In-notifika ta' atti - Portugall
LISTA TAL- KONTENUT
- 1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?
- 2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?
- 3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?
- 4 Tiftix tal-indirizz
- 4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?
- 4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?
- 4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?
- 5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?
- 6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?
- 7 Notifika "indiretta"
- 7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?
- 7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?
- 7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?
- 7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?
- 8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)
- 8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?
- 8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?
- 8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?
- 9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?
- 10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?
- 11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?
1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?
In-notifika hija att li permezz tagħha persuna (konvenut, rikorrent, debitur ġudizzjarju) tiġi infurmata illi nfetħet kawża kontriha. Hija tintuża biex tħarrikhom għall-ewwel darba sabiex jiddefendu ruħhom. In-notifika tiġi wżata wkoll għall-ewwel taħrika ta' persuna li għandha interess fil-proċedimenti li ma kinitx inizjalment involuta fihom, biex tidher għar-rikorrent jew għall-konvenut.
In-notifika tiġi wżata biex tħarrek persuna biex tidher il-qorti jew biex tinfurmaha bil-fatti.
Hemm regoli speċifiċi fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Portugiż dwar kif għandha ssir in-notifika, u jispeċifikaw l-informazzjoni li trid tiġi trażmessa b'rabta mad-destinatarji, in-natura tal-fatti u l-għan tat-trażmissjoni. Ir-raġuni għal dawn ir-regoli hija sabiex il-komunikazzjoni verament tasal għand id-destinatarju, u jekk ikunu partijiet fil-proċedimenti, biex jiggarantixxu d-dritt għad-difiza.
2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?
Fin-notifika jkun hemm din l-informazzjoni li ġejja:
• Il-kopja tar-rikors inizjali li bih fetaħ il-kawża r-rikorrent u kopji tad-dokumenti li akkumpanjawh, li jinbagħatu lill-konvenut
• Avviż illi l-persuna qed tiġi mħarrka għal dik il-kawża
• Indikazzjoni tal-qorti, diviżjoni u taqsima li quddiemha se jinstemgħu l-proċedimenti, l-iskadenza għas-sottomissjoni ta' risposta, u tal-bżonn li jitqabbad rappreżentant legali, jekk huwa obbligatorju
• Twissija tal-konsegwenzi f'każ ta' nuqqas ta' difiżtal-kawża
Jiġu notifikati:
• L-ordnijiet u sentenzi tal-qorti
• Dikjarazzjonijiet dwar il-każ sottomessi mill-partijiet, rikorsi u dokumenti inklużi fil-fajl tal-każ u l-iskadenza għall-partijiet biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal proċedimenti kontenzjużi
• Taħrika tal-partijiet, xhieda, esperti, konsulent tekniku jew avukat biex ikun preżenti waqt il-proċedimenti ġudizzjarji;
• Talba għal esperti, provi oħra jew informazzjoni lil entitatjiet li għandhom l-obbligu jikkooperaw mal-qorti.
3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?
Fi proċedimenti li għaddejjin, in-notifika tista' ġeneralment ssir minn uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali tal-eżekuzzjoni jew minn rappreżentant legali ta' waħda mill-partijiet, skont il-każijiet indikati fit-tweġiba għad-domanda 5.
In-notifika tista' ssir minn nutara pubbliċi fi proċedimenti dwar wirt.
F'ċerti każijiet previsti fil-Liġi l-Ġdida dwar il-Kiri Urban (Novo Regime do Arrendamento Urbano), in-notifika tista' ssir minn avukati, solicitors jew uffiċjali tal-eżekuzzjoni qabel ma tinfetaħ kawża.
In-notifika tista' ssir minn reġistraturi ċivili fi proċedimenti b'ġuriżdizzjoni volontarja li jinstemgħu quddiem ir-Reġistratur Ċivili, partikolarment fi kwistjonijiet tal-familja u tal-minorenni.
