Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

In-notifika ta' atti - Ungerija

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ungeriż diġà ġew tradotti.

LISTA TAL- KONTENUT

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

Abbażi tal-Att III tal-1952 dwar il-proċeduri ċivili ("Att III tal-1952"), li jirregola l-proċeduri ċivili u jipprovdi r-regoli ta' sfond għal proċeduri barra mill-qorti, id-dokumenti tal-qorti għandhom jiġu nnotifikati, bħala regola ġenerali, bil-posta.

L-għan li jiġu nnotifikati d-dokumenti uffiċjali huwa li d-destinatarji jiġu informati bil-kontenut tad-dokumenti, iżda b'mod li jippermetti lill-ispedituri li jipprovaw li d-dokumenti ġew trażmessi lid-destinatarji. L-att innifsu, id-data tiegħu u r-riżultat tan-notifika jridu jkunu murija. Id-dokumenti uffiċjali jistgħu jintbagħtu b'ittra reġistrata bil-konferma tar-riċevuta intiża b'mod speċjali għal dan it-tip ta' notifika.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Skont l-Att CLIX tal-2012 dwar is-servizzi postali ("Att CLIX tal-2012"), id-dokumenti li jridu jkunu nnotifikati uffiċjalment huma dawk li fil-każ tagħhom l-ispedizzjoni jew in-notifika (jew tentattiva ta' notifika) jew id-data tagħhom ikollhom konsegwenzi ġuridiċi bil-liġi, dawk li jipprovdu l-bażi għal kalkulazzjoni tal-iskadenzi statutorji jew dawk li huma kklassifikati bħala dokumenti uffiċjali permezz tal-liġi.

Skont l-Att III tal-1952, f'kawżi ċivili, is-segwenti jridu definittivament jiġu kkomunikati permezz ta' notifika:

a) is-sentenzi fil-konfront tal-partijiet;

b) l-ordnijiet li jingħataw matul il-proċess, lill-parti li ma ġietx imħarrka debitament għall-proċess;

c) l-ordnijiet mogħtija matul il-proċess f'konnesjoni mal-iffissar ta' data ta' skadenza ġdida, jew li jistgħu jkunu suġġetti għal appell speċjali, lill-parti li naqset milli tkun preżenti għall-proċess;

d) ordnijiet mogħtija barra mill-proċess, lill-parti kkonċernata;

e) id-deċiżjonijiet kollha maħruġa fil-kors tal-proċedura, lill-persuna li fl-interess tagħha l-prosekutur jew il-persuna jew l-organizzazzjoni awtorizzata abbażi ta' leġiżlazzjoni separata bdiet il-proċedura.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Il-qorti u l-fornitur tas-servizz postali huma responsabbli min-notifika ta' dokumenti, abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli għalihom.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Ma hemm ebda tali obbligu, iżda mhuwiex eskluż, pereżempju, li l-qorti tista' tivverifika l-indirizz kurrenti tal-kumpanija mniżżla fir-reġistru kummerċjali u tirranġa għan-notifika konsegwentement.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

L-indirizz residenzjali ta' persuni fiżiċi:

Fl-Ungerija, ir-reġistru ċentrali ta' indirizzi residenzjali jinżamm minn Közigazgatási és Elektronikus Közszolgáltatások Központi Hivatala [Uffiċċju Ċentrali għal Servizzi Pubbliċi Amministrattivi u Elettroniċi] ("KEKKKH"); indirizz: H–1450 Budapest, Pf.: 81., Telefown: 36-1-452-3622, Faks: 36-1-455-6875, indirizz elettroniku: nyilvantarto.hivatal@mail.ahiv.hu, sit web: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.kekkh.gov.hu/hu/adatszolgaltatas_szemelyi. Huwa possibbli li dan ir-reġistru jintuża biex jinkisbu d-dettalji tal-indirizz ta' persuni identifikabbli b'mod individwali. It-tali applikazzjonijiet jistgħu jitressqu minn persuni privati, persuni jew entitajiet ġuridiċi mingħajr personalità ġuridika, sakemm dawn jiġġustifikaw l-iskop u l-bażi ġuridika għall-użu ta' din id-dejta.

