Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

In-notifika ta' atti - Repubblika Ċeka

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna iċ-Ċek ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.

LISTA TAL- KONTENUT

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

In-notifika tad-dokumenti tal-qorti hija kompitu proċedurali li jwettqu l-qrati matul il-proċedimenti ġudizzjarji. Qorti tista' tinnotifika diversi dokumenti marbuta mal-proċedimenti, mal-partijiet fil-proċedimenti, mal-persuni involuti fil-proċedimenti, u persuni oħra (pereżempju miżuri, ċitazzjonijiet, l-għoti ta' sentenza bil-miktub, eċċ).

Fl-interessi taċ-ċertezza legali u sabiex jiġu mħarsa l-partijiet involuti, in-notifika għandha konsegwenzi proċedurali serji. Pereżempju, sentenza mogħtija kif xieraq biss jista' jkollha effett ġuridiku, li jfisser illi jkollha konsegwenzi vinkolanti fuq ir-relazzjonijiet ġuridiċi li għalihom ġiet mogħtija.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Il-konsenja tal-komunikazzjonijiet li għandha effett ġuridiku trid issir formalment. Il-b'żonn għal konsenja formali ġejja mill-ħtieġa tal-qorti illi jkollha prova tal-fatt illi ġiet nnotifikat dokument speċifiku u illi l-effetti rikjesti jmorru lura għal dik in-notifika fil-proċedimenti ġudizzjarji konċernati.

Skont l-Att Nru 99/1963, il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (minn hawn il-quddiem is-"CCP" jew "il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili"), id-dokumenti ġudizzjarji jiġu nnotifikati jew permezz ta' notifika personali jew bil-posta "regolari", skont in-natura tad-dokument. In-notifika personali hija wżata għad-dokumenti li għalihom hija preskritta bil-liġi (pereżempju miżura, lill-konvenut; sentenza, lill-partijiet fil-proċedimenti), jew jekk ordnata mill-qorti. Għad-dokumenti l-oħra tintuża l-posta "regolari".

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Il-korpi li jiżguraw in-notifika tad-dokumenti tal-qorti huma l-qrati, li jinnotifikaw id-dokumenti permezz tal-korpi tas-servizzi (il-korpi tas-servizzi huma l-persunal tal-qorti, korpi ta' Gwardjani Ġudizzjarji, bailiffs tal-qorti u operaturi tas-servizz postali, u taħt ċerti kundizzjonijiet, għal ċerti indirizzi, l-awtoritajiet tas-Servizz tal-Ħabs, istituti jew istituzzjonijiet protettivi edukattivi, faċilitajiet ta' detenzjoni preventiva, kwartieri ġenerali militari reġjonali, il-Ministeru tal-Intern u l-Ministeru tal-Ġustizzja).

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Jekk it-talba tinkludi l-indirizz tad-destinatarju fejn ma setgħetx issir in-notifika b'suċċess, għaliex id-destinatarju ma għadux joqgħod f'dak l-indirizz, il-qorti twettaq investigazzjoni u tipprova tikxef, billi tikkonsulta s-Sistema ta' Informazzjoni tar-Reġistru tal-Popolazzjoni Ċek, l-indirizz tar-residenza permanenti/post ta' negozju ta' individwu, jew l-indirizz tas-sede reġistrata/l-indirizz tal-unità organizzattiva reġistrata fir-reġistru rilevanti f'każ ta' entità ġuridika.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, l-indirizz għan-notifika lil individwu jinkludi l-indirizz tar-residenza permanenti tiegħu u l-indirizz tan-negozju tiegħu; għall-entitajiet ġuridiċi, dan huwa l-indirizz tas-sede reġistrata tagħha reġistrata fir-reġistru rilevanti u l-indirizz tas-sede reġistrata ta' unità organizzattiva. Jekk id-destinatarju għandu kaxxa postali għad-dejta rreġistrata fir-Repubblika Ċeka, il-qorti tibgħat id-dokumenti fil-kaxxa postali tiegħu permezz tan-netwerk tad-dejta pubbliku. It-twassil fil-kaxxa postali titqies bħala konsenja personali. (L-entitajiet ġuridiċi biss irid ikollhom kaxxa postali tad-dejta; għall-individwi, din hija fakultattiva).