4 Tiftix tal-indirizz
4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?
Skont il-liġi Portugiża huwa l-obbligu tal-uffiċjali ġudizzjarji li jwettqu, ex officio u mingħajr bżonn ta' ordni tal-qorti, il-passi kollha meħtieġa biex jinnotifikaw lil xi ħadd.
Għal dan il-għan, l-uffiċjali ġudizzjarji jikkonsultaw informazzjoni li hija disponibbli elettronikament f'dipartimenti oħra tal-gvern sabiex jaraw kienx hemm tibdil fir-residenza u jistabbilixxu l-indirizz attwali tal-persuna li trid tiġi notifikata. Dan jikkostitwixxi r-regola "ex officio" għall-miżuri li jridu jittieħdu minħabba n-notifika.
L-istess regola tapplika f'ċerti każijiet li huma espliċitament previsti mil-liġi għan-notifika tal-partijiet jew tar-rappreżentanti tagħhom.
L-uffiċjali tal-eżekuzzjoni għandhom ukoll aċċess għal ċerti bażijiet tad-dejta tad-dipartimenti tal-gvern li jippermettulhom jivverifikaw ir-residenza għall-finijiet ta' taxxa tad-debituri ġudizzjarji, pereżempju, fi proċedimenti ta' eżekuzzjoni.
Skont il-liġi Portugiża, kull meta parti tiddikjara b'mod ġustifikat illi għandha diffikultà serja biex tikseb xi informazzjoni - partikolarment rigward bdil fir-residenza ta' persuna li trid tiġi notifikata - xi ħaġa li għandha impatt fuq l-eżerċizzju effettiv ta' dritt, obbligu jew talba proċedurali, il-qorti tista' tordna lil kull persuna jew entità biex jikkooperaw sabiex tinkiseb din l-informazzjoni. Irrispettivament mill-fatt jekk humiex partijiet fil-proċedimenti jew le, għandhom obbligu jikkooperaw mal-qorti billi jagħtu l-informazzjoni ordnata minnha.
4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?
Le. Din il-possibiltà teżisti biss għall-awtoritajiet nazzjonali u l-entitajiet imsemmija fit-tweġiba għad-domanda 4.1.
4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?
Il-qorti tikkonsulta l-bażijiet tad-dejta ta' dipartimenti tal-gvern oħra u, jekk dan ma jkunx biżżejjed, tordna lil persuni u entitajiet oħra jew anke lill-awtoritajiet tal-pulizija biex jiġbru u/jew jagħtu informazzjoni dwar l-indirizz attwali ta' persuna, kif imsemmi fit-tweġiba għad-domanda 4.1.
5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?
Id-diversi modi kif jista' jiġi notifikat dokument huma indikati hawnhekk. Il-każijiet fejn tintuża n-notifika diġà ssemmew fit-tweġiba għad-domanda numru wieħed.
Notifika
Dokument jista' jiġi notifikat lilpersuna jew notifikat permezz tal-pubblikazzjoni. Kull waħda minn dawn il-forom ta' notifika jistgħu jiġu indirizzati lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Ir-regoli dwar in-notifika lil persuni fiżiċi japplikaw, mutatis mutandis, għal persuni ġuridiċi, sakemm xi aspett tan-notifika lil persuni fiżiċi ma jkunx regolat b'mod speċifiku, fejn f'dak il-każ japplikaw dawn ir-regoli speċifiċi.
In-notifika lil persuni
Fil-prattika, dokument jista' jiġi notifikat lil persuna:
- Bit-trażmissjoni ta' dejta elettronika pereżempju lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku meta jkun il-parti ewlenija fil-kawża
- Bil-posta fil-forma ta' ittra b'rikonoxximent tal-irċevuta bl-indirizz tar-residenza jew post tax-xogħol tal-persuna li trid tiġi notifikata, f'każ ta' persuna fiżika, jew tal-uffiċċju reġistrat fir-Reġistru Nazzjonali tal-Persuni Ġuridiċi, f'każ ta' persuna ġuridika.
