Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

In-notifika ta' atti - Estonja

LISTA TAL- KONTENUT

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

In-notifika ta' dokument ġudizzjarju jfisser in-notifika ta' dokument lir-riċevent tiegħu b'mod li jippermetti lir-riċeventi jeżaminaw id-dokument fil-ħin biex jeżerċitaw u jipproteġu d-drittijiet tagħhom. Il-Kapitolu 34 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi diversi manjieri ta' notifika, inkluża notifika b'ittra rreġistrata, elettronikament, permezz ta' bailiff, notifika lil rappreżentant tar-riċevitur, notifika ta' dokument ġudizzjarju permezz ta' trażmissjoni, u b'dikjarazzjoni pubblika permezz tal-ippubblikar tagħha fil-publikazzjoni Ametlikud Teadaanded (Dikjarazzjonijiet Uffiċjali). Sabiex dokument ġudizzjarji jitqies bħala notifikat, l-att tal-konsenja tad-dokument irid jilħaq ir-rekwiżiti legali, u jkun dokumentat fil-format imħejji għal dan l-għan.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Skont l-Artikolu 306(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, id-dokumenti segwenti jiġu innotifikati minn qorti lill-parteċipanti fi proċediment: id-dikjarazzjoni ta’ pretensjoni, id-dikjarazzjoni tal-appell u annessi għal din, taħrik, deċiżjonijiet ġudizzjarji, deċiżjonijiet dwar it-tmiem ta' proċedimenti, u kull dokument ġudizzjarju ieħor speċifikat mil-liġi.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Il-qorti tirranġa għan-notifika ta' dokumenti ġudizzarji permezz ta' fornitur professjonali ta' servizzi postali, bailiff, gwardja tas-sigurtà ġudizzjarju jew, f'konformità mar-regoli interni tal-qorti, xi uffiċjal kompetenti ieħor tal-qorti. Tista' ukoll tinnotifika d-dokumenti b'mod ieħor speċifikat mil-liġi. Parteċipant f'każ li jkun ressaq dokument li jkollu bżonn jiġi nnotifikat jew li jeħtieġ dokument ġudizzjarju ieħor li għandu jiġi nnotifikat jista' jitlob lill-qorti sabiex tirranġa għan-notifika tad-dokument b'mod indipendenti. Parteċipant fi proċediment jista' jinnotifika dokumenti ġudizzjarji biss permezz ta' bailiff. Fit-tali każ, in-notifika u d-dokumentazzjoni tan-notifika jsiru taħt l-istess kundizzjonijiet bħas-servizz mill-qorti permezz ta' bailiff. Il-qorti tivvaluta jekk id-dokument ġudizzjarju jistax jitqies bħala notifikat.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

L-istituzzjoni li tirċievi t-talba (il-Ministeru tal-Ġustizzja (Justiitsministeerium) jew il-qorti) tivverifika wkoll, barra mid-dejta eżistenti, il-fatt li l-persuna tkun irreġistrata fir-Reġistru tal-Popolazzjoni (Rahvastikuregister) u / jew ir-Reġistru Kummerċjali (Äriregister).

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Ir-Reġistru Kummerċjali jista' jintuża minn kulħadd mingħajr ħlas u huwa possibbli li wieħed jara' l-indirizzi ta' kumpaniji hawnhekk. Ir-Reġistru Kummerċjali jista' jinsab fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://ariregister.rik.ee/.