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

L-informazzjoni dwar fejn jinsabu attwalment persuni fiżiċi fir-Repubblika Ċeka tista' tinkiseb primarjament mis-Sistema ta' Informazzjoni tar-Reġistru tal-Popolazzjoni Ċeka. Il-qrati kollha fir-Repubblika Ċeka għandhom aċċess għas-sistema u jistgħu jiksbu estratt minnu skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tal-Att Nru 133/2000 dwar ir-reġistru tal-popolazzjoni tal-abitanti u dwar in-numri ta' identifikazzjoni personali (l-Att dwar ir-Reġistru tal-Popolazzjoni) u skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Att Nru 101/2000 dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali u li jemenda ċerti atti. Għat-talbiet li jsiru minn barra l-pajjiż, l-informazzjoni personali mis-sistema ta' informazzjoni tingħata fuq talba ta' persuna minn barra jew mill-ambaxxata ta' stat barrani biss jekk tingħata minħabba trattat internazzjonali li jorbot lir-Repubblika Ċeka (l-Artikolu 8(9) tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Popolazzjoni). Il-qrati fir-Repubblika Ċeka għandhom ukoll aċċess għal sistema ta' informazzjoni dwar ċittadini barranin miżmuma skont l-Att Nru 326/1999 dwar ir-residenza tal-barranin fir-Repubblika Ċeka.

L-informazzjoni dwar entitajiet ġuridiċi u individwi li għandhom negozju, li jgħixu jew li għandhom negozju fir-Repubblika Ċeka u li japplikaw għar-reġistrazzjoni, hija mantnuta f'reġistru pubbliku skont l-Att Nru 304/2013 dwar ir-reġistri pubbliċi tal-entitajiet ġuridiċi u l-individwi. Reġistru pubbliku huwa lista pubblika li fih tiġi reġistrata informazzjoni prevista mil-liġi dwar entitajiet ġuridiċi u individwi li għandhom negozju, u dan ir-reġistru jinkludi Kollezzjoni ta' Dokumenti. Ir-reġistru huwa aċċessibbli kemm għaċ-ċittadini Ċeki u dawk barranin, u kulħadd jista' jikkonsultah u jagħmel kopji jew jieħu estratti minnu. Ir-reġistru pubbliku jinżamm f'forma elettronika u jista' b'hekk jiġi aċċessat minn postijiet il-bogħod ħafna, fl-indirizz li ġej:

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.czso.cz/csu/res/business_register.

L-informazzjoni fuq is-sit elettroniku hija disponibbli mingħajr ħlas. Hemm tariffa ta' CZK 50 għal kull paġna jew parti minn paġna sabiex issir kontroparti, duplikazzjoni jew kopja ta' dokument miżmum fil-kollezzjoni, inklużi estratti mir-Reġistru Kummerċjali biċ-Ċek, jekk ma ssirx verifika, u tariffa ta' CZK 70 bil-verifika.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Skont il-liġi Ċeka, tiftixa dwar indirizz ma tikkostitwix prova. Il-prattika stabbilita mill-qrati tar-Repubblika Ċeka turi illi l-qrati normalment jaċċettaw illi jagħmlu talba skont ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 sabiex jiġi stabbilit fejn tinsab preżentement persuna u biex iwettqu l-investigazzjoni meħtieġa, jekk l-informazzjoni hija meħtieġa minħabba kawża ċivili li għadha għaddejja.

Madankollu, jekk ikun ġie konkluż ftehim bilaterali li għandu dispożizzjonijiet ċari dwar tiftix ta' indirizzi bejn ir-Repubblika Ċeka u Stat Membru ieħor tal-UE, wieħed għandu jimxi skont dak il-ftehim. [1]

Fir-rigward ta' komunikazzjoni ta' indirizz ta' individwu li għandu negozju jew ta' entità ġuridika (tipikament korporazzjoni kummerċjali), il-liġijiet tar-Repubblika Ċeka ma jipprovdux għal xi rekwiżiti legali speċjali biex tingħata dik l-informazzjoni. Kif intqal hawn fuq, l-aċċess għall-informazzjoni f'reġistru pubbliku mhu ristrett bl-ebda mod.