- B'kuntatt personali tal-uffiċjal tal-eżekuzzjoni mal-persuna li trid tiġi notifikata, meta n-notifika bil-posta ma tkunx possibbli jew ir-rikorrent jiddikjara illi din hija xewqtu fir-rikors inizjali tiegħu
- B'kuntatt personali tal-uffiċjal ġudizzjarju mal-persuna li trid tiġi notifikata, jekk ir-rikorrent jiddikjara illi din hija xewqtu fir-rikors inizjali tiegħu u jħallas it-tariffa għaliha
- Permezz ta' rappreżentant legali:
- Ir-rappreżentanti legali jridu jiddikjaraw minnufih fir-rikors inizjali illi se jwettqu n-notifika huma stess, permezz ta' rappreżentant ieħor jew permezz ta' avukat.
- Ir-rappreżentanti legali jistgħu jitolbu n-notifika f'data ulterjuri jekk kull mezz ieħor għan-notifika ma jkunx possibbli.
- Ir-regoli dwar in-notifika mill-uffiċjali tal-eżekuzzjoni jew uffiċjali ġudizzjarji japplikaw għan-notifika minn rappreżentanti legali.
In-notifika lil persuni tista' ssir:
- Lil persuna li trid tiġi notifikata;
- Lil persuna li mhix il-persuna li trid tiġi notifikata li għandha l-kompitu tittrażmetti l-kontenut tad-dokument lilhom, jekk hekk ikun previst mil-liġi;
- Lir-rappreżentant legali tal-persuna li trid tiġi notifikata jekk ikun ingħata prokura inqas minn erba' snin ilu, li biha għandu setgħa speċjali biex jirċievi d-dokument notifikat;
- Lil kuratur temporanju tal-persuna li trid tiġi notifikata, maħtur mill-qorti meta l-uffiċjal ta' eżekuzzjoni jew uffiċjal ġudizzarju jaf illi l-persuna li trid tiġi notifikata ma tistax tirċievi d-dokument minħabba l-inkapaċità ġuridika tagħha (mard mentali magħruf jew inkapaċità ġuridika temporanja jew permanenti oħra).
Notifika permezz tal-pubblikazzjoni
Fil-prattika, in-notifika bil-pubblikazjoni tista' sseħħ:
- meta l-persuna li trid tiġi notifikata hija nieqsa u ma tistax tinsab;
- meta l-identità tal-persuni li jridu jiġu notifikati mhix magħrufa.
In-notifika bil-pubblikazzjoni ssir billi:
- jiġi mehmuż avviż fuq il-bieb tad-dar tal-aħħar residenza jew uffiċċju reġistrat fil-Portugall tal-persuna li trid tiġi notifikata;
- imbagħad permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż fuq sit elettroniku aċċessibbli mill-pubbliku provdut mil-liġi.
In-notifika
Matul il-proċedimenti, in-notifika tista' sseħħ b'wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:
- In-notifika lil partijiet li jqabbdu rappreżentant legali u/jew avukat dejjem issir lil dawn tal-aħħar, kif deskritt fit-tweġiba għas-sitt domanda.
- In-notifika li hija maħsuba biex tħarrek lil parti biex tidher personalment tintbagħat lilha permezz ta' ittra reġistrata (jitħarrek ukoll ir-rappreżentant legali kif deskritt fit-tweġiba għas-sitt domanda.
- In-notifika lil partijiet li ma jqabbdux rappreżentant legali tintbagħat lil parti nnifisha b'ittra reġistrata fl-indirizz tad-dar, uffiċċju reġistrat jew post magħżul għal dan il-għan.
- Barra minn hekk, in-notifika ta' deċiżjonijiet finali ssir dejjem lill-partijiet b'ittra reġistrata fl-indirizz tad-dar, uffiċċju reġistrat jew post magħżul għal dan il-għan.