L-applikazzjoni tista' titressaq, bil-miktub, personalment fl-uffiċċju distrettwali kompetenti għad-domiċilju jew għall-post tar-residenza (uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju) tal-entità li qedtitlob id-dejta jew għall-post tar-residenza tal-persuna kkonċernata, fid-Dipartiment tal-KEKKH għas-Servizz Personali tal-Konsumaturi (indirizz postali H–1553 Budapest, Pf. 78.) jekk l-uffiċċju distrettwali ma jistax iforni d-dejta jew ma jistax iforniha fil-pront minħabba raġunijiet tekniċi, jew barra mill-pajjiż fir-rappreżentazzjoni barranija Ungeriża kompetenti għall-indirizz residenzjali barrani (ara l-lista tat-tali uffiċċji hawnhekk).

L-applikazzjoni trid ikun fiha s-segwenti:

• id-dettalji tal-applikant, l-isem, l-indirizz, l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tal-applikant jew ir-rappreżentant tiegħu;

• l-enumerazzjoni eżatta tad-dejta mitluba;

• l-iskop għall-użu tad-dejta;

• id-dettalji ta' identifikazzjoni ta' persuna fiżika li jistgħu jintużaw sabiex tiġi identifikata l-persuna msemmija fl-applikazzjoni (isem, post u data tat-twelid, kunjom tal-omm xebba) jew l-isem u l-indirizz residenzjali magħruf mill-applikant (isem tal-lokalità, isem taż-żona pubblika, numru tad-dar).

Id-dokumenti li jridu jiġu mehmuża mal-applikazzjoni:

• id-dokument li jiġġustifika l-bażi ġuridika għall-użu ta' din id-dejta;

• iċ-ċertifikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tar-rappreżentant tal-applikant jekk ikun qed jaġixxi f'isem entità oħra (awtorizzazzjoni oriġinali bil-miktub jew kopja attestata tagħha). L-awtorizzazzjonijiet maħruġa barra mill-pajjiż iridu jkunu dokumenti uffiċjali jew dokumenti privati ċertifikati li jkollhom postilla sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor fi ftehim internazzjonali. Bħala regola ġenerali, id-dokumenti maħruġa f'lingwa oħra li mhijiex l-Ungeriż huma aċċettati biss jekk jiġu akkumpanjati minn traduzzjoni ċċertifikata.

It-tmexxija tal-proċedura hija suġġetta għal tariffa sussegwenti għas-servizzi amministrattivi:

• għall-forniment ta' dejta li tirrigwarda minn persuna waħda sa ħames persuni: HUF 3 500;

• għall-forniment ta' dejta li tirrigwarda aktar minn ħames persuni: in-numru ta' persuni kkonċernati multiplikat bir-rata ta' HUF 730 għal kull oġġett.

Fil-każ ta' applikazzjonijiet trażmessi minn barra jew permezz tar-rappreżentazzjoni Ungeriża barranija li hija kompetenti għall-post tar-residenza tal-applikant, it-tariffa trid titħallas sussegwentement bħala tariffa konsulari fir-rappreżentazzjoni Ungeriża barranija kompetenti.

Kumpaniji:

Fil-każ ta' kumpaniji, id-dejta l-iktar importanti fir-reġistru kummerċjali, inkluż l-indirizz, hija disponibbli mingħajr ħlas fuq is-sit web segwenti, bl-Ungeriż: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.e-cegjegyzek.hu/

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Ir-Regolament mhuwiex ċar dwar jekk it-talbiet immirati għall-iskoperta tal-indirizzi residenzjali jaqgħux fl-ambitu tiegħu. Għalhekk, hija l-qorti li għandha tiddeċiedi jekk taċċettax it-tali talbiet. Madankollu, il-qrati Ungeriżi jistgħu jitolbu d-dettalji tal-indirizz b'xejn mill-KEKKH, u għalhekk l-aċċettazzjoni tat-tali talba għal assistenza legali mhijiex eskluża fil-prattika.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Skont id-Digriet Governattiv Nru 335/2012 tal-4 ta' Diċembru 2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati li jirregolaw is-servizzi postali u n-notifika ta' dokumenti uffiċjali ("id-Digriet Governattiv Nru 335/2012"), il-fornitur tas-servizzi postali jinnotifika d-dokumenti uffiċjali, mibgħuta b'konferma tar-riċevuta, billi jikkonsenjahom personalment lid-destinatarju jew lil riċevitur awtorizzat ieħor.