[1] It-tiftix għall-indirizzi ġie miftiehem fi ftehimiet bilaterali ma: il-Belġju, il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, il-Greċja, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Skont il-liġijiet tar-Repubblika Ċeka, qorti tinnotifika dokumenti bil-miktub matul is-seduta ta' smigħ jew matul sessjoni oħra tal-qorti. Jekk ma jintużax dan il-metodu ta' notifika, il-qorti tinnotifika d-dokument lid-destinatarju permezz ta' network tad-dejta pubbliku fil-kaxxa postali tad-dejta tiegħu. Jekk dokument ma jistax jiġi jitwassal permezz ta' network tad-dejta pubbliku, tibgħatu l-qorti, fuq talba tad-destinatarju, f'indirizz ieħor jew indirizz elettroniku.

Jekk dokument ma jistax jiġi nnotifikat b'dawn il-metodi, il-qorti tordna illi n-notifika ssir permezz ta' korp tas-servizzi (għal aktar informazzjoni, ara l-paragrafu 3) jew lil parti fil-proċedimenti jew lir-rappreżentant tagħha għan-notifika tad-dokument (Artikoli 45, 46c, 47 u 48 CCP).

Skont il-kundizzjonijiet previsti b'mod preċiż mil-liġi, qorti tista' wkoll tinnotifika dokument billi ttellgħu fuq bord pubbliku tal-avviż (Artikolu 501 CCP).

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika elettronika tad-dokumenti tfisser notifika minn netwerk tad-dejta pubbliku lil kaxxa postali tad-dejta.

Jekk dan il-metodu ta' notifika mhux possibbli, il-qorti, fuq talba tad-destinatarju, tista' tinnotifika d-dokument fuq indirizz elettroniku provdut mid-destinatarju jekk huwa jkun talab lill-qorti biex tinnotifika d-dokument b'dan il-mezz, jew ikun ta l-kunsens tiegħu għal dan it-tip ta' notifika, u jekk ikun ħatar fornitur ta' servizz ta' ċertifikazzjoni akkreditat li ħareġ ċertifikat ta' kwalità u żamm rekord tiegħu, jew ippreżenta ċertifikat kwalifikat validu. Jekk jintuża dan it-tip ta' notifika, il-qorti titlob lid-destinatarju biex jikkonferma n-notifika lill-qorti fi żmien tliet ijiem mill-konsenja tad-dokumenti, b'messaġġ dejta ffirmat bil-firma elettronika rikonoxxuta tiegħu. Jekk id-dokument mibgħut f'indirizz elettroniku jiġi ritornat il-qorti għaliex ma setgħax jintbagħat, jew jekk id-destinatarju ma jirċevix konferma illi d-dokument wasal fi żmien tliet ijiem mid-data li fih intbagħat, in-notifika ma kienetx effettiva.

L-ebda metodi oħra ta' notifika tad-dokumenti b'mezzi elettroniċi mhuma previsti mil-liġi.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Fir-rigward ta' din il-mistoqsija, ara wkoll l-informazzjoni msemmija hawn fuq, fil-paragrafu 5.

Il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jagħmel distinzjoni bejn żewġ tipi ta' notifika: in-notifika personali, u n-notifika ta' dokumenti oħra.

Jekk qed jiġu notifikati dokumenti li għalihom liġi jew qorti tiddetermina illi għandhom jiġu nnotifikati personalment, u l-korp tan-notifika ma jistax isib lid-destinatarju, id-dokument jiġu miżmum f'fergħa tal-posta jew il-qorti u jitħalla avviż bil-miktub għad-destinatarju, fejn jintalab jiġbor id-dokument (ara iktar l-isfel, il-paragrafu 7.2.).

Jekk id-dokumenti qed jiġu nnotifikati mingħajr ma jkun hemm previst notifika personali għalihom (magħruf bħala n-notifika ta' dokumenti oħra), id-dokumenti jintbagħtu fil-kaxxa postali tad-destinatarju jekk ma jinstabx, u d-dokument jitqies notifikat meta jitpoġġa fil-kaxxa postali. Jekk id-dokument ma jistax jitħalla fil-kaxxa postali, il-qorti tinnotifikah billi ttellgħu fuq il-bord tal-avviżi uffiċjali tagħha (l-Artikolu 50 CCP).