- In-notifika li hija maħsuba biex tħarrek lix-xhieda, esperti jew persuni oħra involuti b'mod mhux kostanti fil-proċedimenti biex jidhru l-qorti ssir permezz ta' posta reġistrata;
- In-notifika ma tintbagħatx jekk parti beħsiebha ttella' lil xi ħadd ieħor, iżda l-parti tista' titlob illi r-reġistru tal-qorti jibgħatilha l-avviż dwar il-persuni li beħsiebha ttella'
- Id-deċiżjonijiet finali mogħtija f'kawża dejjem jiġu notifikati lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku kif deskritt fit-tweġiba għas-sitt domanda.
- Kif spjegat fit-tweġiba għas-sitt domanda, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jiġi notifikat bid-deċiżjonijet interim li jistgħu iwasslu għall-preżentazzjoni ta' appell kif rikjest mil-liġi.
- Il-komunikazzjonijiet u stediniet mibgħuta f'dokument proċedurali lil partijiet interessati preżenti jitqiesu bħala notifiki, sakemm ikunu dokumentati u ordnati mill-entità presjedenti.
- In-notifiki bejn ir-rappreżentanti legali jsiru minnhom nfushom, permezz ta' trasferiment elettroniku tad-dejta jew kif indikat mod ieħor fit-tweġiba għas-sitt domanda.
6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?
Iva, dawn li ġejjin preferibbilment isiru bit-trażmissjoni elettronika tad-dejta mis-sistema kompjuterizzata tal-qrati:
- In-notifika tad-dokumenti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku
- In-notifiki lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, avukati, solicitors u uffiċjali tal-eżekezzjoni
- Is-sottomissjoni lill-qorti ta' dokumenti proċedurali u dokumenti minn avukati, solicitors u uffiċjali tal-eżekuzzjoni
- Prova ta' ħlas bil-quddiem tat-tariffa tal-qorti (li hija parti mill-ispejjeż legali)
- Prova ta' jew talba għall-għajnuna legali
Meta d-daqs tad-dokument proċedurali li jrid jiġi sottomess mhux kompatibbli mat-trażmissjoni elettronika, jew jekk id-dokumenti li jridu jintbagħtu hemm kopja fiżika biss tagħhom, jew jekk il-kawża ma teħtieġx rappreżentant legali u l-parti ma qabbditx wieħed, jew f'każ ta' raġuni ġustifikabbli:
- Id-dokumenti proċedurali jistgħu jintbagħtu lir-reġistru tal-qorti, bil-posta jew b'faks
- Id-dokumenti proċedurali jistgħu jiġu notifikati b'rekord tal-konsenja, bil-posta jew b'faks
Barra minn hekk, is-servizzi tal-qrati jistgħu:
- Jittrażmettu l-messaġġi bil-posta, faks jew mezzi elettroniċi
- F'każijiet urġenti jistgħu jintużaw telegrammi, telefonati jew mezzi simili tat-telekomunikazzjoni
- Il-komunikazzjoni bit-telefown dejjem tiġi mniżżla fl-atti tal-kawża u segwiti minn konferma b'mezzi bil-miktub
- B'rabta mal-partijiet fil-proċedimenti, il-komunikazzjoni bit-telefown tista' tintuża biss biex tiġi trażmessa taħrika jew biex tikkanċella taħrika għal atti ta' proċedura legali.
Dawn ir-regoli japplikaw fi proċedimenti ġudizzjarji ta' natura ċivili jew kummerċjali quddiem il-qrati tal-prim'istanza. Huma japplikaw ukoll f'ċerti każijiet għal proċedimenti quddiem in-nutara (pereżempju wirtijiet) jew reġistraturi ċivili (pereżempju kwistjonijiet tal-familja fejn ikun hemm ftehim).
7 Notifika "indiretta"
7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?
