Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

In-notifika ta' atti - Belġju

LISTA TAL- KONTENUT

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

Meta jinfetħu kawżi l-qorti, il-komunikazzjoni hi estremament importanti. Hu assolutament vitali li l-partijiet għall-proċedimenti u l-imħallef ikunu jafu x’inhuma t-talbiet tal-attur, l-argumenti tal-konvenut, l-iżvolġiment tal-proċedimenti u d-deċiżjoni tal-qorti. Parti li ma taċċettax id-deċiżjoni u tappella quddiem qorti superjuri jeħtiġilha tinforma lill-partijiet l-oħra bid-deċiżjoni tagħha billi tippreżenta jew tibgħat dokumenti (pereż. taħrikiet, applikazzjonijiet, preżentazzjonijiet lill-qorti, sentenzi, appelli, eċċ.). Hawn ma nidħlux fid-dokumenti nfushom iżda fil-mod li bih dawn jingħaddew lill-partijiet u, fejn xieraq, lill-qorti. Ir-regoli rilevanti huma stabbiliti fl-Artikoli minn 32 sa 47 tal-Kodiċi Ġudizzjarju [code judiciare].

Fil-Belġju ssir distinzjoni bejn notifika bil-posta [notification] u notifika minn uffiċjal ġudizzjarju [signification].

Essenzjalment, notifika minn uffiċjal ġudizzjarju tintuża meta dokument jinħareġ lil persuna oħra permezz ta’ uffiċjal tal-gvern. Fil-Belġju dak l-uffiċjal hu magħruf bħala uffiċjal ġudizzjarju (“huissier de justice”). Fil-prattika, l-uffiċjal ġudizzjarju joħroġ kopja attestata tad-dokument għall-persuna inkwistjoni.

L-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jwassallek diversi taħrikiet (hawn taħt imsejħa “notifika minn uffiċjal ġudizzjarju” jew “rekord tan-notifiki minn uffiċjal ġudizzjarju”). L-aktar magħrufa huma:

- taħrika biex tidher il-qorti;

- notifika ta’ sentenza (possibilment b’ordni ta’ ħlas);

- ordni ta’ ħlas;

- ordni ta’ tluq minn abitazzjoni;

- sekwestru (eż. mill-proprjetà personali tiegħek, mill-akkomodazzjoni);

- notifika ta’ avviż preċedenti;

- ...

Għall-kuntrarju ta’ notifika minn uffiċjal ġudizzjarju, notifika bil-posta ssir meta dokument tal-qorti (oriġinali jew kopja) jintbagħat bil-posta, jiġifieri mingħajr l-involviment ta’ uffiċjal tal-gvern.

Id-data tan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju hi importanti.

Fil-każ ta’ taħrikiet, iridu jiġu rrispettati ċerti perjodi ta’ żmien bejn il-ħin tan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju u ż-żmien li fih il-każ jiġi ttrattat fis-smigħ inizjali tal-qorti.

Meta sentenza tiġi nnotifikata minn uffiċjal ġudizzjarju, dik id-data tkun id-data tal-bidu tal-perjodu għall-oġġezzjonijiet jew għal kwalunkwe appell li jista’ jitressaq.

B’mod ġenerali, id-dokumenti jiġu nnotifikati minn uffiċjal ġudizzjarju. In-notifika bil-posta tintuża f’każijiet speċifiċi ddefiniti bil-liġi.

Iċ-ċitazzjoni [l'exploit de signification] trid tiġi ffirmata mill-uffiċjal ġudizzjarju eżekutorju u trid tindika dawn li ġejjin, kif speċifikat fl-Artikolu 43 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, peress li mingħajrhom ma tkunx valida:

1° il-jum, ix-xahar, is-sena u l-post tan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju;

2° il-kunjom, l-isem, l-okkupazzjoni, id-domiċilju u, jekk applikabbli, il-kapaċità u l-elenkar fir-reġistru kummerċjali jew tan-negozji tal-persuna li fuq it-talba tagħha ċ-ċitazzjoni tiġi nnotifikata minn uffiċjal ġudizzjarju;

3° il-kunjom, l-isem, id-domiċilju, jew, fin-nuqqas ta’ domiċilju, ir-residenza u, jekk applikabbli, il-kapaċità tad-destinatarju taċ-ċitazzjoni;

4° il-kunjom, l-isem u, jekk applikabbli, il-kapaċità tal-persuna li lilha tingħata l-kopja, jew fejn tħalliet kopja fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 38(1), jew fejn intbagħtet bil-posta ċ-ċitazzjoni fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 40;

5° il-kunjom u l-isem tal-uffiċjal ġudizzjarju u l-indirizz tal-uffiċċju tiegħu;

6° spjegazzjoni tat-tariffi tad-dokument.

Il-persuna li lilha tingħata l-kopja tiffirma l-oriġinali. Jekk tirrifjuta milli tiffirma, l-uffiċjal ġudizzjarju jieħu nota tar-rifjut fuq l-avviż.

Skont l-Artikolu 47 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, l-uffiċjal ġudizzjarju ma jistax jinnotifika dokumenti:

1° qabel is-6 a.m. jew wara d-9 p.m. f’post mhux miftuħ għall-pubbliku;

2° is-Sibtijiet, il-Ħdud jew fil-vaganzi pubbliċi (din ir-restrizzjoni ma tapplikax għal notifika f’każijiet kriminali, ara l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Kassazzjoni, Kass., is-27 ta’ Marzu 1984, R.W. 1984-1985, 1093; Antwerp, it-2 ta’ Ottubru 1975, R.W. 1976-1977, 1834), ħlief f’każijiet urġenti u bil-permess tal-maġistrat [juge de paix] għal taħrikiet f’kawżi li jkunu se jinfetħu quddiemu, bil-permess tal-imħallef li jkun awtorizza d-dokument għal dokumenti li jeħtieġu awtorizzazzjoni preliminari u fil-każijiet l-oħra kollha bil-permess tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

Meta d-dokument jiġi nnotifikat minn uffiċjal ġudizzjarju, il-persuna li lilha jiġi nnotifikat tingħata kopja (notifika minn uffiċjal ġudizzjarju) u l-uffiċjal ġudizzjarju jżomm l-oriġinali filwaqt li l-każ ikun għaddej fl-uffiċċju tiegħu. Fil-każ ta’ taħrikiet, l-uffiċjal ġudizzjarju ma jżommx l-oriġinali iżda jibagħtu lill-qorti biex tiżdied mal-lista ta’ każijiet (avviż tat-taħrikiet lill-qorti).

Il-kopja tal-avviż irid ikun fiha l-informazzjoni kollha dwar l-oriġinali u tiġi ffirmata mill-uffiċjal ġudizzjarju (l-Artikolu 43 tal-Kodiċi Ġudizzjarju), għaliex fin-nuqqas ta’ dawn din ma tkunx valida.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Il-liġi tispeċifika liema dokumenti għandhom jiġu nnotifikati minn uffiċjal ġudizzjarju jew innotifikati bil-posta. Madankollu, hemm wisq biex jiġu elenkati kollha kemm huma. L-eżempji jinkludu taħrikiet, applikazzjonijiet, sentenzi, appelli u oġġezzjonijiet.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Id-dokumenti jiġu nnotifikati minn uffiċjal ġudizzjarju u, għaldaqstant, iridu jiġu nnotifikati mill-uffiċjal ġudizzjarju stess.

