk ma tkunx isseħibt fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili (l-Artikolu 108A KPD);
  • l-interrogazzjoni tiegħek tiġi rreġistrata sabiex tkun tista’ tintuża matul il-proċedimenti kriminali ulterjuri u ma jkollokx għalfejn terġa’ tidher quddiem il-prosekutur jew il-qorti (l-Artikolu 226A KPD);
  • tikseb l-assistenza ta’ psikologu jew ta’ psikjatra tat-tfal meta tkun qiegħed tiġi eżaminat bħala xhud;
  • tikseb informazzjoni dwar jekk it-trasgressur ikunx inħeles (l-Artikolu 108A KPD);
  • titlob ordni ta’ restrizzjoni kontra t-trasgressur li tipprojbih milli jikkuntattjak jew jersaq qrib id-dar tiegħek.
  • Barra minn hekk, inti dejjem intitolat:
  • għal valutazzjoni individwali, sabiex jiġi stabbilit jekk għandhomx jiġu applikati miżuri speċjali ta’ protezzjoni fejn ikun hemm ir-riskju ta’ vittimizzazzjoni ripetuta (l-Artikolu 68 tal-Liġi 4478/2017, dwar il-valutazzjoni individwali tal-vittmi biex jiġu identifikati ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni (l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2012/29/UE));
  • li titlob lill-prosekuzzjoni jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji jaħtru tutur għall-minorenni (epimelitís anilikón) sabiex jirrappreżentak fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti kriminali, jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jirrappreżentawk jew jekk ma tkunx akkumpanjat jew tkun separat mill-familja tiegħek (l-Artikolu 69(7) tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt għall-protezzjoni ta’ vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi ta’ protezzjoni waqt il-proċedimenti kriminali (l-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva 2012/29/UE);
  • li titlob sabiex tissieħeb fil-proċedimenti bħala parti ċivili tfittex kumpens għad-danni, assistit mir-rappreżentant legali tiegħek (l-Artikolu 82(2) KPD).

X’informazzjoni nista’ nikseb mingħand il-pulizija jew mill-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi waqt l-investigazzjoni tar-reat?

Tista’ tikseb informazzjoni dwar l-istadju attwali tal-proċedimenti mingħand il-prosekutur pubbliku, jekk il-fajl tal-kawża (dikografía) jkun intbagħat lill-prosekutur.

Jekk tkun isseħibt fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili, inti tista’ tikkonsulta l-kontenut tal-fajl tal-kawża u tingħata kopji tad-dokumenti ta’ ġo fih ladarba l-akkużat ikun issejjaħ sabiex jipprovdi stqarrija ta’ difiża (apología), jew ikun inħareġ mandat ta’ arrest (éntalma sýllipsis) jew mandat għal dehra obbligatorja (éntalma viaías prosagogís) (l-Artikolu 108 KPD), jew persuna suspettata tkun ġiet imsejħa mill-awtoritajiet sabiex tipprovdi spjegazzjonijiet. Sa dak il-ħin, il-proċedimenti huma kunfidenzjali.

Is-servizzi ta’ appoġġ u protezzjoni għall-vittmi jistgħu jipprovdu informazzjoni, pariri u appoġġ dwar kif tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek, inkluż id-dritt li titlob kumpens għad-danni li tkun sofrejt bħala riżultat tar-reat, u r-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili jew bħala xhud (l-Artikolu 62 tal-Liġi 4478/2017, dwar l-appoġġ mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi (l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2012/29/UE)).

X’inhuma d-drittijiet tiegħi bħala xhud?

Jekk tkun se tiġi eżaminat bħala xhud, inti tiġi ppreżentat taħrika mill-prosekutur jew mill-uffiċjal tal-pulizija li jkun qiegħed imexxi l-inkjesti preliminari, jew minn imħallef tal-qorti kriminali distrettwali (ptaismatodíkis) jew mill-imħallef inkwirenti (anakritís). Inti trid tidher u tixhed quddiemhom malli tirċievi t-taħrika. Inti tiġi mitlub tiddeskrivi x’ġara u, possibbilment, twieġeb xi mistoqsijiet addizzjonali. Jekk tiġi mill-persuna suspettata, inti tista’ tirrifjuta li tixhed (l-Artikolu 222 KPD).

Jekk għandek diffikultà fis-smigħ jew biex titkellem, l-eżami jista’ jitwettaq bil-miktub. Jekk ma titkellimx bil-Grieg, inti għandek id-dritt għas-servizzi ta’ interpretu mingħajr ħlas.

Jekk inti vittma ta’ traffikar tal-bnedmin, inti tappartjeni għal grupp speċjali ta’ xhieda: inti se tirċievi assistenza minn qabel minn psikologu jew psikjatra, li jaħdmu f’kooperazzjoni mal-pulizija investigattiva jew mal-uffiċjali ġudizzjarji, li jużaw metodoloġiji dijanjostiċi xierqa sabiex jistabbilixxu l-kapaċità intellettwali u l-istat psikoloġiku tiegħek. Il-psikologu jew il-psikjatra jkun preżenti waqt l-eżami tiegħek. Inti tista’ tiġi akkumpanjat ukoll mir-rappreżentant legali tiegħek, sakemm l-imħallef inkwirenti ma joħroġx ordni li timpedih milli jattendi, waqt li jagħti r-raġunijiet għal dan.

Fejn ikun possibbli, ix-xhieda tiegħek se titniżżel u tiġi rreġistrata b’mod awdjoviżiv, sabiex tiġi sottomessa lill-qorti b’mod elettroniku, f’liema każ ma jkollokx għalfejn tkun fiżikament preżenti fi kwalunkwe stadju sussegwenti tal-proċedimenti.

Jekk il-każ ikun wieħed ta’ vjolenza domestika, u inti tkun membru tal-familja, ix-xhieda tiegħek ma titteħidx b’ġurament. Jekk inti minorenni, ma tiġix imsejjaħ biex tixhed fil-qorti. Minflok, inti tista’ tipprovdi stqarrija bil-miktub li tinqara fl-awla, sakemm il-preżenza fiżika tiegħek ma tkunx meqjusa bħala fundamentali.