Jekk id-destinatarju huwa persuna fiżika u mhuwiex preżenti fl-indirizz fil-ħin tat-tentattiv ta' notifika, id-dokument uffiċjali jrid jiġi nnotifikat lill-persuna awtorizzata preżenti hemmhekk. Fl-assenza tat-tali persuna, id-dokument jista' wkoll jiġi nnotifikat lir-riċevitur alternattiv preżenti hemmhekk (il-qraba tad-destinatarju 'il fuq minn 14-il sena).

Fil-każ ta' organizzazzjoni, il-persuna intitolata li tirċievi d-dokumenti huwa r-rappreżentant tal-organizzazzjoni, li jista' ikun wieħed mis-segwenti: eżekuttiv (l-uffiċjal kap eżekuttiv, il-maniġer, impjegat eżekuttiv, jew kull persuna oħra awtorizzata li tiffirma għall-kumpanija jew li tirrapreżenta l-organizzazzjoni f'termini ġenerali), rappreżentant għan-notifika, aġent tan-notifika, likwidatur, amministratur, jew kull persuna fiżika impjegata fil-kamra tal-posta tal-organizzazzjoni (jekk l-organizzazzjoni jkollha waħda).

Il-fornitur ta' servizz jista' wkoll jinnotifika l-ittra permezz tal-organizzazzjoni li topera fil-post indikat fl-indirizz (servizz indirett), jekk id-domiċilju tad-destinatarju, post tar-residenza jew post tax-xogħol ikun entità tal-armi, faċilità tal-kura tas-saħħa jew faċilità soċjali, ħabs, lukanda, ħostel għall-istudenti, ħostel għall-ħaddiema jew post turistiku. L-entità ta' notifika indiretta hija obbligata li taċċetta l-ittra u li tiżgura li din hija kkonsenjata lid-destinatarju.

Skont id-Digriet Governattiv Nru 335/2012, il-fornitur ta' servizz jagħmel żewġ tentattivi sabiex jinnotifika l-ittra mibgħuta bħala dokument uffiċjali. Jekk l-ewwel tentattiv ifalli billi d-destinatarju jew ir-riċevitur awtorizzat ma jkunx preżenti fl-indirizz, il-fornitur ta' servizz iħalli warajh avviż li jkun fih l-informazzjoni speċifikata fil-liġi, jagħmel id-dokument uffiċjali disponibbli fil-punt tal-konsenja indikat fl-avviż, u jagħmel tentattiv ieħor fil-ħames jum ta' xogħol li jiġi wara n-notifika li ma tkunx irnexxiet. Jekk it-tieni tentattiv ifalli, il-fornitur ta' servizz jerġa' jħalli warajh avviż għad-destinatarju (li jkun fih l-informazzjoni speċifikata mil-liġi) u jagħmel id-dokument uffiċjali disponibbli fis-servizz tal-punt tal-konsenja indikat fl-avviż għal ħamest ijiem ta' xogħol mid-data tat-tieni tentattiv tan-notifika. Sakemm isir it-tieni tentattiv tan-notifika, id-dokument uffiċjali jista' jinġabar mill-punt tal-konsenja indikat, wara li jippreżentaprova tal-identità. Jekk id-dokument uffiċjali mhuwiex ikkonsenjat sad-data tal-iskadenza fit-tieni avviż, fil-jum ta' xogħol li jmiss il-fornitur ta' servizz jirritorna d-dokument uffiċjali u l-konferma tar-riċevuta bl-indikazzjoni "il-ġbir ma ġiex eżegwit".

F'dan il-każ, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att III tal-1952, id-dokument irid jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat fil-ħames jum ta' xogħol mid-data tat-tieni tentattiv ta' notifika, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor (għajr jekk id-dokument ikun ġie nnotifikat lil riċevitur alternattiv u r-riċevitur alternattiv kien il-parti li qed toġġezzjona). Fil-każ tan-notifika ta' dokument li jibda proċedimenti jew deċiżjoni fuq il-mertu li jikkonkludi l-proċedimenti, il-qorti tinnotifika l-partijiet dwar il-preżunzjoni li n-notifika tkun seħħet, u t-tali avviż irid ikun akkumpanjat mid-dokument uffiċjal li f'konnessjoni miegħu l-qorti tkun stabbiliet il-preżunzjoni li n-notifika tkun seħħet.