Notifika bil-posta tinħareġ mill-iskrivan tal-qorti (f’okkażjonijiet rari mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku) b’konsenja ġudizzjarja rreġistrata (tip speċjali ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta) jew bil-posta ordinarja jew irreġistrata. Ir-regoli li jirregolaw il-konsenja ġudizzjarja rreġistrata huma stabbiliti fl-Artikolu 46 tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Iva.

Fil-każ tal-Belġju, l-aġenziji riċevituri ddeżinjati f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) huma uffiċjali ġudizzjarji b’ġurisdizzjoni territorjali.

Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tas-16 ta’ Mejju 1986, l-awtorizzazzjoni tal-aċċess mill-uffiċjali ġudizzjarji għar-Reġistru Nazzjonali tal-Persuni Fiżiċi (Arrêté royal du 16 mai 1986 autorisant l'accès des huissiers de justice au Registre national des personnes physiques), għall-eżekuzzjoni tal-kompiti li jkollhom kompetenza għalihom, l-uffiċjali ġudizzjarji huma awtorizzati jaċċessaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 minn (1) sa (9) u fl-Artikolu 3(2) tal-Liġi tat-8 ta’ Awwissu 1983 li tistabbilixxi Reġistru Nazzjonali ta’ Persuni Fiżiċi (loi du 8 août 1983 organisant un Registre national des personnes physiques). B’mod partikolari, l-informazzjoni tinkludi l-indirizz irreġistrat bħala l-indirizz ewlieni għal kull persuna fiżika fir-reġistri tal-popolazzjoni (domiċilju).

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Le.

Fil-prinċipju, huma biss il-persuni, l-awtoritajiet pubbliċi, il-korpi pubbliċi u l-professjonijiet Belġjani msemmija fl-Artikolu 5 tal-Liġi tat-8 ta’ Awwissu 1983 li tistabbilixxi Reġistru Nazzjonali ta’ Persuni Fiżiċi li jistgħu jingħataw aċċess għall-informazzjoni fir-Reġistru Nazzjonali.

L-awtorizzazzjoni tingħata mill-Kumitat Settorjali tar-Reġistru Nazzjonali (Comité sectoriel du Registre National) imwaqqaf fil-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Privatezza (Commission de la protection de la vie privée) skont l-Artikolu 15 tal-Liġi tat-8 ta’ Awwissu 1983 li tistabbilixxi Reġistru Nazzjonali ta’ Persuni Fiżiċi.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Dawn ma jistgħux jaġixxu fuqha sakemm is-sejbien tal-indirizz ma jitqisx bħala miżura investigatorja għall-fini ta’ kisba tal-evidenza li għandha tintuża fi proċeduri ġudizzjarji ċivili jew kummerċjali, mibdija jew ikkontemplati.

Il-kunċett ta’ “evidenza” mhuwiex iddefinit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali. Dan ikopri, fost affarijiet oħra, intervisti ta’ xhieda, ta’ partijiet jew ta’ esperti, il-produzzjoni ta’ dokumenti, investigazzjonijiet, l-istabbiliment tal-fatti, il-konsultazzjoni ta’ speċjalisti tal-familja u tal-benesseri tat-tfal.

Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 imsemmi aktar 'il fuq, ma tistax issir talba “biex tinkiseb xhieda li mhijiex maħsuba għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, li jkunu bdew jew li hemm il-ħsieb li jinbdew”.

Għalhekk, fil-prinċipju, l-indirizz ta’ persuna li għaliha jkun meħtieġ li ssir notifika minn uffiċjal ġudizzjarju jew notifika bil-posta ta’ dokument ġudizzjarju jew extraġudizzjarju ma jistax jitqies bħala evidenza skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2006/2001.

Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2006/2001 jiddikjara b’mod espliċitu li t-talba jrid ikun fiha “l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet ...”.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

(a) Notifika minn uffiċjal ġudizzjarju

Il-metodu ta’ notifika minn uffiċjal ġudizzjarju hu rregolat mill-Artikoli minn 32 sa 47 tal-Kodiċi Ġudizzjarju u japplika għal kawżi ċivili kif ukoll kriminali.

- Notifika b'mod personali minn uffiċjal ġudizzjarju (l-Artikoli minn 33 sa 34 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Jekk l-uffiċjal ġudizzjarju jkun biħsiebu jinnotifika dokument, l-ewwel dan jieħu impenn li jwassal il-kopja tad-dokument lid-destinatarju b'mod personali. Din hi n-notifika b'mod personali minn uffiċjal ġudizzjarju.

Id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati minn uffiċjal ġudizzjarju b’mod personali lid-destinatarju kull fejn isibu l-uffiċjal ġudizzjarju. Dan mhux bilfors irid ikun il-post tar-residenza tad-destinatarju; notifika valida minn uffiċjal ġudizzjarju tista’ ssir, pereżempju, fil-post tax-xogħol tad-destinatarju, fit-triq jew fl-uffiċċju personali tal-uffiċjal ġudizzjarju.

Il-kundizzjoni hi li l-post tan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju jrid ikun fi ħdan iż-żona tal-ġurisdizzjoni tal-uffiċjal ġudizzjarju.

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni dwar fejn jinsab id-destinatarju, l-uffiċjal ġudizzjarju imur direttament fid-domiċilju tad-destinatarju bit-tama li jsibu hemm.

Jekk l-uffiċjal ġudizzjarju jsib lill-parti (tkun fejn tkun) u l-parti tirrifjuta milli taċċetta l-kopja tad-dokument, l-uffiċjal ġudizzjarju jieħu nota tar-rifjut fuq l-oriġinali (imbagħad il-kopja tiġi mehmuża mal-oriġinali) u n-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju titqies li saret b’mod personali.

Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju titqies li tkun saret b'mod personali meta l-kopja tad-dokument tkun ingħatat lill-aġenzija jew lil impjegat awtorizzat skont il-liġi, skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni jew skont id-delegazzjoni dovuta biex jirrappreżenta lill-persuna ġuridika fil-proċeduri ġudizzjarji, anki fuq bażi konġunta. B’hekk, pereżempju, fil-każ ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju tkun valida jekk issir lill-maniġer, kemm jekk ikun fil-post tan-negozju rreġistrat jew f’xi post ieħor, lil hinn mill-post tan-negozju rreġistrat.

- Notifika minn uffiċjal ġudizzjarju fid-domiċilju / fil-post tan-negozju rreġistrat (l-Artikolu 35 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Jekk in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju ma tkunx tista’ ssir b’mod personali, din issir fid-domiċilju tad-destinatarju. “Domiċilju” tfisser il-post imniżżel bħala l-indirizz ewlieni għad-destinatarju fir-reġistri tal-popolazzjoni, jiġifieri l-indirizz tad-domiċilju.