Sabiex jiġi stabbilit l-indirizz ta' persuna privata, tista' ssir domanda uffiċjali sabiex tinkiseb dejta mdaħħla fir-Reġistru tal-Popolazzjoni. Id-domanda trid tistabbilixxi għalfejn id-dejta hija meħtieġa sabiex il-proċessuri tad-data jiddeċiedu dwar jekk il-ħruġ tad-dejta huwiex ġustifikat. Ir-Reġistru tal-Popolazzjoni huwa amministrat miċ-Ċentru tal-IT u l-Iżvilupp tal-Ministeru tal-Intern (Siseministeerium), li s-sit web tiegħu jikkontjeni informazzjoni dwar domandi, u huwa disponibbli fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.smit.ee/.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Il-qrati jipproċessaw it-talbiet internazzjonali għan-notifika ta' dokumenti u t-teħid ta' evidenza mit-taħrik, jiġifieri l-qrati għandhom obbligu li jagħmlu kull sforz sabiex jistabbilixxu l-indirizz tal-persuna kkonċernata.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Id-deċiżjoni dwar kif dokument jiġi nnotifikat issir ġeneralment mill-korp li jmexxi l-proċedimenti. Madankollu, jeħtieġ li l-qrati jinnotifikaw id-dokumenti primarjament b'mod elettroniku, permezz tal-portal pubbliku tal-Fajl elettroniku rilevanti jew bil-posta elettronika. Ir-rekwiżit li tiġi prijoritizzata n-notifika tad-dokumenti b'mod elettroniku mhuwiex stabbilit fil-liġi, iżda jgħin lill-qorti sabiex tiffranka fuq l-ispejjeż postali. Ix-xejra ġenerali hija waħda ta' żieda kostanti fl-użu tan-notifika elettronika. Wara li tqis in-notifika elettronika, il-qorti tqis alternattivi oħra, bħal notifika permezz tal-posta, notifika minn messaġġier tal-qorti u diversi għażliet oħra stabbiliti mil-liġi.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika elettronika hija permessa fil-proċedimenti kollha.

Skont l-Artikolu 3111 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, id-dokumenti ġudizzjarji huma nnotifikati b'mod elettroniku permezz tas-sistema ta' informazzjoni magħżula, billi tintbagħat nota lill-parteċipanti fil-proċedimenti sabiex tinfurmahom li d-dokument huwa disponibbli fis-sistema. Il-qorti tirrendi d-dokumenti ġudizzjarji kollha, inkluż id-deċiżjonijiet tal-qorti, disponibbli minnufih lill-parteċipanti fil-proċedimenti permezz tas-sistema ta' informazzjoni, irrispettivament minn kif id-dokumenti ġew notifikati lill-parteċipanti matul il-proċedimenti. Tenħtieġ il-karta tal-identità sabiex wieħed jilloggja fis-sistema ta' informazzjoni. Dokument ġudizzjarju jitqies li jkun ġie nnotifikat meta r-riċevitur jiftħu fis-sistema ta' informazzjoni jew jikkonferma riċevuta mingħajr ma jiftaħ id-dokument. L-istess japplika jekk dan isir minn persuna oħra, li lilha r-riċevitur ikun ta aċċess sabiex jara' d-dokumenti fis-sistema ta' informazzjoni. Is-sistema ta' informazzjoni tirreġistra n-notifika tad-dokument b'mod awtomatiku.

Jekk riċevitur ma jistax jiġi mistenni li juża s-sistema ta' informazzjoni użata sabiex jinnotifika d-dokumenti ġudizzjarji, jew jekk in-notifika ta' dokumenti permezz tas-sistema ta' informazzjoni hija teknikament impossibbli, il-qorti tista' wkoll tinnotifika d-dokumenti ġudizzjarji elettronikament b'mod ieħor. F'dan il-każ, id-dokument jitqies li jkun innotifikat meta r-riċevitur jikkonferma r-riċevuta tad-dokument ġudizzjarju bil-miktub, bil-faks jew elettronikament. Il-konferma trid tistabbilixxi d-data tar-riċevuta tad-dokument u jkollha l-firma tar-riċevitur jew tar-rappreżentant tiegħu. Il-konferma mħejjija f'forma elettronika jrid ikollha l-firma digitali tal-ispeditur jew tiġi trażmessa b'mod sikur ieħor li jagħmilha possibbli li jiġi identifikat l-ispeditur u l-ħin meta ntbagħtet, sakemm il-qorti ma għandha ebda raġuni li tiddubita li l-konferma mingħajr firma diġitali ntbagħtet mir-riċevitur jew ir-rappreżentant tiegħu. Il-konferma trid tintbagħat lill-qorti mingħajr dewmien. Qorti tista' timmulta parteċipant fi proċediment jew ir-rappreżentant tiegħu jekk jikser dan l-obbligu.