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Id-dokumenti li jridu jiġu nnotifikati personalment jitqiesu mibgħuta fl-għaxar jum wara d-data li fiha d-dokument kien lest għall-ġbir (jiġifieri mid-data li fiha d-dokument twassal f'uffiċju tal-posta jew il-qorti, jew meta avviż li talab għall-ġbir tad-dokument twaħħal fuq il-bord tal-avviżi uffiċjali tal-qorti, jekk l-avviż ma jistax jitħalla fil-post ta' konsenja). Dokument jitqies li ġie nnotifikat anke jekk id-destinatarju ma kienx jaf illi d-dokument kien ġie ddepożitat. Jekk jiskadi l-perjodu ta' għaxart'ijiem u ma jseħħ xejn, il-korp tan-notifika jitfa d-dokument fil-kaxxa postali tad-destinatarju u fin-nuqqas, jirritorna d-dokument lill-qorti li bagħtitu u jwaħħal avviż fuq il-bord tal-avviżi uffiċjali tal-qorti. Għal xi dokumenti, in-notifika sostitwita mhix permessa mil-liġi jew minn deċiżjoni tal-qorti - wara l-iskadenza tal-perjodu ta' għaxart'ijiem, id-dokumenti jiġu ritornati lill-qorti li bagħtithom mingħajr ma titqies li saret notifika (l-Artikolu 49(5) tas-CCP).

Id-dokumenti notifikati permezz ta' network tad-dejta pubbliku jitqiesu li ġew notifikati personalment. Dokument notifikat f'kaxxa postali tad-dejta jitqies li ġie nnotifikat meta l-persuna li, skont l-awtorizzazzjoni li għandha, għandha dritt taċċessa d-dokument, tidħol fil-kaxxa postali. Jekk dik il-persuna ma tidħolx fil-kaxxa postali fi żmien għaxart'ijiem minn meta d-dokument ġie nnotifikat fil-kaxxa postali, id-dokument jitqies li wasal fl-għaxar jum; dan mhux il-każ jekk in-notifika sostituta ma tistax issir għal dan id-dokument (l-Artikolu 17(3) u (4) tal-Att Nru 300/2008 dwar l-azzjonijiet elettroniċi u l-konverżjoni awtorizzata tad-dokumenti).

Id-dokumenti l-oħra (dawk li mhumiex intiżi għan-notifika personali) jitqiesu notifikati fid-data li fih jitpoġġew f'kaxxa postali, jew, jekk notifikati permezz ta' twaħħil fuq il-bord ta' avviżi uffiċjali tal-qorti, fl-għaxar jum wara t-twaħħil.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Id-destinatarju jiġi nfurmat b'dokument li ġie depożitat f'uffiċċju tal-posta b'avviż bil-miktub fejn jintalab jiġbor id-dokument, li jkun tħalla għalih mill-awtorità tan-notifika bżmod xieraq (normalment, billi jitqiegħed fil-kaxxa postali tiegħu). Jekk l-avviż ma jistax jitħalla fil-post fejn sar tentattiv ta' konsenja, l-awtorità tan-notifika tirritorna d-dokument lill-qorti li bagħtitu u l-qorti toħroġ avviż fejn titlob il-ġbir tad-dokument minn fuq il-bord tal-avviżi uffiċjali tagħha.