Għal destinatarju mingħajr indirizz tad-domiċilju uffiċjali, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju tista’ ssir fir-residenza tiegħu. “Residenza” tfisser kwalunkwe stabbiliment ieħor, bħall-post li fih il-persuna jkollha uffiċċju jew topera negozju jew industrija. L-uffiċjal kap tal-pulizija jeħtieġlu jinforma lill-uffiċjal ġudizzjarju għall-eżekuzzjoni bil-post tar-residenza ta’ parti li ma jkollhiex domiċilju uffiċjali meta jiġi ordnat jagħmel dan.

Fil-każ ta’ persuna ġuridika, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju tista’ ssir fil-post tan-negozju rreġistrat jew fl-uffiċċju amministrattiv jekk in-notifika b’mod personali minn uffiċjal ġudizzjarju tkun impossibbli.

B’notifika minn uffiċjal ġudizzjarju fid-domiċilju, il-kopja tad-dokument titwassal lil qarib, lil qarib tar-rispett, lil qaddej jew lil impjegat tad-destinatarju. Ma tistax tingħata lil tfal taħt l-età ta’ 16-il sena. L-uffiċjal ġudizzjarju jniżżel nota fuq l-oriġinali u fuq il-kopja tal-kapaċità tal-persuna li lilha tingħata l-kopja (pereż. relazzjoni mad-destinatarju).

- Notifika minn uffiċjal ġudizzjarju b’kontrofirma (l-Artikolu 38(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Jekk l-uffiċjal ġudizzjarju ma jkunx jista’ jinnotifika d-dokument b’wieħed mill-metodi speċifikati (l-Artikoli 33 sa 35 tal-Kodiċi Ġudizzjarju), in-notifika ssir f’konformità mal-Artikolu 38(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju, jiġifieri billi jħalli ċ-ċitazzjoni fid-domiċilju jew, fin-nuqqas ta’ domiċilju, fir-residenza tad-destinatarju (notifika minn uffiċjal ġudizzjarju b’kontrofirma).

Il-kopja tad-dokument tinħareġ fl-indirizz billi tintuża l-kaxxa tal-ittri, f’envelopp issiġillat (li juri l-uffiċċju tal-uffiċjal ġudizzjarju, il-kunjom u l-isem tad-destinatarju u l-post tan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju, immarkat “Pro Justitia A remettre d'urgence (għal konsenja urġenti)”).

Jekk ma jkunx hemm kaxxa tal-ittri, l-uffiċjal ġudizzjarju hu awtorizzat iħalli l-kopja, f’envelopp, bi kwalunkwe mezz (pereż. jgħaddiha minn taħt il-bieb, minn ġo grada jew ċint, iwaħħalha mal-bieb bit-tejp).

L-uffiċjal ġudizzjarju jindika d-data, il-ħin u l-post fejn tħalliet il-kopja fuq iċ-ċitazzjoni oriġinali u fuq il-kopja nnotifikata minnu.

Mhux aktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara n-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju taċ-ċitazzjoni, l-uffiċjal ġudizzjarju jibgħat ittra ffirmata lid-domiċilju, jew, fin-nuqqas ta’ domiċilju, fir-residenza tad-destinatarju. L-ittra tindika d-data u l-ħin tal-konsenja u tiddikjara li kopja identika taċ-ċitazzjoni tista’ tinġabar mid-destinatarju b'mod personali jew bi prokura awtorizzata kif xieraq bil-miktub mill-uffiċċju tal-uffiċjal ġudizzjarju fi żmien tliet xhur mid-data li fiha ċ-ċitazzjoni ġiet innotifikata minn uffiċjal ġudizzjarju.

Meta destinatarju jkun applika għal tibdil tad-domiċilju (talba biex jinbidel l-indirizz), l-ittra rreġistrata msemmija fil-paragrafu 3 tintbagħat fil-post fejn dan ikun elenkat fir-reġistru tal-popolazzjoni u fl-indirizz li fih ikun indika li jixtieq li jistabbilixxi d-domiċilju l-ġdid tiegħu.

Meta tkun saret proposta għat-tneħħija mir-reġistru pubbliku (tal-indirizz tad-domiċilju) għad-destinatarju u l-uffiċjal ġudizzjarju ma jkunx jista’ jassumi mill-fatti li d-destinatarju m’għadux residenti propju aktar fl-indirizz tad-domiċilju, ikun biżżejjed li n-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju ssir skont l-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju (ara aktar ’l isfel).

Meta tkun ġiet proposta t-tneħħija mir-reġistru pubbliku, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju lill-prosekutur pubbliku f’konformità mal-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju (ara aktar ’l isfel) tkun permessibbli biss meta l-uffiċjal ġudizzjarju jikkonferma li d-destinatarju ma jkunx għadu jirresjedi fl-indirizz tad-domiċilju (pereż. meta l-uffiċjal ġudizzjarju jkun stabbilixxa li d-destinatarju fl-indirizz inkwistjoni jkun tkeċċa mid-dar) jew ikun fiżikament impossibbli li uffiċjal ġudizzjarju jinnotifika d-dokumenti.

Kif imsemmi aktar ’il fuq, notifika bil-posta ssir b’ittra, b’ittra rreġistrata jew b’konsenja ġudizzjarja rreġistrata. Fil-ġejjieni, in-notifika bil-posta elettronika tista’ tkun possibbli wkoll.

- L-impossibbiltà fiżika tan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju (Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Jekk mill-fatti stabbiliti fl-indirizz jirriżulta li hu fiżikament impossibbli (eż. minħabba li d-dar inqerdet minn nirien, jinstab li l-indirizz tad-domiċilju hu art mhux mibnija) biex in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju ssir billi titħalla kopja taċ-ċitazzjoni fid-domiċilju (jew, fin-nuqqas ta’ domiċilju, fir-residenza) tad-destinatarju, il-kopja tingħata lill-prosekutur pubbliku b’ġurisdizzjoni lokali.

L-oriġinali u l-kopja jiddikjaraw iċ-ċirkustanzi li wasslu għan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju lill-prosekutur pubbliku.

L-istess japplika meta l-proprjetà (li fiha jkun iddomiċiljat id-destinatarju) tkun evidentement ġiet abbandunata u d-destinatarju ma jkunx applika għal tibdil tad-domiċilju (eż. fil-każ ta’ tkeċċija mid-dar id-destinatarju ma jkunx preżenti. Imbagħad in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju ssir lill-prosekutur pubbliku f’konformità mal-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Kif stipulat aktar ’il fuq, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju f’konformità mal-Artikolu 38(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju tapplika wkoll fil-każ ta’ tneħħija posposta mir-reġistru pubbliku, meta l-uffiċjal ġudizzjarju jkun jista’ jistabbilixxi li d-destinatarju fil-fatt ma jgħixx fl-indirizz inkwistjoni.