Id-dokumenti ġudizzjarji jistgħu jiġu nnotifikati biss lill-avukati, nutara, bailiffs, trustees f'falliment u aġenziji statali jew lokali tal-gvern b'mod ieħor għajr metodu elettroniku jekk ikun hemm raġuni valida għal dan.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Skont l-Artikolu 322(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk ir-riċevitur ta' dokument ġudizzjarju ma jistax jinsab f'daru jew darha, id-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat jekk ikun ġie kkonsenjat lil persuna li jkollha mill-inqas erbatax-il sena li tgħix mar-riċevitur jew li sservi lill-familja tar-riċevitur. Is-subartikolu 2 tal-istess artikolu jistipula li, minflok ma dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat fuq ir-riċevitur, dan jista' jiġi nnotifikat fuq l-assoċjazzjoni tal-appartamenti li jiġġestixxi l-bini tal-appartament fejn tinsab id-dar jew fejn jinsab in-negozju tar-riċevitur, l-amministratur ta' proprjetà konġunta jew is-sid tar-riċevitur. Bl-istess mod, dan jista' jiġi nnotifikat lill-impjegatur tar-riċevitur jew lil persuna oħra li lilha r-riċevitur jipprovdi servizzi abbażi ta' kuntratt. Dokument ġudizzjarju jitqies li jkun ġie nnotifikat lir-riċevitur skont s-subartikolu 3 anki jekk dan ikun innotifikat lil rappreżentant tar-riċevitur b'wieħed mill-modi speċifikati fis-subartikli 1 u 2 tal-istess artikolu. Skont l-Artikolu 322(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat lil persuna li sservi fil-forzi tad-difiża, li tkun qed tiskonta piena jew li tkun qed toqgħod fi stabbiliment tal-kura tas-saħħa jew post simili għal perjodu ta' żmien mtawwal, sakemm id-dokument jiġi kkonsenjat lill-kap tal-istabbiliment jew lil xi ħadd maħtur minnu, dejjem jekk ma jiġix stabbilit mod ieħor mil-liġi.

L-Artikolu 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li, jekk dokument ikun qed jiġi nnotifikat lil persuna fiżika li jkollha attività ekonomika jew professjonali, iżda din il-persuna ma tibqax fil-post tan-negozju fil-ħinijiet tax-xogħol regolari jew ma tistax tirċievi d-dokument, f'dan il-każ id-dokument ikun jista' jiġi kkonsenjat lil impjegat li ġeneralment jibqa' fil-post tan-negozju tar-riċevitur, jew lil persuna li ġeneralment tipprovdi servizzi lir-riċevitur fuq bażi kuntrattwali simili. L-istess japplika wkoll, skont is-subartikolu 2, għal notifika ta' dokumenti lil persuni ġuridiċi, aġenziji amministrattivi, nutara u bailiffs, kif ukoll fil-każ ta' notifika ta' dokument lir-rappreżentant tar-riċevitur jew lil kull persuna oħra li tista' tiġi nnotifikata bid-dokument minflok ir-riċevitur.

Skont l-Artikolu 326 (1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dokument ġudizzjarju li ma jistax jiġi nnotifikat għax ma jistax jiġi kkonsenjat fil-post tad-dar jew tan-negozju tar-riċevitur jew tar-rappreżentant tiegħu jista' jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat jekk jitħalla fil-kaxxa postali li tappartjeni lill-bini tad-dar jew tan-negozju, jew f'post simili li r-riċevitur jew ir-rappreżentant tiegħu juża biex jirċievi l-ittri u li jkun jipproteġi d-dokument kontra l-elementi f'ċirkustanzi normali. Dokument ġudizzjarju jista' jiġi nnotifikat b'dan il-mod lill-assoċjazzjoni tal-appartamenti li tiġġestixxi l-bini tal-appartamenti fejn jinsab il-post tad-dar jew tan-negozju tar-riċevitur, l-amministratur ta' proprjetà li tappartjeni lil iktar minn persuna waħda jew is-sid tar-riċevitur, kif ukoll lill-impjegatur tar-riċevitur jew persuna oħra li lilha r-riċevitur jipprovdi servizzi abbażi ta' kuntratt biss jekk ikun impossibbli li d-dokument jiġi nnotifikat lir-riċevitur jew lir-rappreżentant tiegħu personalment. Il-fatt li d-dokument jiġi nnotifikat bil-mod deskritt fis-subartikolu (1) ta' dan l-Artikolu huwa, skont is-subartikolu 2 tal-istess Artikolu, permess biss jekk ikunu saru sforzi sabiex jiġi kkonsenjat id-dokument ġudizzjarju lir-riċevitur personalment f'għallinqas żewġ okkażjonijiet li jkunu tlitt ijiem imbegħdin minn xulxin u f'ħinijiet differenti, u jekk ikun impossibbli wkoll li d-dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat lil persuna oħra li tkun qed tgħix fil-bini tad-dar jew tan-negozju f'konformità mal-Artikolu 322(1) jew l-Artikolu 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