Id-destinatarju jista' ukoll jiġbor id-dokument destinat għalih fl-uffiċċju tal-qorti, wara li jippreżenta prova tal-identità.

L-Att LIII tal-1994 dwar il-proċedimenti ta' infurzar ("ATT LIII tal-1994") jirregola n-notifika mill-bailiff bħala metodu alternattiv ta' notifika permess fil-każ ta' deċiżjonijiet sostantivi li jikkostitwixxu l-bażi għall-infurzar, fejn il-preżunzjoni tan-notifika tkun daħlet fis-seħħ u l-parti intitolata li tressaq it-talba għall-infurzar tkun espressament talbet dan u tkun ħalset parti mill-ispejjeż bil-quddiem. Skont l-Att LIII tal-1994, il-bailiff jista' wkoll jinnotifika d-dokumenti ta' infurzar personalment. Fit-tali każijiet, in-notifika trid tiġi mniżżla f'rapport. Jekk il-proċedura tfalli, id-dokumenti jridu jiġu nnotifikati skont ir-regoli ġenerali applikabbli għan-notifika ta' dokumenti uffiċjali.

Barra minn dak li ntqal hawn fuq, fil-każijiet speċifikati mil-liġi, in-notifika tista' titwettaq minn entitajiet speċjali ta' notifika, pereż. permezz ta' persunal tal-qorti (pereż. bin-notifika ta' taħrikiet quddiem il-qrati ċivili f'każijiet urġenti).

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Skont il-kapitolu "Komunikazzjoni elettronika f'kawżi ċivili" tal-Att III tal-1952, fil-kawżi ċivili kollha kif ukoll fil-proċedimenti ċivili speċifikati mil-liġi (pereż. proċedimenti ta' infurzar, proċedimenti ta' likwidazzjoni), il-komunikazzjoni tista' wkoll issir permezz ta' mezzi elettroniċi jekk aċċettati mill-parti, irrispettivament mid-destinatarju nnifsu. Fil-każ ta' komunikazzjoni elettronika, id-dokumenti jiġu nnotifikati b'mezzi elettroniċi permezz ta' sistema kompjuterizzata użata għal servizz elettroniku.

Permezz tas-sistema ta' notifika, il-parti tirċievi notifika, fl-indirizz elettroniku pprovdut, tan-notifika tad-dokument, li jfisser ippostjar fl-ispazju għal notifika elettronika.

Il-parti tista' tirċievi d-dokument billi tiftaħ il-ħolqa tal-internet li tkun qed tindika d-dokument, azzjoni li tiġi ikkonfermata permezz ta' konferma elettronika ta' riċevuta mibgħuta b'mod elettroniku lill-ispeditur u lill-parti. Qabel il-ftuħ tal-ħolqa tal-internet, is-sistema ta' notifika trid tindika lill-parti tal-inqas l-isem tal-ispeditur, id-data tal-wasla tad-dokument u n-numru tal-każ.

Jekk il-parti ma tiġborx id-dokument mibgħut sa ħamest ijiem ta' xogħol li jiġu wara li l-ispazju għal notifika elettronika jsir disponibbli, id-dokument irid jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat fil-jum ta' xogħol segwenti (preżunzjoni ta' notifika). Jekk ikun xieraq li jiġi stabbilit li l-preżunzjoni ta' notifika tkun daħlet fis-seħħ, l-ispeditur u l-parti jirċievu notifika awtomatika permezz tas-sistema tan-notifika.

F'każijiet urġenti, jistgħu jiġu kkonsenjati taħrikiet għal konvokazzjoni quddiem il-qrati ċivili permezz tal-posta elettronika anki fin-nuqqas ta' kuntatt elettroniku.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Skont l-Att III tal-1952, jekk il-post tar-residenza tal-parti mhuwiex magħruf jew huwa fi stat li ma jipprovdix assistenza legali għan-notifika jew hemm ostakli oħra li jipprekludu n-notifika jew jekk it-tentattiv ta' notifika jidher minn qabel li mhuwiex probabbli li jirnexxi jew jekk il-parti ma tispeċifikax aġent għan-notifika minkejja r-rekwiżit statutorju jew jekk mhuwiex possibbli li ssir notifika lil dik il-persuna, in-notifika trid issir permezz ta' reklamar fuq powsters. Bħala regola ġenerali, il-qorti tista' tordna n-notifika permezz ta' reklamar fuq powsters biss wara talba mill-parti u biss meta jkun hemm raġuni probabbli li tipprovdi l-bażi għal dan.