In-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju lill-prosekutur pubbliku ma tkunx valida jekk il-parti li saret fuq it-talba tagħha kienet taf bid-domiċilju jew bir-residenza stabbiliti tad-destinatarju, skont liema minnhom ikun/tkun applikabbli.

- Notifika minn uffiċjal ġudizzjarju f’domiċilju stabbilit (Artikolu 39 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Meta d-destinatarju jkun stabbilixxa d-domiċilju b’aġent, id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati minn uffiċjal ġudizzjarju jew jiġu nnotifikati bil-posta fid-domiċilju stabbilit. Din hi possibbiltà u mhux obbligu. Għaldaqstant, ma hemm ebda raġuni għaliex jinħtieġ li n-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju ma ssirx fid-domiċilju propju (fil-Belġju) minflok fid-domiċilju stabbilit (Kass. (Il-Prim’Awla), is-26 ta’ Frar 2010, J.T., 2010, nru 6397, 371; Kass. (Il-Prim’Awla), l-10 ta’ Mejju 2012, R.W., 201213, 1212).

Hemm biss eċċezzjoni waħda li, meta destinatarju li d-domiċilju propju (jew il-post tan-negozju rreġistrat) tiegħu jkun barra l-pajjiż jkollu domiċilju stabbilit fil-Belġju, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju trid issir fid-domiċilju stabbilit, u jekk ma ssirx hemm din ma tkunx valida (l-Artikolu 40 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, ara wkoll Kass. (Il-Prim’Awla), id-9 ta’ Jannar 1997, R.W. 1997-98, 811: “Meta l-parti li fuq it-talba tagħha tkun saret in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju tkun taf bid-domiċilju stabbilit tad-destinatarju, dik il-parti hi meħtieġa li titlob li ċ-ċitazzjoni tiġi nnotifikata minn uffiċjal ġudizzjarju f’dak il-post; din mhix possibbiltà iżda obbligu, u hi kwistjoni ta’ ordni pubbliku”).

Jekk il-kopja tingħadda lill-aġent b'mod personali fid-domiċilju stabbilit, din titqies bħala notifika b’mod personali minn uffiċjal ġudizzjarju. In-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju u n-notifika bil-post ma jibqgħux possibbli fid-domiċilju stabbilit jekk l-aġent ikun deċedut, ma jibqax iddomiċiljat hemmhekk jew ikun temm l-operazzjonijiet.

Id-domiċilju jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet (jiġifieri fi proċedura bejn il-partijiet). B’hekk, hu validu biss bejn dawk il-partijiet u hu ristrett għal dik ir-relazzjoni legali. B'hekk, il-Qorti tal-Kassazzjoni ġġudikat li l-istabbiliment ta’ domiċilju f’att proċedurali tal-prim’istanza (eż. fit-taħrikiet jew fit-trattazzjonijiet) kien validu biss għall-proċeduri tal-prim’istanza sħaħ, għall-infurzar tas-sentenza sussegwenti u għal appell kontra dak il-ġudizzju (mill-parti kontradittriċi). Jekk dak l-istabbiliment tad-domiċilju ma jkunx ġie ripetut fil-proċeduri sussegwenti (pereż. f’appell), dan ma kienx japplika għal dawk il-proċeduri sussegwenti (Kass. Il-Prim’Awla, it-30 ta’ Mejju 2003, R.W. 2003-2004, 974; Kass. It-Tieni Awla, l-10 ta’ Mejju 2006, R.W. 20082009, 455; Kass. Il-Prim’Awla, id-29 ta’ Mejju 2009, R.W. 2010-2011, 1561).

Trid issir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “domiċilju stabbilit” u l-kunċett ta’ “indirizz tal-akkomodazzjoni”, li hu diskuss hawn taħt.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-lingwa (Liġi tal-15 ta’ Ġunju 1935 dwar l-użu tal-lingwi f’materji ġudizzjarji, loi du 15 juin 1935 concernant l'emploi des langues en matière judiciaire), l-imħallef tas-sekwestri [juge des saisies] qata’ sentenza ċara fi Bruges (l-imħallef tas-sekwestri, Bruges, il-11 ta’ Ottubru 2006, T.G.R. 2010, 95): hu l-post fejn fil-fatt seħħet in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju (f’dan il-każ id-domiċilju stabbilit) li jgħodd u mhux id-domiċilju propju. F’dak il-każ, kemm l-applikant kif ukoll il-parti li għexet fir-reġjun fejn hu mitkellem il-Franċiż. Madankollu, il-parti mħarrka kienet stabbilixxiet id-domiċilju fir-reġjun fejn hu mitkellem l-Olandiż. Din ġiet imħarrka (bl-Olandiż biss) f’oppożizzjoni quddiem l-imħallef tas-sekwestri fi Bruges. Skont il-leġiżlazzjoni dwar il-lingwa, it-taħrikiet kellhom isiru bl-Olandiż. Il-kwistjoni kienet jekk kienx jenħtieġ li magħha tiġi mehmuża traduzzjoni bil-Franċiż f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Liġi dwar l-użu tal-lingwi. L-imħallef sab li ma kienx hemm bżonn li tiġi mehmuża traduzzjoni bil-Franċiż mat-taħrika bl-Olandiż, peress li l-għażla tal-lingwa ġiet iddeterminata biss mill-post tan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju.

- Notifika minn uffiċjal ġudizzjarju meta d-domiċilju ma jkunx magħruf (Artikolu 40 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

“Għal persuni li ma jkollhom ebda domiċilju jew residenza magħrufin jew domiċilju stabbilit fil-Belġju, l-uffiċjal ġudizzjarju jibgħat il-kopja tad-dokument bil-posta rreġistrata fid-domiċilju jew fir-residenza tagħhom barra l-pajjiż, bl-ajru jekk id-destinazzjoni ma tkunx fi Stat ġar, mingħajr ħsara għall-forom l-oħra ta’ trażmissjoni miftiehma bejn il-Belġju u l-pajjiż ta’ domiċilju jew tar-residenza tagħhom. In-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju titqies li tkun saret meta d-dokumenti jingħataw lis-servizz postali filwaqt li tinkiseb prova tal-impostar kif indikat f’dan l-artikolu.

Għal persuni li ma jkollhom ebda domiċilju jew residenza magħrufin jew domiċilju stabbilit fil-Belġju jew barra l-pajjiż, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju ssir lill-prosekutur pubbliku għad-distrett li fih jippresjedi l-imħallef li jkun se jisma’ jew li jkun sema’ l-applikazzjoni; jekk ma ssir jew ma tkun saret ebda applikazzjoni quddiem l-imħallef, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju ssir lill-prosekutur pubbliku li fil-ġurisdizzjoni tiegħu l-attur ikollu d-domiċilju tiegħu jew, jekk dan ma jkollu ebda domiċilju fil-Belġju, il-prosekutur pubbliku għal Brussell.