L-Artikolu 327 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jippermetti wkoll sabiex id-dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat billi jiġi trażmess f'post speċifiku. Skont l-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dwar il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 326 tal-Kodiċi, dokument jista' wkoll jiġi trażmess lill-uffiċċju postali, lill-muniċipalità rurali jew lill-gvern tal-belt responsabbli għall-post tan-notifika tad-dokument, jew lill-uffiċċju tal-qorti tal-kontea fil-ġuriżdizzjoni territorjali fejn jinsab il-post għan-notifika tad-dokument.

Skont l-Artikolu 317(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, abbażi ta' deċiżjoni tal-qorti, parteċipant fi proċedimenti jista' jkun innotifikat b'dokument ġudizzjarju b'dikjarazzjoni pubblika jekk:

  1. l-indirizz tal-parteċipant fil-proċedimenti mhuwiex imdaħħal fir-reġistru jew il-persuna ma tgħix fl-indirizz imdaħħal fir-reġistru u l-qorti ma għandha ebda mod ieħor li tkun taf l-indirizz tal-persuna jew fejn din qed toqgħod, u d-dokument ma jistax jiġi kkonsenjat lil rappreżentant tal-persuna jew lil persuna awtorizzata li tirċievi d-dokument jew bi kwalunkwe mod ieħor previst f'dan l-Artikolu;
  2. in-notifika tad-dokument fi stat barrani f'konformità mar-rekwiżiti titqies bħala impossibbli;
  3. id-dokument ma jistax jiġi nnotifikat billi l-post tan-notifika huwa d-dar ta' persuna extraterritorjali.

Skont l-Artikolu 317(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, estratt minn dokument suġġett għal notifika pubblika huwa ppubblikat fil-pubblikazzjoni Ametlikud Teadaanded. Il-qorti li tisma' l-kawża tista' tagħti deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta' pubblikazzjoni tal-estratt f'pubblikazzjonijiet oħra wkoll.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Jekk dokument jiġi nnotifikat skont l-Artikoli 322 u 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dan jitqies li jkun ġie nnotifikat ladarba jkun ġie kkonsenjat lill-persuna li lilha d-dokument jeħtieġ li jiġi kkonsenjat f'konformità mal-Artikoli 322 u 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Jekk dokument jiġi nnotifikat billi jitpoġġa f'kaxxa postali skont l-Artikolu 326 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dan jitqies li jkun ġie nnotifikat ladarba jkun ġie impostat fil-kaxxa postali.

Jekk dokument jiġi nnotifikat billi jiġi trażmess, skont l-Artikolu 327(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dan jitqies li jkun ġie nnotifikat ladarba jkunu għaddew tliet ijiem minn meta jkun tħalla jew intbagħat l-avviż bil-miktub speċifikat fis-subartikolu 2 tal-istess Artikolu. Id-data tan-notifika titniżżel fuq l-envelopp tad-dokument.