Ir-reklamar fuq powsters irid jintwera għal ħmistax-il jum fuq l-avviżiera tar-reklamar tal-qorti u fuq l-avviżiera tar-reklamar tal-uffiċċju tas-sindku lokali tal-aħħar post tar-residenza magħruf tal-parti. Barra minn dan, dan irid jiġi ppubblikat fuq is-sit web ċentrali tal-qrati.

Jekk dokument li jibda l-proċedimenti jrid jiġi nnotifikat lill-parti konvenuta permezz ta' reklamar fuq powsters, il-qorti taħtar aġent għall-parti konvenuta u d- dokument li jibda l-proċedimenti jiġi nnotifikat ukoll lill-aġent.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Fil-każ ta' notifika permezz ta' reklamar fuq powsters, id-dokumenti jridu jitqiesu bħala li jkunu ġew notifikati fil-ħmistax il-jum mit-turija tar-reklamar fuq l-avviżiera tar-reklamar tal-qorti.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Skont l-Att CLIX tal-2012, il-fornitur ta' servizz u d-destinatarju jistgħu jaqblu li jeħtieġ li l-ittra għad-destinatarju tiġi nnotifikata mhux fl-indirizz indikat fuq l-ittra iżda f'indirizz ieħor (b'mod partikolari, f'indirizz ta' riorjentament, kaxxa postali jew punt ieħor ta' konsenja). Skont id-Digriet Governattiv Nru 335/2012, il-fornitur tas-servizz postali jipprovdi informazzjoni mal-wasla ta' dokumenti uffiċjali destinati għal kaxxa postali billi jħalli avviż fil-kaxxa anki jekk id-dokument uffiċjali huwa destinat għall-kaxxa postali iżda mhuwiex għal-lokatarju tal-kaxxa postali.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Skont l-Att III tal-1952, id-dokumenti tal-qorti mibgħuta bil-posta jridu jitqiesu bħala li jkunu notifikati fid-data tat-tentattiv tan-notifika jekk id-destinatarju jirrifjuta espliċitament li jaċċetta n-notifika.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Fil-każ ta' notifika skont l-Artikolu 14 tar-Regolament, il-fornitur tas-servizz postali fl-Ungerija ma jkollu ebda informazzjoni li l-ittra riċevuta minn barra 'il pajjiż jkun dokument uffiċjali. Għalhekk, huwa ma japplikax ir-regoli partikolari applikabbli għan-notifika ta' dokumenti uffiċjali iżda biss ir-regoli domestiċi ġenerali applikabbli għal ittri reġistrati (bil-konferma tar-riċevuta).

Fil-każ ta' persuni awtorizzati sabiex jirċievu dokumenti, is-sewenti japplikaw ukoll barra mill-punt 5, fir-rigward ta' dokumenti uffiċjali. Jekk id-destinatarju hija persuna fiżika, il-lokatur tal-proprjetà fl-indirizz inkwistjoni jew il-fornitur ta' akkomodazzjoni tad-destinatarju jista' ukoll ikun ir-riċevitur alternattiv, jekk dik il-persuna hija persuna fiżika. Fil-każ ta' organizzazzjonijiet, il-persuni intitolati li jirċievu d-dokumenti fil-kors tan-notifika fil-post tal-organizzazzjoni jew f'post ieħor miftuħ għall-klijenti huma l-impjegati u l-membri tal-organizzazzjoni, u l-persuni fiżiċi li jaħdmu fiż-żona ta' akkoljenza, jekk l-organizzazzjoni topera akkoljenza, iżda d-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati wkoll lil impjegati oħra tal-organizzazzjoni (bħala riċevituri okkażjonali).