...

In-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju dejjem tista’ ssir b'mod personali jekk dawn ikunu jinsabu fil-Belġju.

In-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju barra l-pajjiż jew lill-prosekutur pubbliku tkun nulla u bla effett jekk il-parti li n-notifika tkun saret fuq it-talba tagħha kienet taf bid-domiċilju jew ir-residenza jew bid-domiċilju stabbilit tad-destinatarju fil-Belġju jew barra l-pajjiż, skont liema minnhom ikun/tkun applikabbli”.

Il-Qorti ta' Kassazzjoni hi tal-fehma li din mhix għażla iżda obbligu li hu materja ta’ ordni pubbliku (Kass., Prim’Awla, id-9 ta’ Jannar 1997, R.W. 1997-1998, 811).

Parti li lilha tiġi nnotifikata ċitazzjoni minn uffiċjal ġudizzjarju u li targumenta li l-parti kontradittriċi kienet taf bir-residenza tagħha, pereżempju, u, għalhekk, tinvoka r-regola li n-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju lill-prosekutur pubbliku kienet nulla u bla effett jeħtiġilha tipprovdi l-evidenza. Għaldaqstant, l-oneru tal-provi jaqa’ fuq il-parti li lilha ġiet innotifikata ċ-ċitazzjoni minn uffiċjal ġudizzjarju (l-imħallef tas-sekwestri ta’ Ghent, it-18 ta’ Marzu 2008, R.W. 2010-2011, 124).

- Regoli speċjali għan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju (ara l-Artikoli 41 u 42 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

- Notifika minn uffiċjal ġudizzjarju u notifika bil-posta li jkunu ser isiru għal persuni bi trustee lil dawk il-persuni nnifishom u fid-domiċilju jew fir-residenza tat-trustee, dment li n-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju jew in-notifika bil-posta tkun relatata mal-funzjoni tat-trustee (Artikolu 499/12 tal-Kodiċi Ċivili).

L-indirizz tal-akkomodazzjoni: “Indirizz tal-akkomodazzjoni” tfisser l-indirizz ta’ persuna fiżika elenkata fir-reġistru tal-popolazzjoni fil-post fejn tkun stabbilixxiet ir-residenza prinċipali tagħha, jew ta’ persuna ġuridika, li fiha, bil-kunsens ta’ dik il-persuna fiżika jew ġuridika, persuna fiżika mingħajr residenza fissa tkun irreġistrata (Artikolu 1(2) tal-Liġi tad-19 ta’ Lulju 1991 dwar ir-reġistri tal-popolazzjoni, il-karti tal-identità għaċ-ċittadini barranin u d-dokumenti ta’ residenza, li temenda l-Liġi tat-8 ta’ Awwissu 1983 li tistabbilixxi Reġistru Nazzjonali ta’ Persuni Fiżiċi (kif emendata fil-31 ta’ Awwissu 2015) (Loi du 19 juillet 1991 relative aux registres de la population, aux cartes d'identité, aux cartes d'étranger et aux documents de séjour et modifiant la loi du 8 août 1983 organisant un Registre national des personnes physiques (dans sa teneur modifiée au 31 août 2015)).

Persuna mingħajr residenza fissa tuża l-indirizz tad-domiċilju ta’ persuna oħra bħallikieku. Persuna li tawtorizza persuna fiżika biex tuża l-indirizz tad-domiċilju tagħha bħala indirizz tal-akkomodazzjoni tieħu impenn li tgħaddi d-dokumenti kollha (eż. posta) mibgħuta lilha mingħajr ħlas. Barra minn hekk, ċerti benefiċċji (li jeħtieġu indirizz uffiċjali) (bħal benefiċċji tal-familja, benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji reċiproċi) jistgħu jintbagħtu fuq indirizz tal-akkomodazzjoni (madankollu, ma hu meħtieġ ebda indirizz tal-akkomodazzjoni biex jiġu riċevuti ħlasijiet tal-integrazzjoni soċjali!)

Persuni (b’ebda domiċilju jew residenza fissi) li jistgħu jużaw indirizz tal-akkomodazzjoni huma:

- persuni li jgħixu f’residenza mobbli (eż. dgħajsa jew karavan) (mhux inklużi karavans residenzjali);

- persuni li huma assenti fuq studju jew vjaġġi tax-xogħol għal anqas minn sena;

- persunal ċivili u militari tal-forzi armati bbażat barra l-pajjiż u l-unitajiet domestiċi tagħhom;

- persuni li ma jkollhomx jew ma jibqax ikollhom post tar-residenza minħabba nuqqas ta’ riżorsi.

L-uffiċċju tas-servizzi soċjali (Centre public daide sociale) jew persuna fiżika jistgħu jipprovdu indirizz tal-akkomodazzjoni.

Meta persuna jkollha indirizz tal-akkomodazzjoni, l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jinnotifika d-dokumenti kollha fuq dak l-indirizz, għall-kuntrarju tal-kunċett ta’ domiċilju stabbilit iddefinit aktar ’il fuq: l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jinnotifika biss fuq dak l-indirizz dokumenti relatati mat-tranżazzjoni/mal-proċedimenti legali li għalihom id-domiċilju jkun ġie stabbilit hemm.

Madankollu, l-l-uffiċjali ġudizzjarji ma jistgħux jagħmlu sekwestri fl-indirizz tal-akkomodazzjoni (mingħand il-persuna li jkollha l-indirizz tal-akkomodazzjoni), peress li dik il-persuna titqies li mhix proprjetarja ta’ kwalunkwe proprjetà mobbli f’dak l-indirizz.

(b) Notifika bil-posta

Artikolu 46(1) [..].

“Meta l-ittra ġudizzjarja rreġistrata tintbagħat f’forma stampata, l-uffiċċju tas-servizz postali jagħtiha lid-destinatarju b’mod personali jew fid-domiċilju tiegħu kif speċifikat fl-Artikoli 33, 34, 35 u 39. Il-persuna li lilhom tingħata l-ittra tiffirma u tniżżel id-data fuq il-konferma tar-riċevuta u s-servizz postali jirritornaha lill-emittent. L-impjegat tal-posta jieħu nota ta’ kwalunkwe rifjut ta’ ffirmar fil-qiegħ tal-konferma tar-riċevuta.

Meta l-ittra ġudizzjarja rreġistrata ma tkunx tista’ tingħadda lid-destinatarju b’mod personali jew fid-domiċilju tiegħu, l-impjegat tal-posta jħalli notifika bil-posta tal-konsenja. L-ittra tinżamm fl-uffiċċju postali għal tmint ijiem. Tista’ tinġabar matul dak il-perjodu mid-destinatarju jew minn prokura awtorizzata kif xieraq bil-miktub.

Madankollu, jekk id-destinatarju jkun talab li l-posta tiegħu tiġi ridirezzjonata jew tinżamm fl-uffiċċju postali, l-ittra tiġi rritornata jew tinżamm fl-indirizz stipulat mid-destinatarju matul il-perjodu kopert mit-talba.