Barra minn hekk, il-liġi Portugiża tipprovdi wkoll għan-notifika ta' dokumenti fi żmien preċiż kif ġej:
- Għan-notifika ta' persuna jekk l-uffiċjal tal-eżekuzzjoni jew uffiċjal ġudizzjarju jinduna illi l-persuna li trid tiġi notifikata tgħix jew taħdem f'post partikolari iżda ma jistax iwettaq in-notifika għaliex ma jsibhiex.
- Għandu jitħalla avviż li jindika l-ħin li fih se sseħħ in-notifika;
- L-avviż jista' jintbagħat lill-persuna li hija fl-aħjar pożizzjoni biex tgħaddih lill-persuna li trid tiġi notifikata jew, meta dan ma jkunx possibbli, irid jiġi impustat fl-aktar post xieraq
- Fid-data u l-ħin speċifikat fl-avviż, l-uffiċjal tal-eżekuzzjoni jew uffiċjal ġudizzjarju jinnotifika lill-persuna bid-dokument u jekk ma jkunx jista' jsibha, jinnotifika d-dokument lil parti terza li hija fl-aħjar pożizzjoni biex twassal l-ittra lill-persuna soġġetta għan-notifika u li għandha l-obbligu tagħmel dan
- Jekk ma tistax tinkiseb il-kooperazzjoni ta' partijiet terzi, in-notifika ssir bil-pubblikazzjoni ta' avviż fl-aktar post adattat u fil-preżenza ta' żewġ xhieda, li jindika li l-persuna ġiet notifikata, quddiem liema qorti qed jinstemgħu l-proċedimenti u li l-kopja u d-dokumenti huma disponibbli lill-persuna soġġetta għan-notifika fir-reġistru tal-qorti
N.B.
F'każijiet fejn:
(i) ir-rikonoxximent tal-wasla ma jiġix iffirmat mill-persuna li trid tiġi notifikata (servizz postali);
(ii) notifika lil persuna fi żmien preċiż issir lil terza persuna;
(iii) jew in-notifika lil persuna fi żmien preċiż ssir bil-pubblikazzjoni ta' avviż tan-notifika fuq il-post
l-uffiċjal ta' eżekuzzjoni jew ir-reġistru tal-qorti jridu dejjem jibgħatu ittra reġistrata lill-persuna soġġetta għan-notifika, fi żmien jumejn tax-xogħol,biex jinnotifikawha, kif xieraq, :
- tad-data u l-mod li bih in-notifika ġiet meqjusa li saret;
- tal-iskadenza għad-difiża u l-konsegwenzi f'każ ta' nuqqas ta' difiża tal-kawża;
- fejn jinsabu l-kopji tar-rikors u d-dokumenti li jridu jiġu notifikati;
- l-identità tal-persuna li ġiet notifikata.
7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?
In-notifika bil-posta titqies li saret fil-ġurnata meta jidher li ġie ffirmat ir-rikonoxximent tan-notifika, jew mill-persuna soġġetta għan-notifika jew minn persuna terza (jekk wieħed jassumi f'dan il-każ illi l-persuna terza wasslet l-ittra lill-persuna soġġetta għan-notifika, sakemm mhemmx provi mod ieħor).
In-notifika lil persuna minn uffiċjali tal-eżekuzzjoni, uffiċjali ġudizzjarji u rappreżentanti legali titqies li seħħet fid-data meta jitfassal ir-rekord tan-notifika.
In-notifika bil-posta ta' avviż ta' notifika titqies li seħħet fid-data indikata fl-avviż.
7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?
F'każ ta' notifika b'ittra reġistrata - bi jew mingħajr rikonoxximent tan-notifika - jitħalla avviż tal-konsenja fil-kaxxa tal-ittri jekk il-pustier ma jista jsib lil ħadd f'dak l-indirizz.