Wara l-eżami tiegħek, inti tista’ tfittex ir-rimborż ta’ kwalunkwe spiża li jista’ jkun li tkun għamilt (spejjeż tat-trasport jew tal-akkomodazzjoni) mingħand l-awtorità li tkun sejħitlek biex tixhed (l-Artikolu 288 KPD).

Kif nista’ nikseb protezzjoni, jekk inkun fil-periklu?

Huma disponibbli tipi differenti ta’ protezzjoni, skont in-natura tar-reat u r-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali.

Jekk inti vittma ta’ kriminalità organizzata jew terroriżmu u ġejt imsejjaħ biex tixhed bħala xhud ewlieni bħala parti minn investigazzjoni ġudizzjarja ta’ qabel il-proċess dwar attivitajiet kriminali, inti tista’ tfittex protezzjoni speċjali kontra r-ritaljazzjoni jew l-intimidazzjoni potenzjali. Jiddependi mill-każ, it-tip ta’ protezzjoni disponibbli tista’ tinkludi protezzjoni mill-pulizija, protezzjoni tal-anonimità tiegħek (ismek, il-post tat-twelid, l-indirizz tad-dar u tax-xogħol, l-impjieg, l-età, eċċ. jitħassru mir-rekords miktubin kollha), jew saħansitra bdil tal-identità u rilokazzjoni f’pajjiż ieħor. Tista’ titlob li tixhed permezz tat-teknoloġija awdjoviżiva. Jekk taħdem ma’ aġenzija pubblika, tista’ titlob ukoll trasferiment proviżorju jew permanenti għal pożizzjoni oħra. Il-miżuri ta’ protezzjoni se jkunu suġġetti għall-kunsens tiegħek, u se jillimitaw il-libertà tiegħek biss safejn ikun meħtieġ għas-sigurtà tiegħek innifsek; huma jistgħu jiġu sospiżi jekk inti titlob dan bil-miktub jew jekk tonqos milli tikkoopera sabiex tassigura s-suċċess tagħhom (l-Artikolu 9 tal-Liġi 2928/2001, dwar il-protezzjoni tax-xhieda).

Jekk inti vittma ta’ vjolenza domestika, l-uffiċjali tal-pulizija li jkunu qed jittrattaw il-każ tiegħek ma jistgħu taħt l-ebda ċirkustanza jiżvelaw l-identità tiegħek, l-identità tat-trasgressur, l-indirizz tad-dar tiegħek jew kwalunkwe informazzjoni li tista’ tikxef l-identità tiegħek (l-Artikolu 20 tal-Liġi 3500/2006).

Bħala vittma, inti tista’ tapplika bil-miktub għal miżuri sabiex jiġi evitat kwalunkwe kuntatt bejnek jew il-membri tal-familja tiegħek u t-trasgressur fil-postijiet fejn ikunu qegħdin jitwettqu l-proċedimenti kriminali. L-applikazzjoni tiegħek tinstema’ mill-qorti tal-maġistrati bi tliet membri (trimelés plimmeleiodikeío) tal-post fejn ikunu qegħdin jitwettqu l-proċedimenti kriminali, fi kwalunkwe stadju fil-proċedimenti, skont il-proċedura mħaffa għar-reati in flagrante delicto

(L-Artikolu 65 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt li jiġi evitat il-kuntatt bejn il-vittma u t-trasgressur (l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2012/29/UE)).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/06/2019

2 - Ir-rappurtar ta’ reat u d-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni jew il-proċess


Kif nirrapporta reat?

Jekk inti vittma ta’ reat, inti tista’ tirrapporta r-reat lill-prosekutur pubbliku jew lill-pulizija, billi tippreżenta kwerela kriminali (énklisi or mínysi). (Strettament, énklisi huwa kwerela kriminali magħmul mill-vittma nnifsu jew innifisha. F’ċerti sitwazzjonijiet, il-proċedimenti kriminali jinbdew biss jekk ikun hemm tali kwerela (eż. fil-każ ta’ reati kontra l-unur jew ir-reputazzjoni ta’ persuna). Mínysi huwa kwerela jew rapport kriminali magħmul minn parti li ma tkunx il-vittma, fil-każ ta’ reat li l-awtoritajiet jistgħu jipproċedu kontrih fuq inizjattiva proprja, irrispettivament minn jekk il-vittma tressaqx kwerela. Fil-prattika, madankollu, it-terminu mínysi jintuża biex jirreferi għaż-żewġ tipi ta’ kwerela. Għalhekk, meta tiġi ppreżentata kwalunkwe tip ta’ kwerela kriminali lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, din tingħata numru uniku tar-reġistru tal-kwereli magħruf bħala arithmós vivlíou minýseon — billi tintuża l-kelma minýsi).

Inti tista’ titlob ukoll persuna oħra tirrapporta r-reat f’ismek. F’dan il-każ, inti trid tiffirma dikjarazzjoni bil-miktub (dílosi jew exousiodótisi), fejn tindika l-persuna li għandha tippreżenta l-kwerela f’ismek. Din id-dikjarazzjoni ma tiġix f’forma standardizzata, iżda trid tiġi ffirmata quddiem uffiċjal ta’ awtorità tal-gvern ċentrali jew lokali jew quddiem avukat (inkluż l-avukat tiegħek stess, jekk diġà jkollok wieħed), li jawtentika l-firma tiegħek. Il-persuna li tirrapporta r-reat f’ismek tista’ tkun avukat jew xi persuna oħra tal-fiduċja tiegħek. Jekk il-każ ikun wieħed fejn il-proċedimenti kriminali jkunu jirrikjedu kwerela kriminali mill-vittma, u l-vittma tkun mejta, id-dritt li tiġi ppreżentata kwerela jgħaddi għand il-konjuġi u t-tfal superstiti tiegħu jew tagħha jew għand il-ġenituri tiegħu jew tagħha (l-Artikolu 118(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Kódikas Poinikís Dikonomías — ‘KPD’). Jekk il-vittma tkun mietet b’riżultat tar-reat, dawn il-persuni jistgħu jissieħbu wkoll fil-proċedimenti kriminali għalihom infushom bħala partijiet ċivili sabiex ifittxu kumpens għad-danni għall-uġigħ u t-tbatija kkawżati lilhom.