Ittra indirizzata lil persuna falluta tingħadda lill-amministratur.

Ir-regoli għall-applikazzjoni tal-paragrafi 3 sa 5 huma stabbiliti mir-Re.

...

Artikolu 46(4) Il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista’ jiddetermina l-forom u l-indikazzjonijiet tan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju li jridu jakkumpanjaw id-dispaċċ tal-ittra ġudizzjarja rreġistrata. Jekk id-destinazzjoni tkun barra l-pajjiż, l-ittra ġudizzjarja rreġistrata tiġi ssostitwita minn ittra rreġistrata mal-uffiċċju postali, mingħajr ħsara għall-metodi ta’ trażmissjoni previsti mill-konvenzjonijiet internazzjonali u għall-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3.

Jekk jiġi miftiehem hemm minn wieħed mill-atturi jew mill-applikanti, jew fiċ-ċitazzjoni jew inkella fl-applikazzjoni, jew bil-miktub, sal-ewwel dehra quddiem il-qorti, l-ittri ġudizzjarji rreġistrati jiġu ssostitwiti minn notifika minn uffiċjal ġudizzjarju fuq it-talba tal-parti li tkun responsabbli biex tagħmel dawk l-arranġamenti.

Art. 46(1) In-notifika b’ittra biss lil parti li għaliha avukat ikun qed jaġixxi f’konformità mal-Artikoli 728,729 jew 729(1) u ma jkunx informa lir-reġistru tal-qorti f’konformità mal-Artikolu 729(1) li hu waqaf jaġixxi għal dik il-parti ssir biss permezz ta’ ittra lil dak l-avukat.

L-Artikolu 32b tal-Kodiċi Ġudizzjarju joħloq qafas legali għall-komunikazzjonijiet u għan-notifiki bil-posta bejn numru ta’ parteċipanti fis-sistema ġudizzjarja.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Fil-futur qarib se tiddaħħal sistema għan-notifika elettronika tad-dokumenti minn uffiċjal ġudizzjarju. L-istruttura legali diġà nħolqot iżda għadha trid tidħol fis-seħħ. L-uffiċjali ġudizzjarji jistgħu jiddeċiedu f’kawżi ċivili jew kriminali jekk jinnotifikawx it-taħrikiet tagħhom b’mod elettroniku jew personali. Il-prinċipju ta’ territorjalità ser ikompli japplika.

Fil-prattika, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju ser issir f’indirizz legali elettroniku dettat mill-awtoritajiet jew fuq indirizz elettroniku tad-domiċilju stabbilit. Biex jirċievu n-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju fuq l-indirizz elettroniku, id-destinatarji ser ikollhom jagħtu kunsens espliċitu permezz tal-identifikazzjoni-e tagħhom.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Il-liġi Belġjana tipprovdi għal diversi metodi ta’ trażmissjoni tad-dokumenti (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 5).

Il-metodu tas-soltu għat-trażmissjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji hu n-notifika b’taħrika minn uffiċjal ġudizzjarju.

L-Artikolu 32 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jiddefinixxi n-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju bħala “t-tqassim tad-dokument oriġinali jew ta’ kopja ta’ dan; dan isir b’taħrika minn uffiċjal ġudizzjarju jew, fil-każijiet stabbiliti bil-liġi, kif indikat mil-liġi”.

Madankollu, il-liġi tiddefinixxi ċerti każijiet li fihom id-dokumenti jistgħu jintbagħtu purament b’notifika bil-posta.

L-Artikolu 32 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jiddefinixxi n-notifika bil-posta bħala “d-dispaċċ tad-dokument proċedurali oriġinali jew ta’ kopja ta’ dan bis-servizz postali jew bil-posta elettronika fuq l-indirizz ġudizzjarju elettroniku jew, fil-każijiet stabbiliti bil-liġi, b’fax jew kif indikat mil-liġi”.

L-Artikolu 14 tar-tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) jiddikjara li n-notifika bil-posta trid issir permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla ta’ l-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti”.

1. Forom ewlenin tan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju

(a) Notifika b'mod personali minn uffiċjal ġudizzjarju (Artikoli 33 u 34 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Skont l-Artikolu 33 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, “notifika minn uffiċjal ġudizzjarju ssir b'mod personali meta l-kopja tad-dokument tingħadda direttament lid-destinatarju. In-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju tista’ ssir b’mod personali kull fejn jista’ jkun l-uffiċjal ġudizzjarju. Jekk id-destinatarju jirrifjuta milli jaċċetta l-kopja tad-dokument, l-uffiċjal ġudizzjarju jieħu nota tar-rifjut fuq l-oriġinal u n-notifika titqies li saret b’mod personali.

L-Artikolu 34 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jżid li “in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju lil persuna ġuridika titqies li tkun saret meta l-kopja tad-dokument tkun ingħaddiet lill-aġenzija jew lil impjegat awtorizzat skont il-liġi, skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni jew skont id-delegazzjoni dovuta biex jirrappreżenta lill-persuna ġuridika fil-proċeduri ġudizzjarji, anki fuq bażi konġunta”.

(b) Notifika minn uffiċjal ġudizzjarju f’domiċilju (Artikolu 35 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

L-Artikolu 35 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jipprovdi li “jekk in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju ma tkunx tista’ ssir b’mod personali, din għandha sseħħ fid-domiċilju jew, fin-nuqqas ta’ domiċilju, fir-residenza tal-indirizz u, fil-każ ta’ persuna ġuridika, il-post tan-negozju rreġistrat jew fl-uffiċċju amministrattiv tagħha. Il-kopja tad-dokument għandha titwassal lil qarib, lil qarib tar-rispett, lil impjegat jew lil qaddej tad-destinatarju. Ma tistax tingħata lil tfal taħt l-età ta’ 16-il sena …”

Skont l-Artikolu 36 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, id-domiċilju hu “l-post elenkat bħala l-indirizz prinċipali għall-persuna fuq ir-reġistri tal-popolazzjoni”, filwaqt li r-residenza hi “kwalunkwe stabbiliment ieħor, bħall-post fejn il-persuna jkollha uffiċċju jew topera negozju jew industrija”.

(c) Notifika bi tħallija ta’ kopja tat-taħrika minn uffiċjal ġudizzjarju (Artikolu 38(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

L-Artikolu 38(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju jipprovdi li meta ma jkunx possibli li d-dokument jiġi nnotifikat b’mod personali minn uffiċjal ġudizzjarju jew fid-domiċilju, “in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju ssir mill-uffiċjal ġudizzjarju li jħalli kopja tat-taħrika f’envelopp issiġillat fid-domiċilju jew, fin-nuqqas ta’ domiċilju, fir-residenza tad-destinatarju”. L-envelopp irid juri ċerta informazzjoni speċifikata mill-Artikolu 44(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

L-Artikolu 38(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju jkompli billi jiddikjara: “Mhux aktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara n-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju taċ-ċitazzjoni, l-uffiċjal ġudizzjarju jibgħat ittra ffirmata lid-domiċilju, jew, fin-nuqqas ta’ domiċilju, fir-residenza tad-destinatarju. L-ittra tindika d-data u l-ħin tal-konsenja u tiddikjara li kopja identika taċ-ċitazzjoni tista’ tinġabar mid-destinatarju b'mod personali jew bi prokura awtorizzata kif xieraq bil-miktub mill-uffiċċju tal-uffiċjal ġudizzjarju fi żmien tliet xhur mid-data li fiha ċ-ċitazzjoni ġiet innotifikata minn uffiċjal ġudizzjarju.”