It-talba jrid ikun fiha d-dettalji speċifikati fl-Att (l-Artikolu 50h tas-CCP), b'mod partikolari t-tip ta' qorti, id-dokument li qed jiġi notifikat, id-destinatarju u l-indirizz tiegħu, l-awtorità tan-notifika u l-ismijiet u l-kunjomijiet ta' min qed jagħmel in-notifika, u l-firma tiegħu. Jekk in-notifika ta' sostituzzjoni ma tiġix eskluża, l-avviż irid ikun fih ukoll twissija dwar il-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta' ġbir tad-dokument. Huwa jgħid ukoll ma min, fejn u f'liema data d-dokument ikun lest għall-ġbir, u d-data li fiha u d-data sa meta u l-ħinijiet li fihom jista' jinġabar.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Ir-rifjut ta' notifika ta' dokument huwa regolat mill-Artikolu 50h tas-CCP, li jistipula illi jekk destinatarju jew riċevitur jirrifjuta n-notifika ta' dokument, id-dokument jitqies li ġie notifikat fid-data meta ġiet rifjutata n-notifika. Id-destinatarju jrid jiġi nfurmat bil-konsegwenzi. Skont il-liġi Ċeka, l-istess notifika fittizja sseħħ jekk id-destinatarju jirrifjuta li juri l-identità tiegħu jew li juri kooperazzjoni meħtieġa għan-notifika kif xieraq. F'dak il-każ, id-dokument jitqies li ġie notifikat fid-data meta seħħew ir-rifjut ta' turija ta' identità jew ta' kooperazzjoni. Skont il-liġi Ċeka, l-ebda eżami ma jsir dwar jekk ir-rifjut kienx leġittimu jew le, u n-notifika fittizja sseħħ awtomatikament, mal-att ta' rifjut.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Meta twettaq notifiki barra l-pajjiż, il-Posta Ċeka tuża metodu simili għal dak domestiku. Dan ifisser illi sakemm l-envelope jew il-karta tal-konsenja ma tispeċifikax illi l-oġġett jista jiġi nnotifikat biss personalment, huwa jista' jiġi nnotifikat mhux biss lid-destinatarju iżda wkoll lill-aġent tiegħu, rappreżentant statutorju jew l-aġent tar-rappreżentant statutorju tiegħu, soġġett għall-istess kundizzjonijiet tad-destinatarju Ż(jiġifieri jrid juri l-identità tiegħu u jikkonferma li rċieva d-dokument billi jiffirmah).

Barra minn hekk, skont it-Termini u Kundizzjonijiet tal-Posta, oġġett postali jista' jasal fil-post speċifikat mill-indirizzat postali minn:

1. Jekk l-oġġett postali huwa indirizzat lil individwu:

- Individwu li jqatta' l-ħin f'appartament, uffiċċju, stabbiliment, jew bini magħluq ieħor li fuqu għandu l-isem u l-kunjom tad-destinatarju jew kunjom identiku għal dak tad-destinatarju u li jikkonferma li rċieva l-oġġett bil-firma tiegħu;

2. Jekk l-oġġett postali huwa indirizzat lil entità ġuridika:

- Individwu li jikkonferma li aċċetta l-oġġett bil-firma tiegħu u t-timbru tad-destinatarju;

- Individwu li jikkonferma li aċċetta l-oġġett bil-firma tiegħu u juri illi huwa persuna awtorizzata;

- Individwu li jqatta' l-ħin f'appartament, uffiċċju, stabbiliment, jew bini magħluq ieħor li fuqu għandu l-isem tad-destinatarju li jiddikjara illi d-destinatarju ma jużax timbru u jikkonferma li rċieva l-oġġett bil-firma tiegħu u jniżżel ismu u kunjomu;

Jekk dokument ma jiġix imwassal b'suċċess lil din il-persuna, l-uffiċċju tal-posta jista' jgħaddih lil persuna xierqa, b'mod partikolari xi ġar tad-destinatarju li jaqbel illi jtih l-oġġett u jikkonferma li rċieva l-oġġett bil-firma tiegħu.

Dan huwa eskluż jekk:

a) Id-destinatarju ta lill-Posta Ċeka dikjarazzjoni fejn jgħid illi ma jaqbilx ma' dan il-metodu ta' konsenja;

b) Id-destinatarju ta lill-Posta Ċeka dikjarazzjoni fejn jgħid illi l-Posta Ċeka biss tista' twassallu l-oġġetti postali;

c) Il-prezz iddikjarat jaqbeż CZK 10 000 (l-Artikolu 25(6) tat-Termini u l-Kundizzjonijiet Postali).

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Jekk qed issir in-notifika ta' dokument skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (jiġifieri permezz tas-servizz postali, minflok l-aġenzija riċevitriċi) u l-oġġett postali ma ġiex imwassal, l-oġġett jiġi depożitat u jitħalla avviż lid-destinatarju fil-kaxxa tal-ittri tiegħu id-dar, fejn jintalab jiġbor l-oġġett postali fi żmien speċifiku f'uffiċċju postali speċifiku. Jekk huwa jonqos milli jagħmel dan fiż-żmien mogħti għal dan il-għan, l-oġġett postali jiġi ritornat lil min bagħtu bħala oġġett li ma setax jitwassal.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