L-avviż tan-notifika javża lid-destinatarju illi l-ittra tħalliet fl-uffiċċju tal-posta, flimkien mal-indirizz, ħinijiet tal-ftuħ u skadenza għall-ġbir tagħha.
Jekk l-ittra ma tinġabarx fiż-żmien speċifikat (u ma jkunx hemm talba għall-estensjoni ta' dan il-perjodu jew biex terġa' tintbagħat l-ittra f'indirizz ieħor), tintbagħat lura lil min bagħatha.
7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?
Meta n-notifika ssir bil-posta u hemm provi illi kien hemm rifjut tal-ittra jew biex jiġi ffirmat ir-rikonoxximent tal-irċevuta, in-notifika titqies li saret kif ġej u f'dawn iċ-ċirkostanzi:
- Permezz ta' avviż miktub mill-pustier li jiċċertifika r-rifjut minn persuna fiżika, ir-rappreżentant ta' persuna ġuridika, jew impjegat tagħha, li tiffirma r-rikonoxximent tal-irċevuta jew li tieħu l-ittra
- F'każijiet fejn il-partijiet jistgħu jaqblu fuq l-indirizz għan-notifika:
- (i) meta titħalla ittra reġistrata oħra b'rikonoxximent tal-irċevuta fl-indirizz maqbul, meta l-ewwel ittra reġistrata bir-rikonoxximent mibgħuta f'dak l-indirizz tiġi ritornata jew
- (ii) permezz ta' ċertifikat, miktub mill-pustier, tar-rifjut tal-persuna li trid tiġi notifikata li taċċetta l-ittra jew li tiffirma r-rikonoxximent tal-irċevuta, meta din tintbagħat fl-indirizz maqbul
Meta n-notifika ssir personalment minn uffiċjal tal-eżekuzzjoni jew l-uffiċjal ġudizzjarju, u hemm provi tar-rifjut mill-persuna li trid tiġi notifikata li tiffirma ċ-ċertifikat tan-notifika jew li tirċievi kopja tiegħu, in-notifika titqies li saret, b'hekk:
- L-uffiċjal tal-eżekuzzjoni jew l-uffiċjal ġudizzjarju jinforma lill-persuna soġġetta għan-notifika illi l-kopja tiegħu hija disponibbli fir-reġistru tal-qorti u jniżżel din l-informazzjoni u l-fatt li kien hemm rifjut fiċ-ċertifikat tan-notifika.
- Barra minn hekk, ir-reġistru jinnotifika lill-persuna soġġetta għan-notifika b'ittra reġistrata fejn jindika għal darb'oħra illi l-kopja tar-rikors inizjali u d-dokumenti ta' akkumpanjament huma disponibbli fir-reġistru.
In-notifika titqies li ma saritx biss jekk ir-rifjut ikun leġittimu. Ir-rifjut huwa leġittimu meta l-persuna soġġetta għan-notifika ma tistax tinstab għaliex ma tgħix jew mhix stabbilita fl-indirizz indikat, jew jekk persuna terza tgħid illi mhix f'pożizzjoni li twasslilha l-ittra.
F'ċerti każijiet japplikaw l-istess regoli fejn il-liġi tipprovdi illi n-notifika personali tal-partijiet jew tar-rappreżentanti tagħhom trid issir bil-formalitajiet tan-notifika.
8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)
8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?
Meta notifika li ssir bil-posta, b'rikonoxximent tal-irċevuta, toriġina minn barra, is-servizzi tal-posta tal-Portugall jistgħu jwasslu l-ittra u d-dokumenti lil persuna soġġett għal notifika jew lil terza parti fl-istess indirizz li tiddikjara li hija f'pożizzjoni li twassal l-ittra lid-destinatarju.
8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?
Ara t-tweġiba għad-domanda 7.3.
8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?
Fil-prinċipju, id-destinatarju għandu sitt ijiem tax-xogħol biex jiġbor id-dokumenti mill-uffiċċju tal-posta.