Tista’ tirrapporta reat kemm oralment kif ukoll bil-miktub. Jekk tagħżel li tirrapporta reat oralment, l-uffiċjal li jirċievi l-ilment tiegħek ifassal rapport li jirreġistrah.

Trid tħallas tariffa biex tippreżenta l-ilment tiegħek; l-ammont tat-tariffa jiġi aġġustat b’mod perjodiku b’deċiżjoni konġunta tal-Ministru tal-Finanzi u l-Ministru għall-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem. F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, inti titħalla tħallas it-tariffa wara li tippreżenta l-kwerela, iżda fi kwalunkwe każ inti trid tagħmel dan fi żmien tlett ijiem. Jekk ma tħallasx it-tariffa, il-kwerela tiegħek jiġi rifjutat bħala inammissibbli. M’intix meħtieġ li tħallas it-tariffa jekk tkun intitolat(a) għall-għajnuna legali. M’intix meħtieġ li tħallas it-tariffa lanqas jekk tkun vittma ta’ reat kontra l-libertà sesswali jew ta’ sfruttament finanzjarju tal-ħajja sesswali, vjolenza domestika jew diskriminazzjoni razzista (l-Artikoli 81A u 361B tal-Kodiċi Kriminali (Poinikós Kódikas — ‘PK’) jew jekk ikun hemm ksur tat-trattament ugwali (l-Artikolu 46(2) KPD).

Fil-każ ta’ reati li jistgħu jitmexxew fuq inizjattiva tal-awtoritajiet, irrispettivament minn jekk il-vittma jkunx talab dan, ma hemmx limiti ta’ żmien fuq ir-rapportar ta’ reat, ħlief li r-reati ta’ gravità intermedja (plimmelímata) jiġu preskritti wara ħames snin. F’ċerti każijiet, madankollu, ir-reat jista’ jiġi pproċessat biss jekk inti l-vittma, li tkun sofrejt id-dannu minnu, titlob li jitressqu proċedimenti kriminali. F’dawn is-sitwazzjonijiet, inti trid tippreżenta kwerela kriminali (énklisi) fi żmien tliet xhur mid-data li fiha ssir taf bir-reat u l-identità tat-trasgressur (jekk tkun taf min hu t-trasgressur).

Ma hemmx formola standard li tista’ tuża biex tippreżenta kwerela.

L-ilment tiegħek għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

  • id-dettalji ta’ identifikazzjoni sħaħ tiegħek;
  • it-trasgressur u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu jew tagħha, jekk tafhom;
  • deskrizzjoni komprensiva tal-fatti;
  • kwalunkwe evidenza dokumentarja disponibbli li tissostanzja l-kwerela tiegħek;
  • kwalunkwe xhud li inti tissuġġerixxi jista’ jiġi eżaminat;
  • id-dettalji tal-avukat tiegħek, jekk qabbadt wieħed.

Jekk ma tifhimx jew ma titkellimx bil-Grieg, inti tista’ tippreżenta kwerela kriminali b’lingwa li tifhem, jew tingħata l-assistenza lingwistika neċessarja, soġġett dejjem għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jew kwalunkwe liġi kriminali speċifika oħra. Inti tista’ titlob traduzzjoni tad-dokument mingħajr ħlas (l-Artikolu 58 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-drittijiet tal-vittmi meta jagħmlu kwerela (l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/29/UE)).

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri bil-kawża?

Meta tiġi ppreżentata kwerela kriminali, din tingħata numru tar-reġistrazzjoni uniku tal-kwerela. Dak in-numru jippermettilek li timmonitorja l-progress tal-kawża billi tuża r-reġistru miżmum fl-uffiċċju tal-prosekutur jew fl-uffiċċju tal-ilmenti responsabbli. Inti tista’ titlob u tikseb ukoll ċertifikat dwar il-progress tal-kawża (pistopoiitikó poreías) li jindika l-istadju attwali tal-proċedimenti.

Jekk il-kawża tiegħek taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Ateni (Protodikeío Athinón), meta tasal il-qorti, l-avukat tiegħek jista’ jimmonitorja l-progress tagħha fuq is-sit web tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura ta’ Ateni (Dikigorikós Sýllogos AthinónIl-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.dsa.gr/). Din l-opzjoni mhijiex disponibbli għall-vittmi nfushom, billi huwa meħtieġ l-użu tal-kredenzjali.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Matul il-proċess inti jista’ jkollok avukat, iżda trid tħallas għas-servizzi tiegħu jew tagħha.

Jekk l-introjtu annwali tal-familja tiegħek huwa anqas minn żewġ terzi tal-introjtu personali minimu annwali definit fil-Ftehim Kollettiv Nazzjonali Ġenerali tax-Xogħol, inti tiġi pprovdut avukat bla ħlas, li jħejji u jippreżenta kwerela kriminali u jirrappreżentak bħala parti ċivili fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti, bil-kundizzjoni li inti tkun vittma ta’ xi waħda minn dawn li ġejjin: tortura jew reat ieħor kontra d-dinjità tal-bniedem (l-Artikolu 137(A) u (B) tal-Kodiċi Kriminali); diskriminazzjoni jew trattament mhux ugwali, reat kontra l-ħajja, il-libertà personali jew il-libertà sesswali; sfruttament finanzjarju tal-ħajja sesswali; reat kontra l-proprjetà jew id-drittijiet ta’ proprjetà; korriment personali; jew reat relatat maż-żwieġ jew il-familja. Ir-reat irid ikun reat serju (kakoúrgima) jew reat intermedju (plimmélima) fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-qorti komposta minn tliet maġistrati (trimeloús plimmeleiodikeío) li jġorr sentenza minima ta’ sitt xhur priġunerija (il-Liġi 3226/2004 (Il-Gazzetta tal-Gvern 24/Α/ 4/4.2.2004), kif emendata u supplimentata bil-Liġi 4274/2014.) Il-persuna li tivvaluta t-talba tiegħek għall-għajnuna legali f’kawża kriminali hija l-imħallef li jkun qiegħed jippresjedi fil-qorti fejn tkun pendenti l-kawża jew li quddiemha jkun se jitressaq appell.