F'każ illi n-notifika personali tkun qed tuża s-servizzi tal-posta ta' stat ieħor, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 14 tar-Regolament, id-destinatarju jista' jiġbor l-oġġett postali fi żmien 15-il jum mid-data li fiha l-oġġett kien lest għall-ġbir. Id-destinatarju jiġi nfurmat dwar id-depożitu tal-oġġett postali permezz ta' avviż bil-miktub fejn jintalab jiġbor l-oġġett, li s-servizz ta' notifika jkun ħalla fil-kaxxa tal-ittri tad-dar tiegħu.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Meta qorti tkun qed tinnotifika dokument matul seduta ta' smigħ jew xi proċedimenti ieħor tal-qorti li fih jiġu prodotti r-rekords tal-qorti, dan jiġi indikat fir-rekords. Minbarra partikolari oħra (l-Artikolu 40(6) CCP), ir-rekords iridu juru n-natura tad-dokument. Il-protokoll irid jiġi ffirmat mill-persuna li nnotifikatu, u mir-riċevitur.

Għan-notifika permezz ta' network tad-dejta pubbliku f'kaxxa postali elettronika, ara aktar il-fuq , paragrafu 7.2.

Jekk id-dokument jiġi nnotifikat permezz ta' network tad-dejta pubbliku fuq indirizz elettroniku, in-notifika tiġi dokumentata permezz ta' messaġġ elettroniku mid-destinatarju ffirmat bil-firma elettronika rikonoxxuta tiegħu, li biha jikkonferma illi rċieva d-dokument.

Jekk il-qorti qed tinnotifika dokument matul proċediment il-qorti fejn ma jiġu prodotti l-ebda rekords tal-qorti, jew permezz ta' korp tan-notifika, it-tip ta' dokument jiġi mmarkat fuq il-karta tan-notifika. Karta tan-notifika hija dokument pubbliku. Sakemm mhux provdut mod ieħor, id-dejta mniżżla fuq il-karta tan-notifika titqies korretta.

Il-karta tan-notifika jrid ikun fiha:

a) it-tip tal-qorti li titlob in-notifika tad-dokument;

b) it-tip ta' korp tan-notifika;

c) it-tip ta' dokument li qed jiġi notifikat;

d) it-tip ta' destinatarju u l-indirizz li fih se jiġi notifikat id-dokument;

e) dikjarazzjoni mill-korp tan-notifika li jindika d-data li fiha d-destinatarju ma nstabx, id-data li fiha d-dokument ingħata lid-destinatarju jew lir-riċevitur, id-data li fiha d-dokument kien lest għall-ġbir, id-data li fiha ġiet rifjutata in-notifika jew ma ngħatatx il-kooperazzjoni meħtieġa għan-notifika xierqa tad-dokument;

f) is-siegħa u l-minuti tan-notifika, jekk ġie mitlub "il-ħin preċiż tan-notifika";

g) l-isem u l-kunjom ta' min qed iwettaq in-notifika, il-firma tiegħu, u kopja tat-timbru uffiċjali tal-korp tan-notifika;

h) l-isem u l-kunjom tal-persuna li aċċettat id-dokument jew irrifjutat in-notifika jew irrifjutat li tikkoopera sabiex issir notifika kif xieraq tad-dokument, jekk din l-informazzjoni hija magħrufa mal-korp tan-notifika, informazzjoni dwar ir-relazzjoni tal-persuna mad-destinatarju jekk id-dokument jiġi aċċettat f'isem id-destinatarju, u l-firma ta' dik il-persuna;

i) informazzjoni dwar jekk hux eskluż it-tqegħid tad-dokument f'kaxxa postali.

Jekk id-dokument ġie depożitat, il-karta tan-notifika jrid ikun fiha informazzjoni dwar jekk tħalliex avviż għad-destinatarju biex jiġbor id-dokument.

Jekk id-destinatarju jew riċevitur jiġbru d-dokument depożitat, il-karta tan-notifika jrid ikun fiha wkoll:

a) l-isem u l-kunjom ta' min ikkonsenja d-dokument, il-firma tiegħu, u kopja tat-timbru uffiċjali tal-korp tan-notifika;

b) dikjarazzjoni mill-korp tan-notifika li tindika d-data li fiha d-dokument ġie miġbur;

c) is-siegħa u l-minuti tan-notifika, jekk ġie mitlub "il-ħin preċiż tan-notifika";

d) l-isem u l-kunjom tal-persuna li ġabret id-dokument, u l-firma tagħha.