Fil-każ ta' notifika pubblika, dokument ġudizzjarju jitqies li jkun ġie nnotifikat ladarba jkunu għaddew 30 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-estratt fil-Ametlikud Teadaanded (Artikolu 317(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-qorti li tisma' l-kawża tista' tistabbilixxi terminu itwal sabiex dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat. F'dan il-każ, it-terminu jiġi ppubblikat flimkien man-notifika pubblika tad-dokument.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Jekk dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat billi jiġi trażmess, skont is-subartikolu 327(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għandu jitħalla jew jintbagħat avviż bil-miktub dwar dan fl-indirizz tar-riċevitur. Jekk dan ikun impossibbli, l-avviż jitħalla mal-bieb tad-dar, fil-post tan-negozju jew tas-soġġorn tar-riċevitur jew jinħareġ lil persuna li toqgħod fil-viċinat tiegħu sabiex tgħaddih lir-riċevitur. L-avviż irid jiddikjara ċarament li d-dokument li ġie trażmess intbagħat mill-qorti u li d-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat minn meta dan ikun ġie trażmess, u t-termini fil-proċedimenti jistgħu jibdew jiskattaw mill-bidu ta' dak iż-żmien.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Skont l-Artikolu 325 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk persuna tirrifjuta li taċċetta dokument mingħajr raġuni valida, id-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat lill-persuna minn meta din tirrifjuta li taċċetta d-dokument. F'dan il-każ, id-dokument jitħalla fid-dar jew fil-post tan-negozju tar-riċevitur, jew jitpoġġa fil-kaxxa postali tiegħu. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe post jew kaxxa postali, id-dokument jintbagħat lura lill-qorti.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Skont l-Artikolu 316(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jkopri l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u abbażi ta' dan ir-Regolament, id-dokumenti huma nnotifikati fl-Estonja f'konformità mal-proċedura stabbilita għan-notifikazzjoni ta' dokumenti ġudizzjarji fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Id-dokumenti ma jistgħux jiġu nnotifikati permezz ta' dikjarazzjoni pubblika.

Skont l-Artikolu 313(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dokument ġudizzjarju li huwa nnotifikat jista' jingħata lil persuna li mhijiex ir-riċevitur biss fil-każijiet previsti fil-Parti VI tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Din il-persuna trid tagħti d-dokument lir-riċevitur mal-ewwel ċans li jkollha. Hija tista' tirrifjuta li taċċetta d-dokument għall-konsenja lir-riċevitur biss jekk hija tipprova li mhijiex kapaċi li tikkonsenja d-dokument lir-riċevitur. L-obbligu li tikkonsenja d-dokument irid jiġi spjegat lill-persuna. Id-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat irrispettivament minn jekk din l-ispjega ingħatatx jew le.

B'hekk, skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huwa possibbli wkoll li jiġu applikati l-modi ta' notifika deskritti fil-punt 2.1 iktar 'il fuq u previsti fl-Artikoli 322 u 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili:

Skont l-Artikolu 322(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk ir-riċevitur ta' dokument ġudizzjarju ma jinstabx f'daru jew darha, id-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat jekk ikun ġie kkonsenjat lil persuna li jkollha mill-inqas erbatax-il sena li tgħix mar-riċevitur jew li sservi lill-familja tar-riċevitur. Is-subartikolu 2 tal-istess artikolu jistipula li, minflok ma dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat fuq ir-riċevitur, dan jista' jiġi nnotifikat fuq l-assoċjazzjoni tal-appartamenti li tiġġestixxi l-bini tal-appartament fejn tinsab id-dar jew fejn jinsab in-negozju tar-riċevitur, l-amministratur ta' proprjetà konġunta jew is-sid tar-riċevitur. Bl-istess mod, dan jista' jiġi nnotifikat lill-impjegatur tar-riċevitur jew persuna oħra li lilha r-riċevitur jipprovdi servizzi abbażi ta' kuntratt. Dokument ġudizzjarju jitqies li jkun ġie nnotifikat lir-riċevitur skont is-subartikolu 3 anki jekk dan ikun innotifikat lil rappreżentant tar-riċevitur b'wieħed mill-modi speċifikati fis-subartikli 1 u 2 tal-istess artikolu. Skont l-Artikolu 322(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat lil persuna li sservi fil-forzi tad-difiża, li tkun qed tiskonta piena jew li tkun qed toqgħod fi stabbiliment tal-kura tas-saħħa jew post simili għal perjodu ta' żmien mtawwal, sakemm id-dokument jiġi kkonsenjat lill-kap tal-istabbiliment jew lil xi ħadd maħtur minnu, dejjem jekk ma jiġix stabbilit mod ieħor mil-liġi.

