Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

In-notifika ta' atti - Irlanda

LISTA TAL- KONTENUT

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

L-għan tan-notifika huwa li jiġi żgurat li l-konvenuti jkunu jafu bin-natura tat-talba kontrihom u jkunu konxji mid-dokumenti li jkollhom x’jaqsmu mat-talba. Ir-regoli tal-qorti jinkludu rekwiżiti speċifiċi biex jiġi żgurat li ssir notifika adattata.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Kwalunkwe dokument li permezz tiegħu jinbdew il-proċedimenti ċivili fil-Qrati Distrettwali, Circuit Court jew High Courts (inklużi l-appelli minn qorti inferjuri) u d-dokumentazzjoni sussegwenti kollha fil-proċedimenti.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Il-parti li d-dokument isostni li nħareġ f'isimha jew persuna hekk awtorizzata minnha f’dan ir-rigward hija responsabbli li tinnotifika d-dokument.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Le. L-indirizz għan-notifika jrid jiġi pprovdut mill-awtorità rikjedenti.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Le. Ma hemm l-ebda reġistru għal indirizzi / residenzi ċentrali għall-individwi. L-indirizz reġistrat ta’ kumpanija jista’ jinstab billi tagħmel tfittxija fuq is-sit web tal-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Kumpaniji.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

It-talba tiġi ttrattata mis-Circuit Court bħala talba skont ir-Regolament 1206/2001.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Fil-Qorti Distrettwali, in-notifika tista’ ssir

(i) Bil-posta rreġistrata

(ii) Bil-konsenja rreġistrata tal-posta mħallsa minn qabel

(iii) Bil-konsenja bl-idejn f’envelop issiġillat lil persuna għajr il-persuna li ssostni li nħarġet f'isimha.

(iv) Bin-notifika personali jew bin-notifika lil qarib fuq l-età ta’ sittax-il sena li jgħix mal-konvenut.

Quddiem is-Circuit Court kważi d-dokumenti kollha jkunu nnotifikati bil-posta rreġistrata.

Fil-High Court, ir-Regola 2 tal-Ordni 9 tar-Regoli tal-Qrati Superjuri tipprevedi n-notifika personali ta’ rikors promotur lil individwu u tippermetti wkoll notifika mhux personali jekk tkun ġiet eżerċitata diliġenza debita u raġonevoli fl-isforz biex tiġi affettwata notifika personali. Id-dokumentazzjoni sussegwenti tiġi normalment notifikata bil-posta rreġistrata. (Ara l-Ordni 121 RSC, 1986 kif emendat). L-Artikolu 51 tal-Att tal-2014 dwar il-Kumpaniji jipprevedi n-notifika ta’ dokumenti bil-posta ordinarja mħallsa minn qabel fl-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpanija rreġistrata fl-Irlanda u l-Artikolu 1310 tal-Att tal-2014 dwar il-Kumpaniji bl-istess mezzi lil kumpanija esterna

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika elettronika ta’ dokumenti mhijiex permessa.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

In-notifika personali jew in-notifika bil-posta rreġistrata huma l-metodi normali ta’ notifika. Jekk il-proċedimenti legali Irlandiżi jeħtieġu li jiġu nnotifikati b’metodu ieħor bħal bil-posta ordinarja mħallsa minn qabel, bil-faks, bil-posta elettronika jew permezz ta’ reklamar, f’dak il-każ isir rikors lill-qorti għal “notifika alternattiva” u jekk jintlaqa’, il-proċedimenti jistgħu jiġu nnotifikati permezz ta’ metodu alternattiv awtorizzat mill-qorti.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Jekk in-notifika ssir skont ordni għal notifika alternattiva, id-dokumenti jkunu meqjusa li jkunu ġew innotifikati meta t-termini tal-ordni tal-qorti jkunu ġew osservati. Meta notifika ssir bil-posta, hemm preżunzjoni legali ta’ notifika tad-dokumenti meta dawn jiġu kkonsenjati f’sitwazzjoni normali tas-servizz postali. Din hija preżunzjoni konfutabbli.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Jekk in-notifika tkun ġiet effettwata skont ordni tal-qorti, id-destinatarju jkun infurmat bil-mod stabbilit fl-ordni tal-qorti. Jekk id-dokumenti jiġu notifikati permezz ta’ ittra rreġistrata u d-destinatarju ma jkunx disponibbli, f’dak il-każ il-persunal tal-posta jħalli avviż postali fl-indirizz li jitlob li d-destinatarju jmur fl-uffiċċju postali biex jiġbor dokument bil-posta rreġistrata. Normalment l-ittra tinżamm fl-uffiċċju postali minn ġimgħa sa għaxart ijiem.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Ma hemm l-ebda konsegwenza talli wieħed jirrifjuta li jaċċetta n-notifika. Fejn ma kienx possibbli li titwettaq in-notifika fi proċedimenti legali Irlandiżi, jista’ jsir rikors lill-qorti għal proroga tat-terminu għan-notifika jew għas-sostituzzjoni ta’ metodu alternattiv ta’ notifika jew it-tnejn li huma.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Għal posta mhux irreġistrata, id-dokument jiġi kkonsenjat fl-indirizz. Għal posta rreġistrata, id-dokument jiġi kkonsenjat lill-persuna msemmija biss. Dan japplika bl-istess mod għal posta interna u internazzjonali.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Bħala alternattiva għal konsenja bil-posta, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1393/2007 jippermetti persuna li teffettwa notifika personali permezz ta’ avukat jew min iwassal in-notifika taċ-ċitazzjoni.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

L-Uffiċċju tal-Posta normalment jistabbilixxi data ta’ skadenza fuq l-avviż mibgħut lid-destinatarju. L-avviż jitħalla fl-indirizz tad-destinatarju. Id-data ta’ skadenza normalment tkun ta’ ġimgħa.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Il-qrati distrettwali u s-Circuit Courts: meta n-notifika tiġi effettwata b’ittra rreġistrata jittieħed ġurament fuq dikjarazzjoni statutorja mill-persuna li tkun bagħtet l-envelop, mhux iktar kmieni minn għaxart ijiem mill-jum li fih l-envelop jiġi mpostat, li juri ċ-ċertifikat tal-posta.

Il-High Court: affidavit tan-notifika jinħalef mill-persuna li tkun għamlet in-notifika bħala prova neċessarja għall-qorti. Fil-każ ta’ rikors promotur, id-dettalji tan-notifika għandhom ikunu approvati fuq l-imsemmija ċitazzjoni fi żmien tlett ijiem min-notifika u l-affidavit ta’ notifika personali għandu jirreferi għal dan.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Jista’ jsir rikors lill-qorti biex ma tilqax kwalunkwe ordni magħmul meta l-avviż tas-seduta ta’ smigħ ma jkunx ġie legalment innotifikat lill-intimat.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

L-ispejjeż se jkunu dawk tal-posta jew tat-tariffi tal-aġent, jekk wieħed minn dawn il-modi huwa aċċettat.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 07/12/2017