(b) Stabbiliment ta’ domiċilju (Artikolu 39 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Skont l-Artikolu 39 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, “meta d-destinatarju jkun stabbilixxa d-domiċilju b’aġent, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju u n-notifika bil-posta jistgħu jsiru f’dak id-domiċilju. Jekk il-kopja tingħata lill-aġent personalment fid-domiċilju stabbilit, din titqies bħala notifika b’mod personali minn uffiċjal ġudizzjarju. In-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju fid-domiċilju stabbilit ma tibqax possibbli jekk l-aġent ikun deċedut, ma jibqax iddomiċiljat hemmhekk jew ikun temm l-operazzjonijiet hemmhekk”.

2. Notifika bil-posta permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta

Meta d-dokument jintbagħat b’ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta, jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jinstab fl-indirizz muri fuq l-ittra, titħalla notifika tal-konsenja f’dak l-indirizz. F’dak il-każ, l-ittra tista’ tinġabar mill-post iddeżinjat fuq in-notifika tal-konsenja jew mill-post miftiehem bejn is-servizz postali u d-destinatarju fi żmien 15-il jum, mhux inkluża d-data tar-rimessa.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Meta d-dokument jintbagħat b’ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta, jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jinstab fl-indirizz muri fuq l-ittra, titħalla notifika tal-konsenja f’dak l-indirizz. F’dak il-każ, l-ittra tista’ tinġabar mill-post iddeżinjat fuq in-notifika tal-konsenja jew mill-post miftiehem bejn is-servizz postali u d-destinatarju fi żmien 15-il jum, mhux inkluża d-data tar-rimessa.

Meta d-dokument jiġi nnotifikat minn uffiċjal ġudizzjarju, ir-rekord tan-notifiki minn uffiċjal ġudizzjarju jrid juri d-data tan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju (Artikolu 43 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Meta d-dokument jiġi nnotifikat bil-posta, il-Belġju juża sistema b’data doppja.

Id-data applikabbli għall-emittent tvarja mid-data applikabbli għad-destinatarju tad-dokument.

Għall-emittent, id-data tan-notifika bil-posta hi d-data tad-dispaċċ.

L-Artikolu 53 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju tal-Belġju jiddikjara li, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi, il-perjodu għad-destinatarju għandu jibda mill-għada tad-data li fiha l-ittra ġiet ikkonsenjata fid-domiċilju tiegħu, jew fir-residenza jew fid-domiċilju stabbilit tiegħu, skont kif ikun applikabbli.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Għan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju billi titħalla kopja tat-taħrika, ara aktar ’il fuq: Notifika bi tħallija ta’ kopja tat-taħrika minn uffiċjal ġudizzjarju (Artikolu 38(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Meta d-dokument jiġi nnotifikat minn uffiċjal ġudizzjarju, ma hemm ebda possibbiltà li d-destinatarju joġġezzjona għan-notifika, apparti l-motivazzjoni għar-rifjut imsemmija fl-Artikoli 5 sa 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 (rekwiżit ta’ traduzzjoni) imsemmi aktar ’il fuq.

Meta d-dokument jintbagħat permezz ta’ notifika bil-posta, l-Artikolu 53a tal-Kodiċi Ġudizzjarju jistabbilixxi li, ħlief kif ikun previst mod ieħor bil-liġi, il-perjodu għad-destinatarju għandu jibda mill-għada tad-data li fiha l-ittra tkun ġiet ikkonsenjata fid-domiċilju tiegħu, jew fir-residenza jew fid-domiċilju stabbilit tiegħu, skont kif ikun applikabbli. B'hekk, m’hemm ebda possibbiltà li d-destinatarju joġġezzjona għan-notifika bil-posta rreġistrata b’konferma tar-riċevuta.

Madankollu, destinatarju ta’ notifika b’ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta jista’ mbagħad jikkontesta l-validità ta’ dik in-notifika bil-posta billi juri li hu ma kienx fid-domiċilju tiegħu,jew fir-residenza jew fid-domiċilju stabbilit tiegħu fl-indirizz muri fl-ittra rreġistrata. Għaldaqstant, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju tipprovdi aktar ċertezza tad-dritt minn notifika bil-posta rreġistrata b’konferma tar-riċevuta. Bin-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju, l-uffiċjal ġudizzjarju eżekutorju jivverifika l-indirizz tar-riċevitur fir-Reġistru Nazzjonali ta’ Persuni Fiżiċi. Barra minn hekk, id-data tan-notifika b’ittra rreġistrata ma tistax tiġi stabbilita b’mod affidabbli jekk id-destinatarju ma jkunx immarka d-data fuq il-konferma tar-riċevuta jew iffirmaha meta l-ittra rreġistrata ġiet ippreżentata (għall-ewwel darba) fid-domiċilju, fir-residenza jew fid-domiċilju stabbilit tiegħu, filwaqt li d-data tan-notifika bil-posta dejjem tintwera fuq ir-rekord tan-notifiki minn uffiċjal ġudizzjarju.

Barra minn hekk, mill-ħidma preparatorja fuq ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 imsemmi aktar ’il fuq u, b’mod partikolari, mill-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, ippreżentata mill-Kummissjoni fil-11 ta’ Lulju 2005, jidher li l-emenda tal-Artikolu 14 kienet immirata biex tiġi introdotta “regola uniformi għall-Istati Membri kollha li jikkonċernaw is-servizzi postali [billi jiġi pprovdut għal] rekwiżit uniformi (ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta jew l-ekwivalenti) … Dan ir-rekwiżit jiggarantixxi b’ċertezza suffiċjenti li d-destinatarju jkun irċieva d-dokument, u li jkun hemm biżżejjed provi ta’ dan”. B'hekk, ir-rekwiżit għal konferma tar-riċevuta hu mfassal biex jiżgura ċertezza tad-dritt għall-partijiet. Skont dik il-ħidma preparatorja, ma jistax jiġi stabbilit li d-destinatarju “rċivew” id-dokument jekk ma jkunux iffirmaw il-konferma tar-riċevuta. Madankollu, is-soluzzjoni adottata fl-Artikolu 53 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju tal-Belġju tfisser li n-notifika trid tingħata meta d-dokument jiġi “ppreżentat” fid-domiċilju, fir-residenza jew fid-domiċilju stabbilit tad-destinatarju, mingħajr il-ħtieġa li d-dokument jingħadda lilhom jew li l-konferma tar-riċevuta tiġi ffirmata.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ April 2007 dwar is-servizzi postali (Arrêté royal du 27 avril 2007 portant réglementation du service postal) jiddikjara li l-posta tal-konsenja rreġistrata tikkonsisti f’posta rreġistrata u f’posta b’valur iddikjarat.