L-avukat li jidher għalik jgħinek tipprepara u tippreżenta d-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex inti tkun tista’ tissieħeb fil-proċedimenti bħala parti ċivili u jassistik matul il-kors sħiħ tal-proċedimenti.

Nista’ nappella jekk il-każ tiegħi jingħalaq qabel immur il-qorti?

Jekk il-prosekutur fil-qorti tal-maġistrati (eisangeléas plimmeleiodikón) jagħmel ordni li tiċħad il-kwerela tiegħek bħala mingħajr bażi fil-liġi, jew infondat b’mod ovvju fuq il-merti tiegħu, jew li ma jistax jiġi valutat minn qorti, inti tista’ tikkontesta l-ordni quddiem il-prosekutur responsabbli fil-qorti tal-appell (eisangeléas efetón) (l-Artikoli 47 u 48 KPD) fi żmien tliet xhur mid-data tal-ordni — dan il-limitu taż-żmien ma jista’ jiġi estiż għall-ebda raġuni. Sabiex tikkontesta l-ordni, inti trid tħallas tariffa, li tiġi rimborżata jekk il-prosekutur isostniha.

Nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Inti tista’ tipparteċipa fil-proċess biss jekk tkun parti ċivili (politikó enágon) titlob lill-qorti sabiex tagħtik kumpens għad-danni għat-telf jew għad-dannu morali jew għall-uġigħ u t-tbatija. Inti tista’ titlob sabiex tissieħeb fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili billi tapplika għand il-prosekutur pubbliku responsabbli, fil-kwerela kriminali tiegħek jew f’dokument separat, sat-tmiem tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess (l-Artikolu 308 KPD), personalment jew permezz ta’ avukat li jkollu awtorizzazzjoni ġenerali jew speċifika f’dak ir-rigward. It-talba ċivili tiegħek tiġi rreġistrata f’rapport mal-awtorizzazzjoni mehmuża tal-avukat (l-Artikolu 83 KPD). Jekk ma tkunx tlabt biex tiġi ttrattat bħala parti ċivili fil-kwerela kriminali tiegħek, xorta tista’ tagħmel dan fil-qorti kriminali (l-Artikolu 82 KPD) qabel ma l-qorti tibda tevalwa l-evidenza.

L-applikazzjoni tiegħek sabiex tissieħeb fil-proċedimenti bħala parti ċivili tiġi rifjutata bħala inammissibbli jekk ma tinkludix deskrizzjoni fil-qosor tal-każ, ir-raġunijiet għat-talba tiegħek u, jekk ma tkunx residenti permanenti fi ħdan il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti, il-ħatra ta’ aġent fi ħdan dik il-ġurisdizzjoni. L-aġent ikun intitolat li jaċċetta s-servizz tad-dokumenti jew l-avviżi kollha indirizzati lilek bħala parti ċivili (l-Artikolu 84 KPD). Sabiex tinstema’ bħala parti ċivili fil-qorti kriminali, inti trid taħtar avukat awtorizzat u tħallas tariffa b’rata fissa favur l-Istat, li tkopri l-proċedimenti kollha sakemm tingħata sentenza li ma tkunx aktar miftuħa għall-appell. L-ammont tat-tariffa jiġi aġġustat b’mod perjodiku b’deċiżjoni konġunta tal-Ministru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi u tal-Ministru tal-Ġustizzja.

Bħala parti ċivili, inti tkun parti fil-proċedimenti, b’għadd ta’ drittijiet. Tista’ tattendi s-seduti kollha tal-qorti, inklużi s-seduti bil-magħluq, u għandek aċċess għad-dokumenti kollha fil-kawża. Inti tista’ titkellem quddiem il-qorti biex tippreżenta t-talbiet tiegħek u tista’ tikkummenta wkoll wara li xhud ikun ġie eżaminat jew tagħmel sottomissjonijiet jew tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kwalunkwe xhieda mogħtija jew evidenza ppreżentata (l-Artikolu 358 KPD). Tista’ tagħmel mistoqsijiet, permezz tal-avukat tiegħek, lit-trasgressur, lix-xhieda u lill-parteċipanti l-oħra (pereż. kwalunkwe espert tekniku maħtur fil-kawża). Inti tintalab tixhed bħala xhud (għalkemm mhux b’ġurament), u tista’ tipproponi wkoll xhieda, bil-kundizzjoni li l-qorti tiġi infurmata fi żmien xieraq. Għandek id-dritt li titlob aġġornament tas-seduta jew is-sostituzzjoni ta’ mħallef.

Fi kwalunkwe każ, bħala vittma, inti tista’ tissejjaħ mill-qorti bħala xhud. F’dak il-każ inti obbligat tidher quddiem il-qorti. Meta tiġi eżaminat bħala xhud, inti se jkollok l-opportunità li tispjega lill-qorti l-fatti fir-rigward tar-reat. L-imħallef jista’ jistaqsik ukoll xi mistoqsijiet addizzjonali.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, inkun jew nista’ nagħżel li nkun: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?
X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

Tista’ tagħżel jekk tisseħibx fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili, u hekk tkun parti fil-proċedimenti sħaħ, bi drittijiet proċedurali sostanzjali, jew sempliċement tixhed bħala xhud materjali, billi l-proċedimenti kriminali qegħdin iseħħu b’mod partikolari bħala riżultat tar-reat imwettaq kontra tiegħek. Il-kunċett ta’ prosekuzzjoni privata ma jeżistix fis-sistema ġudizzjarja Griega.

Nista’ nagħmel stqarrija matul il-proċess jew nagħti x-xhieda tiegħi? Taħt liema kundizzjonijiet?