L-Artikolu 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li, jekk dokument ikun qed jiġi nnotifikat lil persuna fiżika li jkollha attività ekonomika jew professjonali, iżda din il-persuna ma tibqax fil-post tan-negozju fil-ħinijiet tax-xogħol regolari jew ma tistax tirċievi d-dokument, f'dan il-każ id-dokument ikun jista' jiġi kkonsenjat lil impjegat li ġeneralment jibqa' fil-post tan-negozju tar-riċevitur, jew lil persuna li ġeneralment tipprovdi servizzi lir-riċevitur fuq bażi kuntrattwali simili. L-istess japplika wkoll, skont is-subartikolu (2), għal notifika ta' dokumenti lil persuni ġuridiċi, aġenziji amministrattivi, nutara u bailiffs, kif ukoll fil-każ ta' notifika ta' dokument lir-rappreżentant tar-riċevitur jew lil kull persuna oħra li tista' tiġi nnotifikata bid-dokument minflok ir-riċevitur.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

F'konformità mat-tieni sentenza tal-Artikolu 316(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ebda dikjarazzjoni pubblika ma tista' tintuża meta jiġi nnotifikat dokument ġudizzjarju skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Huwa possibbli li jiġi nnotifikat dokument ġudizzjarju billi jiġi impostat f'kaxxa postali, skont l-Artikolu 326 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jew, f'konformità mal-Artikolu Artikolu 327 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, billi jiġi trażmess id-dokument ġudizzjarju.

Skont l-Artikolu 326(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dokument ġudizzjarju li ma jistax jiġi nnotifikat għax ma jistax jiġi kkonsenjat fil-post tad-dar jew tan-negozju tar-riċevitur jew tar-rappreżentant tiegħu jista' jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat jekk jitħalla fil-kaxxa postali li tappartjeni lill-bini tad-dar jew tan-negozju, jew f'post simili li r-riċevitur jew ir-rappreżentant tiegħu juża biex jirċievi l-ittri u li jipproteġi d-dokument kontra l-elementi f'ċirkustanzi normali. Dokument ġudizzjarju jista' jiġi nnotifikat b'dan il-mod lill-assoċjazzjoni tal-appartamenti li tiġġestixxi l-bini tal-appartamenti fejn jinsab il-bini tad-dar jew tan-negozju tar-riċevitur, lill-amministratur ta' proprjetà li tappartjeni lil iktar minn persuna waħda jew lis-sid tar-riċevitur, kif ukoll lill-impjegatur tar-riċevitur jew lil persuna oħra li lilha r-riċevitur jipprovdi servizzi abbażi ta' kuntratt biss jekk ikun impossibbli li d-dokument jiġi nnotifikat lir-riċevitur jew lir-rappreżentant tiegħu personalment. Il-fatt li d-dokument jiġi nnotifikat bil-mod deskritt fis-subartikolu (1) ta' dan l-Artikolu huwa, skont is-subartikolu (2) tal-istess Artikolu, permess biss jekk ikunu saru sforzi sabiex jiġi kkonsenjat id-dokument ġudizzjarju lir-riċevitur personalment f'għallinqas żewġ okkażjonijiet li jkunu tlitt ijiem imbegħdin minn xulxin u f'ħinijiet differenti, u jekk ikun impossibbli wkoll li d-dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat lil persuna oħra li tkun qed tgħix fil-bini tad-dar jew tan-negozju f'konformità mal-Artikolu 322(1) jew l-Artikolu 323 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

L-Artikolu 327 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jippermetti wkoll li d-dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat billi jiġi trażmess f'post speċifiku. Skont l-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dwar il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 326 tal-Kodiċi, dokument jista' ukoll jiġi trażmess lill-uffiċċju postali, lill-muniċipalità rurali jew lill-gvern tal-belt responsabbli għall-post tan-notifika tad-dokument, jew lill-uffiċċju tal-qorti tal-kontea fil-ġuriżdizzjoni fejn jinsab il-post għan-notifika tad-dokument.