Fil-prinċipju, il-posta rreġistrata b’konferma tar-riċevuta tista’ tingħadda lid-destinatarju biss wara l-verifika tal-identità tiegħu, filwaqt li jiffirma l-konferma tar-riċevuta (Artikoli 30, 53 u 54, a contrario, tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ April 2007).

Madankollu, l-Artikolu 57 tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ April 2007 jiddikjara “posta b’konsenja rreġistrata li fuqha l-indirizz jiddeżinja persuna li magħha d-destinatarju jkun stabbilixxa domiċilju tista’ tingħata lil dik il-persuna”.

L-Artikolu 62 tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ April 2007 jiddikjara li “persuni li kapaċi jirċievu korrispondenza, f’konformità mar-regoli tal-liġi ordinarja, għandhom jitqiesu li huma destinatarji tal-korrispondenza indirizzata lil kwalunkwe kumpanija, assoċjazzjoni, organizzazzjoni, ditta u komunità”.

L-Artikolu 58 tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ April 2007 jipprovdi li “posta rreġistrata indirizzata lil minuri li għandhom anqas minn 15-il sena għandha tingħata lill-persuni li jitqiegħdu taħt l-awtorità jew it-tutela tagħhom”.

Finalment, skont l-Artikolu 65 tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ April 2007, posta rreġistrata “tista’ tingħata ... lil aġent tad-destinatarju ... fuq ir-rimessa ta’ awtorità postali li b’mod formali tagħti setgħa ta’ riċevuta tal-oġġetti tal-posta”.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Il-posta tintbagħat fuq l-indirizz indikat, ħlief meta jkun hemm żball ovvju (pereż. isem tat-triq spellut ħażin, numru ħażin tad-dar, kodiċi postali evidentement żbaljat).

Jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jinstab fl-indirizz indikat, il-posta rreġistrata ma tiġix ikkonsenjata, sakemm id-destinatarju ma jkunx talab biex il-posta tintbagħat fuq indirizz differenti permezz ta’ servizz ta’ ridirezzjoni (l-Artikolu 51 tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ April 2007 dwar is-servizzi postali).

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Skont l-Artikolu 60 tad-Digriet Irjali tas-27 ta’ April 2007 dwar is-servizzi postali, “jekk isir tentattiv li ma jirnexxix biex tiġi kkonsenjata l-posta rreġistrata f’domiċilju, għandha titħalla notifika tal-konsenja. F’dawn il-każijiet, il-posta tista’ tinġabar mill-post indikat fuq in-notifika tal-konsenja jew mill-post miftiehem bejn is-servizz postali u d-destinatarju fi żmien 15-il jum, mhux inkluża d-data meta ntbagħtet”.

L-Artikolu 66 tad-Digriet Irjali msemmi hawn fuq tas-27 ta’ April 2007 jiddikjara li: “il-posta li ma setgħetx tiġi kkonsenjata lid-destinatarju ma għandhiex tiġi rritornata lill-emittent ... Posta rreġistrata u kotba dejjem iridu jiġu rritornati”.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Fil-każ ta’ notifika minn uffiċjal ġudizzjarju, l-Artikolu 43 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jistipula li l-persuna li lilha tingħata l-kopja jeħtiġilha tiffirma l-oriġinali. Jekk din tirrifjuta milli tiffirma, l-uffiċjal ġudizzjarju jieħu nota ta’ dak ir-rifjut fuq it-taħrika. B’hekk ikun hemm prova tan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju f’kull każ. Hu diffiċli ħafna li wieħed jikkontesta r-rekord ta’ uffiċjal ġudizzjarju.

Fil-każ ta’ notifika bil-posta, ovvjament ikun hemm prova bil-miktub peress li din issir bil-posta rreġistrata. Fil-każ ta’ notifika ġudizzjarja bil-posta wkoll, l-Artikolu 46 jipprovdi għal prova tar-riċevuta. Dik il-prova tinżamm fil-fajl tal-każ.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

F’ċirkustanzi normali, ir-riskju li d-destinatarju ma jirċivix it-taħrika hu baxx, billi skont il-liġi Belġjana din tiġi nnotifikata minn uffiċjal ġudizzjarju lill-persuna stess. Fi kliem ieħor, l-uffiċjal ġudizzjarju jqassam il-kopja lid-destinatarju b’mod personali. Madankollu, il-liġi tipprovdi wkoll biex id-dokument jiġi nnotifikat minn uffiċjal ġudizzjarju lil terza persuna (l-Artikolu 35 tal-Kodiċi Ġudizzjarju) jew jitħalla f’indirizz (l-Artikolu 38). F’dawn il-każijiet, in-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju titqies kompletament valida anki jekk id-dokument ma jkunx ġie kkonsenjat lid-destinatarju b’mod personali. L-individwi li jkunu rċivew tarika skont l-Artikolu 35 u jonqsu milli jgħadduha jew jinformaw lid-destinatarju jistgħu jkunu soġġetti għal responsabbiltà ċivili. Dawn l-arranġamenti jaħdmu tajjeb ħafna fil-prattika.

Madankollu, il-possibbiltà li tinkiser il-liġi meta jiġi nnotifikat minn uffiċjal ġudizzjarju jew bil-posta dokument ma tistax tiġi eliminata għalkollox (pereż. nuqqas ta’ inklużjoni ta’ ċerta informazzjoni fit-taħrika). Il-penali proċedurali għan-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju jew għan-notifika bil-posta b’mod skorrett hi li d-dokumenti proċedurali jiġu ddikjarati nulli u bla effett. Ir-regoli li jirregolaw in-nullità huma stabbiliti fl-Artikoli minn 860 sa 866 tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

Bħala konklużjoni, jenħtieġ li jiġi nnotat li l-persuni li jikkawżaw nullità jistgħu jinżammu responsabbli jekk jirriżulta li dawn kellhom tort.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

L-uffiċjali ġudizzjarji jirċievu ħlas, bir-rati li huma rregolati mill-Artikolu 522(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

Ir-rati preċiżi, li jridu jiġu rrispettati, huma stabbiliti fid-Digriet Irjali tat-30 ta’ Novembru 1976 li jistabbilixxi r-rati għas-servizzi tal-uffiċjal ġudizzjarju f’kawżi ċivili u kummerċjali u għal ċerti benefiċċji (Arrêté royal du 30 novembre 1976 fixant le tarif des actes accomplis par les huissiers de justice en matière civile et commerciale ainsi que celui de certaines allocations), Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.ejustice.just.fgov.be/cgi_loi/change_lg.pl?language=fr&la=F&cn=1976113030&table_name=loi ).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 19/12/2018