Tista’ tissottometti dokumenti, li jinqraw fil-qorti (l-Artikolu 364 KPD) u jkunu inklużi fil-fajl tal-kawża, u tista’ ssejjaħ ukoll xhieda u tinforma b’dan lill-qorti (l-Artikolu 326(2-1) KPD).

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Tista’ tattendi s-seduti pubbliċi matul il-proċedimenti, it-teħid tal-evidenza, l-istqarrija ta’ difiża tal-konvenut, it-trattazzjonijiet tal-avukati u s-sentenza tal-qorti.

Ser inkun nista’ nikseb aċċess għall-fajls tal-qorti?

Bħala parti ċivili inti għandek aċċess għall-kontenut tal-fajl tal-kawża u tista’ tikseb kopji tas-sentenza tal-qorti.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/06/2019

3 - Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess


Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Fi tmiem il-proċess, il-qorti tikkundanna jew tillibera lill-akkużat skont l-evidenza ppreżentata. Jekk il-qorti ssib lill-akkużat mhux ħati, hija teħilsu mill-akkuża, u jekk inti tkun isseħibt fil-proċedimenti bħala parti ċivili (politikós enágon), hija ma tiddeċidix dwar it-talba tiegħek għal riparazzjoni jew kumpens finanzjarju għad-dannu morali jew l-uġigħ u t-tbatija. F’każ bħal dan, l-akkużat huwa intitolat għal kontrotalba kontra tiegħek biex ifittex kumpens u kwalunkwe spiża li jkun ġarrab b’rabta mal-kawża (l-Artikolu 71 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Kódikas Poinikís Dikonomías — ‘KPD’). Jekk il-qorti ssib lill-akkużat ħati, hija tikkundannah, u tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ kumpens li għandek tirċievi mingħand l-akkużat abbażi tat-talba ċivili tiegħek.

Jekk il-qorti tillibera lill-akkużat, inti tista’ tappella kontra s-sentenza biss jekk tkun ġejt ordnat tħallas lill-akkużat il-kumpens u l-ispejjeż, u f’dak ir-rigward biss, skont l-Artikolu 486(1)(b) KPD. Barra minn hekk, jekk inti tkun parti ċivili, inti tista’ tappella kontra parti mis-sentenza li tkun ċaħdet it-talba tiegħek bħala infondata fil-liġi jew parti li tkun tatek sodisfazzjon jew kumpens finanzjarju (l-Artikolu 488 KPD).

Inkella, inti tista’ titlob lill-prosekutur pubbliku sabiex jappella kontra s-sentenza.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tingħata s-sentenza?

Ladarba tidħol fis-seħħ is-sentenza tal-qorti, ir-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali ġeneralment jispiċċa. Il-leġislazzjoni Griega ma tagħti lill-vittmi ta’ reat l-ebda dritt ulterjuri fl-istadju meta tiġi eżegwita s-sentenza. Hemm eċċezzjoni waħda biss: jekk inti minorenni vittma ta’ reat kontra l-libertà personali u sesswali, inti għandek id-drittijiet assoċjati kollha, anki jekk ma tkunx isseħibt fil-proċedimenti bħala parti ċivili, inkluż id-dritt li tiġi infurmat mill-prosekutur pubbliku jekk it-trasgressur jinħeles, b’mod proviżorju jew permanenti, jew jekk jingħatalu xi parole meta jkun il-ħabs (l-Artikolu 108A KPD).

Jien intitolat għal appoġġ jew protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Bħala vittma, inti intitolat għal appoġġ u servizzi ta’ kura ġenerali jew speċjalizzati b’xejn u kunfidenzjali, skont il-ħtiġijiet tiegħek, qabel, waqt u għal perjodu ta’ żmien raġonevoli wara t-tmiem tal-proċedimenti kriminali. Dawn id-drittijiet jistgħu jiġu estiżi wkoll għall-membri tal-familja tiegħek, skont il-ħtiġijiet tagħhom u l-gravità tad-danni li jkunu sofrew b’riżultat tar-reat kriminali li jkun twettaq kontra tiegħek. Il-pulizija, jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra li tirċievi l-kwerela tiegħek, tista’ tipprovdilek informazzjoni meta titlobha, jew tirreferik għal: is-servizzi soċjali tal-awtoritajiet tal-gvern lokali tal-ewwel u t-tieni livell; il-faċilitajiet tas-saħħa mentali; iċ-Ċentri tal-Komunità (Kéntra Koinótitas), iċ-ċentri ta’ konsulenza (symvoulevtiká kéntra) tas-Segretarjat Ġenerali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi; l-istrutturi ta’ appoġġ taċ-Ċentru Nazzjonali għas-Solidarjetà Soċjali (Ethnikó Kéntro Koinonikís Allilengýis); l-Uffiċċji Indipendenti għall-Protezzjoni ta’ Vittmi Minorenni (Avtotelí Grafeía Prostasías Anílikon Thymáton) tal-Ministeru tal-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem; jew korpi privati u assoċjazzjonijiet professjonali u voluntiera. Jekk inti mara li tkun vittma ta’ reat kontra l-libertà personali jew sesswali tiegħek, jew ta’ sfruttament finanzjarju tal-ħajja sesswali, vjolenza domestika, traffikar tal-bnedmin, akkwist jew kriminalità razzista, it-tfal tiegħek huma wkoll intitolati sabiex jirċievu servizzi ta’ appoġġ u kura (l-Artikolu 61 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt għall-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ u kura għall-vittmi (l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/29/UE)).

Is-servizzi ġenerali ta’ appoġġ u kura jistgħu jipprovdulek, fost affarijiet oħra, informazzjoni u pariri dwar d-drittijiet tiegħek bħala vittma u l-intitolament tiegħek li titlob kumpens għad-danni kriminali; informazzjoni dwar kif tista’ tipparteċipa fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili jew bħala xhud; informazzjoni dwar jew riferiment dirett għal kwalunkwe servizz ta’ appoġġ speċjalizzat rilevanti li jkun hemm fis-seħħ; appoġġ emozzjonali u psikoloġiku; pariri dwar kwistjonijiet finanzjarji u prattiċi li jirriżultaw mir-reat; jew pariri relatati mal-prevenzjoni tal-vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, l-intimidazzjoni u r-ritaljazzjoni.