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Jekk id-destinatarju jew riċevitur awtorizzat ieħor mhuwiex preżenti fl-indirizz fil-ħin tat-tentattiv ta' notifika, il-fornitur ta' servizz iħalli warajh avviż li jinforma lid-destinatarju li d-dokument huwa disponibbli għad-destinatarju fil-punt ta' konsenja tal-fornitur ta' servizz. Id-dokument jista' jinġabar f'dak l-indirizz mid-destinatarju, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew riċevitur alternattiv li għandu d-domiċilju jew il-post tar-residenza tiegħu f'dak l-indirizz. Jekk id-destinatarju jew riċevitur awtorizzat ieħor ma jiġborx l-ittra sal-iskadenza indikata fl-avviż, il-fornitur ta' servizz jirritorna d-dokument bħala mhux ikkonsenjat.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Il-perjodu ta' disponibbiltà huwa stabbilit mill-fornitur tas-servizz postali. Fil-każ ta' Magyar Posta Zrt., dan huwa ta' għaxart ijiem ta' xogħol mit-tentattiv ta' notifika. Għall-metodu ta' kommunikazzjoni, ara l-punt preċedenti.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Il-prova bil-miktub tan-notifika hija l-konferma tar-riċevuta, li tindika r-riżultat tal-proċedura ta' notifika, jiġifieri r-riċevitur, il-kwalità tar-riċevitur jekk huwa mhuwiex id-destinatarju (pereż. rappreżentant awtorizzat), id-data tar-riċevuta jew, jekk ma jkunx hemm konsenja, l-ostakolu li pprekludietha (pereż. riċevuta rifjutata, "il-ġbir ma ġiex eżegwit"). Il-fornitur ta' servizz jirritorna l-konferma tar-riċevuta lill-ispeditur fi kwalunkwe każ.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Skont l-Att III tal-1952, jekk il-preżunzjoni tan-notifika tkun daħlet fis-seħħ (id-destinatarju rrifjuta r-riċevuta jew ma rċeviex id-dokument minkejja ż-żewġ tentattivi ta' notifika tad-dokument), id-destinatarju jista' iressaq rikors għal konfutazzjoni tal-preżunzjoni tan-notifika matul ħmistax-il jum minn meta jsir jaf li l-preżunzjoni tan-notifika tkun daħlet fis-seħħ, quddiem il-qorti li bdiet il-proċedura li abbażi tagħha tkun saret in-notifika. Bħala regola ġenerali, rikors ma jistax jitressaq aktar minn sitt xhur wara li l-preżunzjoni tkun daħlet fis-seħħ. Jekk il-preżunzjoni hija relatata man-notifika ta' dokument li jibda l-proċedimenti, il-parti tista' tressaq ir-rikors waqt li l-proċedimenti jkunu għaddejjin, matul ħmistax-il jum minn meta ssir taf li l-preżunzjoni tkun daħlet fis-seħħ.

Ir-rikors għal konfutazzjoni tal-preżunzjoni jista' jiġi mressaq b'referenza għall-fatt li r-rikorrent ma setax jirċievi d-dokument uffiċjali mingħajr ebda żball fuq in-naħa tiegħu għax:

a) in-notifika saret bi ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli għan-notifika ta' dokumenti uffiċjali jew ma kinitx regolari għal raġunijiet oħra, jew

b) ir-rikorrent ma setax jirċievi d-dokument għal raġunijiet oħra mhux imsemmija fil-punt a) (pereż. għax ma kienx jaf dwar in-notifika mingħajr ebda żball fuq in-naħa tiegħu).

Jekk il-parti tressaq rikors għal konfutazzjoni tal-preżunzjoni abbażi tal-punt a) iktar 'il fuq u l-qorti tilqa' ir-rikors, il-konsegwenzi ġuridiċi marbuta mal-preżunzjoni tan-notifika jsiru nulli, u n-notifika u l-miżuri u azzjonijiet proċedurali kollha diġà meħuda jridu jkunu ripetuti f'konformità mar-rikors tal-parti, kif meħtieġ. Fil-każ ta' rikors imressaq minn rikorrent ieħor, jekk il-qorti tilqa' ir-rikors, il-konsegwenzi ġuridiċi marbuta man-notifika fir-rigward tar-rikorrent mhumiex applikabbli.

Jekk il-preżunzjoni tiġi kkonfutata abbażi tal-punt b) hawn fuq, in-notifika trid tiġi ripetuta. Bħala regola ġenerali, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ġustifikazzjoni tal-kontumaċja jridu jiġu applikati mutatis mutandis għat-trażmissjoni u l-valutazzjoni tar-rikors.