Jekk id-destinatarju jew riċevitur jirrifjutaw in-notifika ta' dokument jew ma jikkooperax b'mod illi n-notifika ssir kif xieraq, il-karta tan-notifika jrid ikun fiha wkoll informazzjoni dwar jekk ingħatawx struzzjonijiet, bil-miktub jew bil-fomm, dwar il-konsegwenzi ta' rifjut ta' notifika tad-dokument jew tan-nuqqas ta' kooperazzjoni, u dwar u kif ir-rifjut tan-notifika tad-dokument kien iġġustifikat jew dwar in-natura tan-nuqqas ta' kooperazzjoni.

Jekk id-dokument jiġi nnotifikat bil-"metodu tas-soltu" u mhux lid-destinatarju jew riċevitur, il-karta tan-notifika jrid ikun fiha wkoll:

a) dikjarazzjoni mill-korp tan-notifika li tindika d-data li fiha d-dokument tqiegħed fil-kaxxa tal-ittri tad-dar jew kaxxa postali oħra wżata mid-destinatarju;

b) is-siegħa u l-minuti tan-notifika, jekk ġie mitlub "il-ħin preċiż tan-notifika";

c) l-isem u l-kunjom ta' min qed iwettaq in-notifika, il-firma tiegħu, u kopja tat-timbru uffiċjali tal-korp tan-notifika;

Jekk ir-riċevitur ma jistax jikkonferma n-notifika ta' dokument bil-firma tiegħu, individwu xieraq ieħor għajr min qed iwettaq in-notifika jrid jikkonferma l-konsenja lir-riċevitur billi jiffirma l-karta tan-notifika.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Il-liġijiet tar-Repubblika Ċeka ma jipprovdux għal possibiltà illi jkun hemm rimedju għal metodu difettuż tan-notifika. Jekk il-proċedura statutorja ma tiġix osservata waqt in-notifika ta' dokument speċifiku, id-dokument irid jerġa jiġi nnotifikat.

Minħabba li l-liġijiet tar-Repubblika Ċeka jipprovdu għal notifika "sostituta" u n-notifika fittizja tirrigwarda dan, hemm il-possibiltà ta' notifika mhux effettiva f'każijiet fejn id-destinatarju ma jkunx jista' jikseb id-dokument minħabba ostaklu oġġettiv.

Notifika mhux effettiva tiġi ddikjarata mill-qorti li għandha ġuriżdizzjoni, fuq talba esklussiva tal-parti li hija d-destinatarja tad-dokument speċifiku (bl-eċċezzjoni ta' proċedimenti mhux litiġjużi, meta qorti tista' teżamina wkoll l-effetti tan-notifika ex offcio). Rikors għandu jiġi ppreżentat fi żmien ħmistax mid-data li fiha d-destinatarju jsir jaf bid-dokument li qed jiġi notifikat, jew li seta' sar jaf bih. Il-qorti tiddikjara illi n-notifika ma kienetx effettiva biss jekk id-destinatarju ma jkunx jista' jsir jaf bid-dokument minħabba raġuni skużabbli. Għalhekk, il-parti trid tindika dawk il-provi fir-rikors tagħha illi jappoġġjaw l-osservanza taż-żmien mogħti għan-notifika (il-perjodu ta' ħmistax-il jum imsemmi hawn fuq) u l-ġustifikazzjoni għar-rikors tiegħu. Raġunijiet skużabbli jistgħu jinkludu mard, bżonn ta' sptar, eċċ, jiġifieri raġunijiet li jinvolvu ostaklu oġġettiv li ma jħallix lill-parti ssir taf bid-dokument. In-notifika ma tistax tiġi ddikjarata mhux effettiva jekk id-destinatarju konxjament jaħrab min-notifika jew jekk ma jkunx joqgħod b'mod permanenti fl-indirizz mogħti għan-notifika (il-partijiet huma obbligati jagħtu indirizz għan-notifika tal-post fejn jgħixu kurrentement).

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

Bħala regola, l-ispejjeż tan-notifika jitħallsu mill-qorti li tinnotifika d-dokument.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 06/03/2019