Is-servizzi ta’ appoġġ u kura speċjalizzati jirreferu lill-vittmi għal kennijiet jew jipprovdu akkomodazzjoni temporanja xierqa oħra għall-vittmi li jkunu jeħtieġu post sigur minħabba riskju imminenti ta’ vittimizzazzjoni sekondarja jew ripetuta, intimidazzjoni jew ritaljazzjoni, u jistgħu jipprovdu appoġġ integrat, inkluż appoġġ u konsulenza f’każijiet ta’ trawma, għal vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi, bħall-vittmi ta’ vjolenza razzista jew sesswali, il-vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq l-identità jew il-ġeneru, u l-vittmi ta’ vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib (l-Artikolu 62 tal-Liġi 4478/2017, dwar l-appoġġ mis-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi (l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2012/29/UE)).

X’informazzjoni ningħata jekk it-trasgressur jingħata s-sentenza?

Bħala vittma, inti tiġi infurmat dwar il-progress tal-proċedimenti kriminali u nnotifikat dwar id-deċiżjoni tal-qorti mingħajr dewmien bla bżonn, jekk inti titlob dan, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, bil-kundizzjoni li inti tkun isseħibt fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili. Jekk tkun isseħibt fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili, inti tista’ tingħata informazzjoni dwar il-proċedimenti permezz ta’ email, personalment jew permezz tal-avukat tiegħek (l-Artikolu 59 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt tal-vittmi li jirċievu informazzjoni dwar il-każ tagħhom (l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/29/UE))

Ser inkun infurmat jekk it-trasgressur jinħeles (inkluż billi jinħeles qabel iż-żmien jew b’libertà kondizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

Inti għandek id-dritt li tiġi infurmat jekk ordni ta’ detenzjoni temporanja tiġi revokata jew mibdula mill-korp ġudizzjarju kompetenti, jew jekk it-trasgressur jinħeles b’mod permanenti, jew ikun ħarab mill-ħabs jew ingħata parole mill-uffiċjali responsabbli tal-faċilità ta’ detenzjoni, inkluża informazzjoni dwar kwalunkwe miżura li tista’ tittieħed sabiex inti tiġi protett f’każ li t-trasgressur ikun inħeles jew ħarab mill-ħabs. Informazzjoni bħal din trid tingħatalek, soġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-prosekutur pubbliku, jekk ikun hemm periklu reali jew potenzjali għas-sigurtà tiegħek, bil-kundizzjoni li ma jinħoloq l-ebda riskju ta’ ħsara għat-trasgressur b’riżultat tad-divulgazzjoni ta’ dik l-informazzjoni (l-Artikolu 59 tal-Liġi 4478/2017, dwar id-dritt tal-vittmi li jirċievu informazzjoni dwar il-każ tagħhom (l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/29/UE)).

Ser inkun involut f’deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole? Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew inressaq appell?

Le. Madankollu, il-Qorti tista’ tirrikjedi r-riparazzjoni tad-dannu mġarrab mill-vittma tal-att kriminali (l-Artikolu 100(3a) tal-Kodiċi Kriminali (Poinikós Kódikas — ‘PK’) bħala alternattiva għal, jew prerekwiżit għas-sospensjoni tas-sentenza, soġġett għal probation jew superviżjoni minn uffiċjal tal-assistenza soċjali (epimelitís koinonikís arogís)(l-Artikolu 100 PK). Il-konformità tat-trasgressur mar-rekwiżiti tal-Qorti tiġi mmonitorjata mill-uffiċjal tal-assistenza soċjali, u f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-prosekutur kompetenti jista’ jitlob lill-qorti li tkun ordnat is-sospensjoni, sabiex tirrevoka l-ordni.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/06/2019

4 - Kumpens


Inti tista’ titlob kumpens għad-danni mingħand it-trasgressur billi tagħmel talba skont il-liġi ċivili. Tista’ tippreżenta t-talba ċivili tiegħek bħala parti mill-proċedimenti kriminali, matul l-investigazzjoni jew waqt il-proċess. Billi tippreżenta t-talba tiegħek, inti tissieħeb fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili (politikós enágon). Inti tista’ titlob kumpens finanzjarju għall-ħsara fil-proprjetà tiegħek u / jew għad-dannu morali u l-uġigħ u t-tbatija. Mat-talba tiegħek tista’ żżid l-ispejjeż kollha li tkun għamilt b’rabta mal-każ (tariffi tal-avukati, tariffi tal-uffiċjali ġudizzjarji, spejjeż tal-ivvjaġġar, eċċ.).

Jekk il-qorti ssib it-trasgressur ħati, hija tordnalu jħallsek il-kumpens. Fil-prattika, dan il-kumpens ħafna drabi jkun simboliku, u anqas mid-dannu reali li tkun sofrejt. Għall-bqija, inti trid tippreżenta kawża separata f’qorti ċivili.

Inkella, inti tista’ tippreżenta t-talba tiegħek direttament fil-qorti ċivili. Il-qorti ċivili tordna lit-trasgressur iħallas kumpens li jikkorrispondi għad-dannu reali li tkun sofrejt.

Jekk ikollok talba pendenti quddiem qorti ċivili, inti tista’ terġa’ tippreżentaha fil-qafas tal-proċedimenti kriminali; il-kawża quddiem il-qorti ċivili mbagħad tingħalaq.

Jekk tkun vittma ta’ reat vjolenti mwettaq intenzjonalment, inti tkun intitolat għal kumpens mill-Istat. Ikkonsulta l-iskeda informattiva dwar il-kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità fil-Greċja (disponibbli bl-Ingliż, bil-Grieg u b’lingwi oħra) tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (ġustizzja riparatriċi).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/06/2019

5 - Id-drittijiet tiegħi f'dak li għandu x'jaqsam ma' appoġġ u assistenza


Is-Segretarjat Ġenerali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Genikí Grammateía Isótitas ton Fýlon), li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Intern, imexxi ċentri ta’ konsulenza għal nisa li huma vittmi ta’ vjolenza.

