Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talbiet żgħar - Malta

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Il- proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar hija regolata bil-Kap. 380 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar Tribunal għat-Talbiet Żgħar) kif ukoll b’Leġislazzjoni Sussidjarja 380.01, 380.02 u 380.03.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Dan it-tribunal għandu ġurisdizzjoni sabiex jisma’ u jaqta’ biss it-talbiet kollha ta’ flus ta’ ammont mhux iżjed minn €5,000.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Il-proċeduri jibdew billi l-parti li tagħmel it-talba timla l-formola neċessarja, tippreżenta t-talba tagħha fir-Reġistru tat-Tribunal, tħallas id-dritt u titlob lit-Tribunal jinnotifika lill-konvenut bit-talba. Imbagħad il-kontro-parti jkollha tmintax-il jum minn meta jkun ġie notifikat bl-avviż tat-talba sabiex tippreżenta r-risposta. Tista’ wkoll tagħmel kontro-talba. Jekk il-konvenut iħoss li għandu jkun ħaddieħor li jħallas għat-talba ta’ l-attur, allura dan għandu jindika lil dik il-persuna. Ir-Reġistratur tal-Qrati mbagħad jinnotifika lill-partijiet bid-data u bil-ħin tas-smigħ. Il-ġudikatur jirregola l-proċedimenti quddiem it-Tribunal kif ikun jidhirlu xieraq skont id-dettami tal-ġustizzja naturali. Il-ġudikatur għandu jiżgura li każ għandu, daqskemm ikun possibli, jinstema’ u jinqata’ sommarjament fl-istess jum tas-smigħ u li dak is-smigħ ma jtulx iktar minn seduta waħda. Għandu jitgħarraf b’kull mod li jista’ jidhirlu xieraq u ma jkunx marbut bil-prattika dwar l-aħjar prova jew dwar xhieda fuq kliem ħaddieħor jekk ikun sodisfatt li x-xhieda li jkollu quddiemu tkun biżżejjed veritiera li biha jista’ jasal jaqta’ l-każ li jkun qed jitratta. Il-ġudikatur għandu kemm jista’ jkun jiddeżisti milli jqabbad periti sabiex jagħtul-parir espert tagħhom. Il-gudikatur ikollu l-istess setgħa daqs Maġistrat li joqgħod fil-Qorti tal-Maġistrati fil-kompetenza ċivili tagħha u b’mod partikolari jkun jista’ jħarrek ix-xhieda u jamministralhom il-ġurament.

1.3 Formoli

Il-parti li tagħmel it-talba għandha timla l-formola għat-talba li tinsab fl-ewwel Skeda tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 380.01 (Regoli dwar tribunal għat-talbiet żgħar). Il-kontro-parti għandha tirrispondi billi timla formola wkoll, liema formola ukoll tinsab fl-ewwel Skeda tal-Leġislazzjoni Sussidjarja msemmija.

1.4 Assistenza

Il-partijiet jistgħu jkunu assistiti minn kull persuna. Persuna mhux bilfors tkun assistita minn avukat jew prokuratur legali.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Parti tista’ ġġib kemm xhieda li tingħata bil-fomm kif ukoll xhieda dokumentarja jew dawn iż-żewġ tipi ta’ xhieda flimkien. Xhud jista’ jitħarrek biex jagħti x-xhieda tiegħu jew iġib miegħu xi dokument quddiem it-Tribunal billi jiġi notifikat, permezz tat-Tribunal, b’taħrika sabiex jidher quddiemu fid-data u fil-ħin hemm indikati, mill-inqas tliet ijiem qabel id-data meta x-xhud ikun meħtieġ li jixhed. Jekk xhud li jkun ġie debitament imħarrek jonqos milli jidher waqt seduta, it-Tribunal jista’ jordna li dak ix-xhud jinġieb b’arrest għal seduta li ssir f’data oħra.

1.6 Proċedura bil-miktub

It-talba u ir-risposta għall-dik it-talba isiru bil-miktub. Ix-xhieda tista’ tkun dokumentarja. Pero’ wieħed bilfors irid jidher quddiem it-Tribunal fid-dati ffissati mit-Tribunal stess.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Fid-deċiżjoni tiegħu il-ġudikatur għandu jelenka d-dettalji ewlenin li fuqhom ikun sejjes id-deċiżjoni tiegħu. Fl-istess deċiżjoni għandu jiddeċiedi wkoll fuq l-ispejjeż.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

F’kull deċiżjoni li jagħti l-ġudikatur għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż li xi waħda mill-partijiet ikollha tbati. Sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali li jitolbu xort’ oħra l-parti li titlef il-każ tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tal-parti l-oħra li favur tagħha jkun inqata’ l-każ. L-ispejjeż ikunu limitati biss għan-nefqiet attwali li jkunu saru b’mod dirett dwar il-każ mill-parti li favur tagħha jkun inqata’ l-każ. Fil-każ ta’ talba vessatorja jew frivola t-Tribunal jista’ jordna lill-parti li tkun għamlitha sabiex tħallas lill-konvenut penali ta’ mhux iżjed minn €232.94, liema penali jkunu dovuti bħala dejn ċivili.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Appell minn deċiżjoni tat-Tribunal għandu jiġi ppreżentat fir-Reġistru tal-Qrati b’rikors li jsir fil-Qorti ta’ l-Appell fil-kompetenza inferjuri tagħha fi żmien tmintax-il jum mid-data meta l-Ġudikatur ikun ta d-deċiżjoni tiegħu.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 22/03/2017