Billi l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jistipula li d-dokumenti ġudizzjarji jridu jingħataw b'konferma tar-riċevuta, mhuwiex ċert jekk in-notifika, kif applikata fil-każijiet stabbiliti fl-Artikoli 326 u 327 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, hijiex ammissibbli.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Skont l-Artikolu 6(1) tar-"Rekwiżiti għat-trażmissjoni ta' ittri reġistrati u oġġetti inxurjati fil-qafas tas-servizz postali universali" approvat bir-Regolament Nru 57 tal-Ministru tal-Affarijiet Ekonomiċi u tal-Komunikazzjonijiet tat-22 ta' Ġunju 2006, jekk ir-riċevitur ta' oġġett ta' korrespondenza mhuwiex fil-post tar-residenza jew lokazzjoni tiegħu jew tagħha fil-ħin tan-notifika, jitħalla avviż lir-riċevitur mill-uffiċċju postali l-aktar qrib fil-lokazzjoni inkwistjoni, fejn jiġi spjegat li l-konsenja saret.

Jekk l-ispeditur ma għamilx notazzjonijiet oħra fl-avviż tal-konsenja dwar is-servizz b'mod ieħor, id-dokumenti ġudizzjarji jinżammu fl-uffiċċju postali sa 15-il jum mit-tieni tentattiv ta' spedizzjoni, sakemm l-ispeditur ma jkunx ta perjodu ta' żmien differenti. Ladarba l-perjodu jiskadi, id-dokumenti ġudizzjarji jintbagħtu lura formalment lill-ispeditur flimkien mar-raġunijiet tar-ritorn, u jingħataw lir-rappreżentant tal-ispeditur li jiffirmahom (Termini u kundizzjonijiet tan-notifika ta' AS Eesti Post għall-konsenja ta' dokumenti ġudizzjarji).

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Skont l-Artikolu 306(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta dokument ġudizzjarju huwa nnotifikat, l-att tal-konsenja jrid jilħaq ir-rekwiżiti formali previsti mil-liġi u jiġi ddokumentat fil-format preskritt għal dan l-għan. Skont l-Artikolu 307(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, id-dispaċċ ta' dokument ġudizzjarju intiż għan-notifika jrid jiddaħħal fil-fajl tal-qorti. Skont l-Artikolu 3111 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, is-sistema ta' informazzjoni magħżula tirreġistra n-notifika ta' dokument ġudizzjarju b'mod awtomatiku (ara d-deskrizzjoni tan-notifika permezz tas-sistema ta' informazzjoni fil-punt 6 iktar 'il fuq). Skont l-Artikolu 313 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, in-notifika ta' dokument b'ittra reġistrata hija ċertifikata permezz tal-avviż tal-konsenja. Meta dokument jintbagħat b'ittra li ma tkunx reġistrata jew b'faks, dan jitqies li jkun ġie nnotifikat jekk ir-riċevitur jibgħat lill-qorti konferma dwar ir-riċevuta tad-dokument b'ittra, faks jew b'mod elettroniku, kif magħżul mir-riċevitur. Il-konferma trid tistabbilixxi d-data tar-riċevuta tad-dokument u jkollha l-firma tar-riċevitur tad-dokument jew tar-rappreżentant tiegħu. Skont l-Artikolu 315(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, avviż tal-konsenja tiġi stabbilita fir-rigward ta' notifika ta' dokument ġudizzjarju minn bailiff, uffiċjal tal-qorti jew persuna jew istituzzjoni oħra. Wara n-notifika, l-avviż ta' notifika jintbagħat lura lill-qorti mingħajr dewmien.

Man-notifika ta' dokument ġudizzjarju abbażi tal-Artikolu 3141 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk dan ikun innotifikat meta jintbagħat, issir nota fil-fajl, li tistabbilixxi fejn u meta d-dokument jew l-informazzjoni dwar kif dan isir disponibbli jkun intbagħat/tkun intbagħtet, sakemm l-ispedizzjoni tiġi rreġistrata b'mod awtomatiku fis-sistema ta' informazzjoni maħluqa għal dan l-għan.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Skont l-Artikolu 307(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk dokument, li kellu jiġi nnotifikat jew li jista' jiġi nnotifikat lil parteċipant fi proċediment skont il-liġi, ikun wasal għandu matul il-proċediment iżda ma kienx possibbli li n-notifika tiġi ċċertifikata, jew jekk kien hemm ksur tal-proċedura ta' notifika prevista mil-liġi, id-dokument jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat lill-parteċipant fil-proċediment biss minn meta d-dokument ikun wasal fil-fatt għand ir-riċevitur.