Id-destinatarju jiġi nfurmat b'dan il-perjodu u l-fatt illi jista' jiġbor id-dokumenti mill-uffiċċju tal-posta permezz ta' avviż ta' konsenja illi s-servizz tal-posta jħalli fil-kaxxa tal-ittri meta l-pustier ma jsib lil ħadd id-dar.
9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?
Iva, f'każ ta' notifika, ir-rikonoxximent tal-irċevuta, iċ-ċertifikat tan-notifika jew l-avviż tan-notifika huma provi bil-miktub illi saret in-notifika.
F'każ ta' notifika, ir-reġistrazzjoni tar-rikonoxximent, ir-reġistrazzjoni tal-ittra jew tal-fajl jew rekord imfassal fil-proċedimenti huma kollha provi bil-miktub illi saret in-notifika.
F'każ ta' notifika bit-trażmissjoni elettronika tad-dejta, is-sistema kompjuterizzata tal-qrati tiċċertifika d-data u l-ħin tal-ħruġ.
10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?
In-nuqqas ta' suċċess ta' notifika huwa difett ewlieni li jwassal għall-invalidità tal-proċedura kollha minn, iżda mhux inkluż, ir-rikors inizjali.
In-nuqqas ta' suċċess ta' notifika iseħħ fl-każijiet li ġejjin:
- in-notifika ma ssirx għal kollox;
- isir żball fl-indentifikazzjoni tal-persuna li trid tiġi notifikata;
- notifika bil-pubblikazzjoni mhux kif suppost;
- notifika li ssir wara l-mewt tal-persuna fiżika jew it-terminazzjoni tal-persuna ġuridika li trid tiġi notifikata;
- provi illi d-destinatarju tan-notifika ma kienx jaf bid-dokumenti għal raġunijiet mhux attribwibbli lilu;
Din l-invalidità titqies rettifikata biss jekk il-konvenut jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (fejn huwa parti ewlenija) jaġixxi fil-proċedimenti mingħajr ma jopponi minnufih għan-nuqqas ta' notifika.
Minbarra l-każijiet imsemmija aktar il-fuq, in-nuqqas ta' kull att jew formalità rikjesta mil-liġi rigward in-notifika jikkostitwixxi irregolarità sempliċi. Jekk din l-irregolarità tiġi mqajjma jew jekk il-qorti ssir taf biha matul il-proċedimenti, hija tordna li tiġi rettifikata. F'każijiet oħra, irregolarità fin-notifika tfisser illi l-att huwa invalidu biss meta l-liġi hekk tiddikjara jew meta hija tista' taffettwa l-eżami jew deċiżjoni fil-kawża. F'dan il-każ, l-atti proċedurali l-oħra mhux affettwati mill-att invalidu jibqgħu validi.
11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?
Iva, f'xi każijiet, kif imsemmi aktar l-isfel, l-ispejjeż tan-notifika jiġu stmati f'UA (Unità tal-Kontijiet). Il-valur tal-UA fl-2015 kien ta' EUR 102.
Għalhekk:
- In-notifika ta' persuni minn uffiċjali tal-eżekuzzjoni tqum 0.5 UA meta tirnexxi u 0.25 UA meta ma tirnexxix.
- In-notifika lil persuni u n-notifika bil-pubblikazzjoni minn uffiċjali ġudizzjarji tqum 0.5 UA meta tirnexxi u b'xejn meta ma tirnexxix.
- L-ispejjeż tat-trasport, meta l-att isir minn uffiċjal ġudizzjarju, u l-VAT, meta huwa dovut, jista' jiġi magħdud ma' dawn l-ammonti.
Nota finali
Din l-informazzjoni hija ta' natura ġenerali, mhix eżawrjenti u mhix vinkolanti fuq il-Punt ta' Kuntatt, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali, il-qrati jew destinatarji oħra. Il-liġi applikabbli trid tiġi konsultata dejjem.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-aħħar aġġornament: 27/12/2019