Il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni hija possibbli wkoll fil-kors tal-proċedimenti ta' infurzar. Meta d-deċiżjoni dwar id-daħlet fis-seħħ tal-preżunzjoni ssir finali, id-destinatarju bħala rikorrent jista' - jekk ir-raġunijiet diġà deskritti jippersistu - iressaq rikors għal konfutazzjoni tal-preżunzjoni lill-qorti tal-ewwel istanza waqt li l-proċedimenti ta' infurzar ikunu għaddejjin, matul ħmistax-il jum minn meta jsir jaf dwar il-proċedimenti għall-infurzar tad-deċiżjoni. Ladarba jkunu bdew il-proċedimenti ta' infurzar, ir-rikors jista' jitressaq biss f'konformità ma' dan il-paragrafu.

Il-qorti tista' tordna n-notifika permezz ta' reklamar fuq powsters biss wara talba mill-parti u biss jekk ikun hemm raġuni probabbli li tipprovdi l-bażi għal dan. Jekk il-fatti mressqa jiġu pprovati li huma foloz u l-parti kienet konxja minn dan jew setgħet kienet taf b'diliġenza dovuta, in-notifika permezz ta' reklamar fuq powsters u l-proċedura li ssegwiha ssir nulla, u l-parti trid tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż imġarrba kif ukoll multa. Madankollu, jekk il-parti li qed toġġezzjona (li tkun saritilha n-notifika tad-dokument permezz ta' reklamar fuq powsters) taqbel mal-proċedura li ssegwi r-reklamar fuq powsters - anki jekk taċitament biss -, il-proċedura ma ssirx nulla. Madankollu, il-multa trid tiġi imposta wkoll fit-tali każijiet u l-parti trid tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż żejda soffruti.

Sentenza finali tista' tkun suġġetta għal rieżami fejn id-dokument li jibda l-proċedimenti jew dokument ieħor kien innotifikat lill-parti permezz ta' reklamar fuq powsters bi ksur tar-regoli applikabbli għan-notifika permezz ta' reklamar fuq powsters.

Fin-nuqqas ta' preżunzjoni ta' notifika jew notifika permezz ta' reklamar fuq powsters, il-konsegwenzi tan-notifika bi ksur tal-liġi jistgħu jiġu rimedjati skont ir-rimedji legali ġenerali disponibbli fil-kors tal-proċedura, f'konformità mar-regoli applikabbli.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

Bħala regola, it-tariffi tal-qorti jinkludu wkoll l-ispejjeż tan-notifika. Għalhekk, il-parti ma jkollhiex tħallas l-ispejjeż tan-notifika fil-proċedimenti tal-qorti. L-unika eċċezzjoni hija n-notifika mill-bailiff skont l-Att LIII tal-1994, fejn il-persuna li titlob l-infurzar trid tħallas l-ispejjeż relatati bil-quddiem.

Il-bailiff jista' iżomm tariffa ta' HUF 6 000 għal notifika minn bailiff, kif previst permezz tad-Digriet Nru 14/1994 tat-8 ta' Settembru 1994 tal-Ministru tal-Ġustizzja dwar it-tariffi tal-bailiffs tal-qrati. Barra minn dan, il-bailiff huwa intitolat għal spejjeż ta' darba għal notifika speċjali, li jammontaw għal HUF 3 000 għal kull tentattiv ta' notifika jekk il-post tan-notifika huwa d-domiċilju, il-post tar-residenza jew il-post tax-xogħol tad-destinatarju, u HUF 6 000 jekk il-post tan-notifika huwa indirizz residenzjali ieħor użat mid-destinatarju jew lokazzjoni fejn id-destinatarju jirrisjedi okkażjonalment biss.

Jekk il-proċedimenti ta' infurzar jinbdew abbażi tad-dokument li jrid jiġi nnotifikat, l-ispejjeż jitħallsu mid-debitur. L-ispejjeż relatati man-notifika permezz ta' reklamar fuq powsters iridu jitħallsu bil-quddiem mill-persuna li qed titlob in-notifika permezz ta' reklamar fuq powsters.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 16/10/2017