Man-notifika b'ittra reġistrata skont l-Artikolu 313 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti tista' tqis avviż ta' konsenja li ma jissodisfax ir-rekwiżiti formali previsti fis-subartikli 3 u 4 tal-istess Artikolu bħala li huwa adegwat għall-iskop ta' notifika jekk in-notifika għadha ddokumentata b'mod affiddabbli fl-avviż ta' konsenja. Jekk il-qorti ma tistax tqis dokument ġudizzjarju bħala li jkun ġie nnotifikat billi l-fornitur tas-servizzi postali naqas milli jinnotifika d-dokument korrettament, il-qorti tista' tagħti d-dokument ġudizzjarju lill-fornitur tas-servizzi postali sabiex jiġi nnotifikat mill-ġdid b'ebda spejjeż għall-qorti. Eżempji ta' nuqqas milli d-dokument jiġi nnotifikat korrettament jinkludu li ma jintużawx l-għażliet kollha msemmija f'dan l-Att meta d-dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat b'ittra reġistrata, meta d-dokument ġudizzjarju jiġi kkonsenjat lil persuna li lilha ma kellux jiġi kkonsenjat skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-artikolu, in-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 326 ta' dan il-Kodiċi għan-notifika ta' dokument ġudizzjarju meta dan jiġi impostat f'kaxxa postali jew fl-Artikolu 327 ta' dan il-Kodiċi għan-notifika ta' dokument ġudizzjarju permezz ta' trażmissjoni, jew meta n-notifika ma tiġix innotata korrettament, b'tali mod li jwassal sabiex in-notifika ma tistax titqies bħala li tkun twettqet.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

Abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007, in-notifika ta' materjali hija ġeneralment bla ħlas, barra minn jekk tintalab in-notifika permezz ta' bailiff.

Jekk id-dokumenti ġudizzjarji ġew innotifikati permezz ta' bailiff, il-ħlas pagabbli lil bailiff għan-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji huwa, skont l-Artikolu 48(2) tal-Att dwar il-Bailiffs, ta' EUR 30 jekk id-dokumenti setgħu jiġu nnotifikati fuq id-destinatarju jew ir-rappreżentant legali tiegħu: 1) permezz tad-dejta tal-indirizz jew tat-telekommunikazzjonijiet imdaħħla fir-Reġistru tal-Popolazzjoni jew permezz tal-indirizz tal-posta elettronika: isikukood@eesti.ee; jew 2) f'indirizz imdaħħal fir-reġistru tal-proprjetarji uniċi u persuni ġuridiċi li jkun hemm fl-Estonja permezz tad-dejta ta' telekommunikazzjonijiet irreġistrata fis-sistema ta' informazzjoni tar-reġistru msemmi aktar 'il fuq. Skont is-subartikolu 3, jekk dokument ġudizzjarju ma setax jiġi nnotifikat anki jekk il-bailiff għamel dak kollu li kien meħtieġ u raġonevolment possibbli għan-notifika tad-dokument skont il-proċedura stabbilita fil-liġi, il-bailiff għandu d-dritt li jitlob tariffa ta' EUR 30 billi jagħti deċiżjoni dwar it-tariffa tal-bailiff u l-istrument tan-notifika dwar liema passi jkun ħa l-bailiff sabiex jinnotifika d-dokument. F'każijiet oħra barra minn dawk speċifikati fis-subartikli 2 u 3, it-tariffa applikabbli lil bailiff għan-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji hija ta' EUR 60.

L-ammont tal-ispejjeż postali jinsab fil-lista tal-prezzijiet tal-fornitur ta' servizz; ebda tariffa fissa ma ġiet irregolata fuq livell leġiżlattiv. Il-prezz ivarja skont il-piż tal-ittra, il-post fejn qed tiġi nnotifikata, eċċ. Il-prezz medju fl-2014 kien ta' EUR 5,70 għal kull pakkett li jkun fih id-dokument. Meta ntuża messaġġier tal-qorti, il-kost ta' kull pakkett li jkun fih id-dokument kien ta' EUR 6,20.

Aktar informazzjoni tista' tinsab fi: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018