Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

In-notifika ta' atti - Olanda

LISTA TAL- KONTENUT

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Kull dokument li ntbagħat lill-awtorità rikjedenti taħt Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

L-uffiċjal ġudizzjarju ġie nnominat fin-Netherlands bħala l-aġenzija li tirċievi u li tittrażmetti.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

L-uffiċjal ġudizzjarju huwa meħtieġ li jiċċekkja d-domiċilju tad-destinatarju fir-reġistru tal-popolazzjoni Netherlandiża (BRP). Din il-verifika obbligatorja għandha turi wkoll kwalunkwe indirizz ġdid jekk id-destinatarju ma jibqax residenti fl-indirizz indikat.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Le.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Fin-Netherlands, il-qrati huma l-awtorità kompetenti fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001. Madankollu, il-qrati Netherlandiżi mhumiex kompetenti sabiex jirkupraw l-indirizz ta’ parti (fuq talba).

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

In-notifika tad-dokument hija waħda mid-dmirijiet uffiċjali tal-uffiċjal ġudizzjarju (l-Artikolu 2 tal-Att dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji (Gerechtsdeurwaarderswet)). Wara l-verifika, kif deskritt fid-domanda 4.1, l-uffiċjal ġudizzjarju għandu jinnotifika d-dokument riċevut għan-notifika lid-destinatarju tiegħu. Fil-prinċipju, id-dokumenti huma nnotifikati personalment. M’hemmx metodi alternattivi apparti min-“notifika sostitwita” imsemmija fid-domanda 7.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika elettronika tad-dokumenti mhix awtorizzata fin-Netherlands.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Le, jew għallinqas biss jekk din il-forma speċifika ma tmurx kontra l-liġi Netherlandiża. In-notifika hija possibbli wkoll għal indirizz barra dak tad-domiċilju tad-destinatarju, sakemm l-uffiċjal ġudizzjarju jiltaqa’ u jitkellem mad-destinatarju personalment. Jekk id-destinatarju ma jkollux domiċilju jew residenza magħrufa fin-Netherlands, dokument jista’ jiġi depożitat fl-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku.

L-uffiċjali ġudizzjarji ma jinnotifikawx dokumenti bil-posta, għalkemm l-aġenzija li tittrażmetti fi Stat Membru ieħor tista’ tibgħat id-dokument lid-destinatarju direttament bil-posta.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Mhux applikabbli.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Mhux applikabbli.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

1.Rifjut ta’ aċċettazzjoni tad-dokument

Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta d-dokument notifikat mill-uffiċjal ġudizzjarju, l-uffiċjal ġudizzjarju huwa intitolat li jħalli d-dokument fl-indirizz irreġistrat f’envelop issiġillat (l-Artikolu 47 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering). In-notifika titqies li saret dak il-ħin.

2.Rifjut minħabba traduzzjoni

Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta d-dokument minħabba traduzzjoni (l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007), l-uffiċjal ġudizzjarju għandu jirreġistra dan ir-rifjut fiċ-ċertifikat u jinnominah bħala nuqqas ta’ notifika. Skont il-ġurisprudenza l-aktar riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, hija l-qorti li għandha tiddeċiedi sa fejn huwa validu r-rifjut (is-sentenza Novo Banco).

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

In-notifika bil-posta tista’ wkoll tiġi kkonsenjatha lil persuna oħra. Tintalab identifikazzjoni skont il-forma ta’ dispaċċ magħżula.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Jekk ikun intbagħat permezz ta’ posta rreġistrata, id-dokument jiġi depożitat fl-uffiċċju postali għal perjodu ta’ żmien speċifiku. Il-pustier iħalli avviż dwar dan fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Jekk dokument reġistrat ma jkunx jista’ jiġi kkonsenjat, il-pustier iħalli messaġġ li d-destinatarju jista’ jiġbor id-dokument mill-uffiċċju postali indikat. Id-dokument jinżamm għal tliet ġimgħat. Jekk ma jinġabarx, jiġi rritornat lill-mittent.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Iva, barra mir-rekord tan-notifika, l-awtorità mitluba (l-uffiċjal ġudizzjarju) tabbozza wkoll ċertifikat ta’ notifika (l-Artikolu 10 tar-Regolament tan-Notifika) u tibagħtu flimkien mar-rekord lill-awtorità rikjedenti.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Notifika illegali ta’ dokument mhix possibbli jekk kien involut uffiċjal ġudizzjarju. In-nullità hija possibbli, kif imsemmi fl-Artikolu 66 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

Jekk in-notifika saret permezz ta’ awtorità rikjedenti fin-Netherlands, il-ħlas għan-notifika jikkonsisti f’ammont fiss ta’ EUR 65 għal kull notifika.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 11/04/2019