Huwa stabbilixxa netwerk integrat ta’ 62 struttura biex jgħin lil dawn in-nisa.

In-netwerk jinkludi helpline 24/7 (SOS 15900), 40 ċentru ta’ konsulenza, u 21 ħostel għan-nisa u t-tfal tagħhom.

Il-helpline SOS15900 tista’ tiġi kkuntattjata wkoll fl-indirizz elettroniku Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasos15900@isotita.gr. Hija topera fuq bażi 24/7, 365 jum fis-sena, kemm bil-Grieg kif ukoll bl-Ingliż. L-ispejjeż tat-telefonati huma soġġetti għat-tariffi tat-telefonati lokali.

Iċ-ċentri ta’ konsulenza joffru appoġġ psikosoċjali u parir legali mingħajr ħlas. Il-firxa tas-servizzi offruti issa qiegħda tespandi sabiex tinkludi l-impjieg tan-nisa u n-nisa li jsofru diversi forom ta’ diskriminazzjoni (appoġġ lir-refuġjati, ġenituri singli, membri tal-komunità Rom, eċċ.). L-informazzjoni ta’ kuntatt dwar iċ-ċentri ta’ konsulenza hija disponibbli mis-sit Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.womensos.gr/ u minn Facebook: WomenSOS.gr

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web tas-Segretarjat Ġenerali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.isotita.gr/

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Kéntro Erevnón gia Thémata Isótitas — "KEThI")

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi joffri appoġġ psikoloġiku u assistenza legali lill-vittmi ta’ vjolenza domestika u jopera ħostel għan-nisa li jkunu vittmi ta’ vjolenza u għat-tfal tagħhom.

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

  • huwa korp regolat mil-liġi privata li ġie stabbilit fl-1994 u huwa soġġett għas-superviżjoni mis-Segretarjat Ġenerali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi
  • jinkludi servizzi reġjonali u lokali li joffru appoġġ psikoloġiku u assistenza legali lill-vittmi ta’ vjolenza domestika
  • jipprovdi appoġġ psikoloġiku u assistenza legali mingħajr ħlas
  • jipprovdi informazzjoni, pariri u appoġġ lil nisa li jkunu qegħdin jiffaċċjaw kwistjonijiet ta’ impjieg u esklużjoni soċjali
  • f’kooperazzjoni mal-Prefettura ta’ Ateni, ilu jopera ħostel għan-nisa li jkunu vittmi ta’ vjolenza u għat-tfal tagħhom mill-1993.
  • INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://kethi.gr/

Ċentru Nazzjonali għas-Solidarjetà Soċjali (Ethnikó Kéntro Koinonikís Allilengýis — ‘EKKA’)

Iċ-Ċentru Nazzjonali għas-Solidarjetà Soċjali jopera netwerk li joffri servizzi ta’ appoġġ soċjali lil individwi, familji u gruppi soċjali li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet psikosoċjali jew li jkunu jeħtieġu appoġġ soċjali immedjat.

Iċ-Ċentru Nazzjonali għas-Solidarjetà Soċjali

  • huwa korp regolat mil-liġi privata, ibbażat f’Ateni, u soġġett għas-superviżjoni mill-Ministeru tax-Xogħol, is-Sigurtà Soċjali u s-Solidarjetà Soċjali
  • Huwa jinkludi s-servizzi li ġejjin:
  • Il-linja diretta għall-assistenza soċjali 197 għaċ-ċittadini kollha topera fuq bażi 24/7. It-telefonati huma mingħajr ħlas.
  • Il-hotline nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal 1107, għal mistoqsijiet dwar it-tfal, topera fuq bażi 24/7.
  • Ċentri ta’ appoġġ soċjali f’Ateni, Piraeus u Tessaloniki
  • Ħostels għal ċittadini li jkunu għaddejjin minn problemi soċjofinanzjarji serji fir-reġjun ta’ Attica
  • Huwa jopera kennijiet għan-nisa f’riskju u t-tfal tagħhom f’Attica u Tessaloniki
  • Firxa tas-servizzi offruti:
  • pariri u informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni soċjali
  • appoġġ soċjali u psikoloġiku lill-individwi u l-familji, għoti ta’ kenn lin-nisa f’riskju u t-tfal tagħhom (prinċipalment vittmi ta’ vjolenza domestika u ta’ traffikar tal-bnedmin)
  • akkomodazzjoni għal żmien qasir għal persuni li jkunu għaddejjin minn kriżi jew emerġenza soċjali
  • kooperazzjoni u medjazzjoni sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi ta’ solidarjetà soċjali offruti minn organizzazzjonijiet oħra
  • Fl-aħħar nett, iċ-Ċentru jibgħat timijiet ta’ appoġġ psikosoċjali ta’ intervent rapidu, li jikkonsistu prinċipalment minn psikologi u assistenti soċjali, f’sitwazzjonijiet ta’ diżastri naturali (terremot, għargħar, nirien), inċidenti, nawfraġji li jinvolvu għadd kbir ta’ vittmi, u kwalunkwe kriżi li tinvolvi għadd kbir ta’ persuni meta l-preżenza ta’ dawn it-timijiet titqies bħala neċessarja.

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.ekka.org.gr/

Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni Medika għall-Vittmi tat-Tortura (Iatrikó Kéntro Apokatástasis Thymáton Vasanistiríon)

Iċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni Medika għall-Vittmi tat-Tortura jipprovdi ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-persuni li jkunu ġew ittorturati u l-familji tagħhom; huwa jħarreġ professjonisti tal-kura tas-saħħa Griegi u barranin sabiex jeżaminaw u jikkuraw vittmi tat-tortura, iwettaq riċerka xjentifika, u joffri inċentivi għar-riċerka dwar it-tortura u l-konsegwenzi tagħha.

Iċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni Medika għall-Vittmi tat-Tortura

  • jipprovdi ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-persuni li jkunu ġew ittorturati u l-familji tagħhom
  • iħarreġ professjonisti tal-kura tas-saħħa Griegi sabiex jeżaminaw u jikkuraw il-vittmi tat-tortura
  • jikkontribwixxi għad-disseminazzjoni wiesgħa tal-għarfien dwar il-prattika tat-tortura u l-forom differenti tagħha u l-possibbiltà ta’ rijabilitazzjoni tal-vittmi tat-tortura
  • iwettaq riċerka xjentifika u joffri inċentivi għar-riċerka dwar it-tortura u l-konsegwenzi tagħha
  • iżomm u jiżviluppa ċentru ta’ informazzjoni (dokumentazzjoni)
  • jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tat-tortura billi jsegwi dawn l-objettivi.

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.mrct.org/

Ċentru ta’ Riċerka u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Trattament Ħażin u Esklużjoni Soċjali (Kéntro Érevnas kai Ypostírixis Thymáton Kakopoíisis kai Koinonikoú Apokleismoú — ‘EKYThKKA’)

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Trattament Ħażin u Esklużjoni Soċjali joffri appoġġ mediku, psikoloġiku, soċjali u legali lill-vittmi ta’ tortura u vjolenza organizzata, trattament ħażin u esklużjoni soċjali.

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Trattament Ħażin u Esklużjoni Soċjali

  • huwa assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ regolata mil-liġi ċivili
  • joffri appoġġ mediku, psikoloġiku, soċjali u legali lill-vittmi ta’ tortura u vjolenza organizzata, trattament ħażin u esklużjoni soċjali
  • iqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, u jxerred l-għarfien dwar l-eżistenza ta’ manifestazzjonijiet ta’ vjolenza u esklużjoni soċjali u l-metodi sabiex dawn jiġu indirizzati kemm fil-Greċja kif ukoll f’pajjiżi oħra
  • joffri assistenza umanitarja lil gruppi soċjali li jkunu ġew soġġetti għal vjolenza organizzata, tortura, trattament ħażin u esklużjoni soċjali, kemm fil-Greċja kif ukoll f’pajjiżi oħra
  • iwettaq riċerka xjentifika dwar il-vjolenza u t-tortura, it-trattament ħażin u l-esklużjoni soċjali
  • jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tat-tortura, it-trattament ħażin u l-esklużjoni soċjali.


INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.cvme.gr/

Kunsill Grieg għar-Refuġjati (Ellinikó Symvoúlio gia tous Prósfyges)

Il-Kunsill Grieg għar-Refuġjati huwa organizzazzjoni mhux governattiva li tappoġġa r-refuġjati u l-applikanti għall-ażil fil-Greċja permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi psikosoċjali u legali.

Il-Kunsill Grieg għar-Refuġjati

  • huwa organizzazzjoni mhux governattiva stabbilita fl-1989 sabiex tappoġġa lir-refuġjati u l-applikanti għall-ażil fil-Greċja
  • jgħin lir-refuġjati jintegraw mingħajr problemi fil-Greċja permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi psikosoċjali u legali
  • huwa l-unika organizzazzjoni mhux governattiva Griega mingħajr skop ta’ qligħ li tittratta esklussivament persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil fil-Greċja u li jkunu meqjusa bħala refuġjati
  • huwa rreġistrat mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u mal-Ministeru tas-Saħħa u s-Solidarjetà Soċjali bħala organizzazzjoni speċjali tal-karità
  • huwa waħda mis-sitt organizzazzjonijiet mhux governattivi li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem fil-Greċja u huwa membru tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (Ethnikí Epitropí gia ta Dikaiómata tou Anthrópou)
  • huwa sieħeb tal-implimentazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u membru tal-Kunsill Ewropew għar-Refuġjati u l-Eżiljati.

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.gcr.gr/

Il-Monitor Grieg ta’ Helsinki (Ellinikó Paratiritírio ton Symfonión tou Elsínki)

Il-Monitor Grieg ta’ Helsinki jimmonitorja, jippubblika artikli u jagħmel lobbying dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-Greċja.

Il-Greek Helsinki Monitor

  • ġie stabbilit fl-1992
  • huwa l-membru Grieg tal-Federazzjoni Internazzjonali ta’ Ħelsinki dwar id-Drittijiet tal-Bniedem
  • jimmonitorja, jippubblika u jagħmel lobbying dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-Greċja u, minn żmien għall-ieħor, fil-Balkani
  • ipparteċipa u kkoordina ta’ spiss il-monitoraġġ tal-midja Griega u tal-Balkani għall-isterjotipi u d-diskors ta’ mibegħda, u ħejja rapporti annwali dettaljati, rapporti paralleli / mhux uffiċjali għall-korpi tat-trattat tan-NU, u rapporti speċjalizzati dwar it-trattament ħażin u dwar il-komunitajiet etniċi, etnolingwistiċi, reliġjużi u immigranti.

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://greekhelsinki.wordpress.com/

Is-Sezzjoni Griega ta’ Amnesty International (Diethnís Amnistía Ellinikó Tmíma)

Amnesty International tindirizza gvernijiet, organizzazzjonijiet intergovernattivi, gruppi politiċi armati, kumpaniji u atturi oħra mhux statali u tinvestiga b’mod sistematiku u imparzjali każijiet individwali u mudelli ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.

Amnesty International

  • hija moviment globali, indipendenti ta’ voluntiera li jiġġieldu għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem
  • tiddefendi l-priġunieri tal-kuxjenza, il-vjolenza u l-faqar
  • tfittex li ttemm il-vjolenza kontra n-nisa
  • tfittex li tabolixxi l-pieni tal-mewt, it-tortura u l-limitazzjonijiet tal-libertà f’isem il-“gwerra fuq it-terrur”
  • tiġġieled id-diskriminazzjoni kontra r-refuġjati, l-immigranti, il-minoranzi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.

INFORMAZZJONI TA’ KUNTATT:

Sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.amnesty.org.gr/


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/06/2019