Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talbiet żgħar - Svezja

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Iva hemm proċedura speċjali għal kwistjonijiet ċivili li jinvolvu ammonti żgħar.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Il-proċedura speċjali għal kwistjonijiet ċivili li jinvolvu ammonti żgħar tiġi segwita mill-qorti ordinarja tal-prim'istanza (il-qorti distrettwali; "tingsrätt") meta t-talba tar-rikorrent taqa' taħt ċertu livell limitu. Il-livell limitu attwalment huwa ta' (sa mill-2013) SEK 22,500. Il-livell limitu mhux ammont stabbilit mil-liġi, iżda huwa marbut ma' dak magħruf bħala l-ammont tal-prezz bażi, u dan ifisser li l-livell limitu huwa kkalkulat b'referenza għax-xejra fil-prezz.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

L-użu ta' din il-proċedura mhux limitat għal ċerti tipi ta' każijiet, bħal kawżi ċivili tal-konsumatur. Il-kriterji applikabbli huma li l-każ irid ikun kawża ċivili, u li l-valur tat-tilwima jrid ikun taħt il-livell limitu. Il-proċedura ma tistax tintuża f'kawżi tal-familja.

1.3 Formoli

Mhemmx formola standard biex tinbeda proċedura għal każ li jinvolvi ammont żgħir. Hemm formola sabiex wieħed japplika għal ċitazzjoni, li tista' tintuża irrispettivament mill-ammont involut fil-każ. Il-formola tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali Svediżi ("Domstolsverket") (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.domstol.se/) bl- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIsvediz u bl- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIngliz.

1.4 Assistenza

Jekk isir rikors quddiem qorti distrettwali ("tingsrätt"), hija disponibbli l-għajnuna għat-tnedija tal-proċedimenti. L-awtoritajiet tal-Istat għandhom obbligu ġenerali ta' servizz li huma mnaqqxa fil-liġi. Dan l-obbligu jfisser li l-persuni jistgħu jċemplu lil jew imorru quddiem qorti distrettwali, pereżempju, u jirċievu pariri ġenerali dwar il-proċedimenti u r-regoli li japplikaw għalihom. L-imħallef presjedenti wkoll għandu obbligu biex jiżgura li l-kwistjonijiet konċernati jiġu ċċarati, u li l-partijiet jispeċifikaw fuq xhiex beħsiebhom iserrħu fil-kawża, matul il-preparamenti għal kawża u skont in-natura tal-każ. Fil-prattika, l-imħallef iwettaq id-dmirijiet tiegħu permezz ta' mistoqsijiet u rimarki addizzjonali.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Mhemmx regoli speċjali għal każijiet li jikkonċernaw tilwim li jinvolvi ammonti żgħar. Fi kliem ieħor, iridu jiġu ppreżentati kemm provi orali u bil-miktub. Id-dikjarazzjonijiet bil-miktub tax-xhieda huma permessi biss f'ċerti sitwazzjonijiet speċjali. Tista' tinkiseb aktar informazzjoni dwar ir-regoli dwar il-kumpilazzjoni tax-xhieda skont il-liġi Svediża hawnhekk.

1.6 Proċedura bil-miktub

Il-qorti tista' tagħti deċiżjoni purament abbażi ta' proċedimenti bil-miktub. Din l-opportunità tintuża meta l-proċedimenti orali la huma meħtieġa b'referenza għall-investigazzjoni tal-każ u lanqas mhuma mitluba mill-partijiet.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Mhemmx regoli speċjali li jirregolaw il-formolazzjoni ta' sentenza f'każijiet li jinvolvu ammonti żgħar. Dan li ġej japplika għall-kawżi ċivili kollha, inklużi s-sentenzi f'kawżi li jinvolvu ammonti żgħar. Is-sentenza trid tingħata bil-miktub u jkollha l-informazzjoni li ġejja f'taqsimiet separati: l-isem tal-qorti u d-data u l-post tal-għoti tas-sentenza, il-partijiet u r-rappreżentanti jew konsulenti tagħhom, il-parti operattiva tas-sentenza, il-pretensjonijiet u t-talbiet tal-partijiet rispettivi u ċ-ċirkostanzi li fuqhom huma bbażati, u r-raġunijiet għas-sentenza, inkluża l-informazzjoni dwar x'ġie ppruvat fil-każ.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Ir-regoli speċjali dwar l-ispejjeż huma l-aktar fattur speċjali u importanti tal-każijiet li jinvolvu ammonti żgħar. Il-parti rebbieħa għand biss dritt għar-rimborż għal siegħa ta' pariri legali għal darba biss quddiem kull qorti, kif ukoll għat-tariffa tar-rikors, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni b'rabta mas-seduta tal-qorti, l-ispejjeż tal-provi li nkisbu mix-xhieda u l-ispejjeż tat-traduzzjoni tad-dokumenti. Il-kumpens jingħata biss jekk l-ispejjeż intalbu b'mod raġonevoli sabiex il-parti rebbieħa tkun tista' tassserixxi d-drittijiet tagħha. Il-ħlas tar-rappreżentanti għalhekk mhux soġett għal rimborż, aktar mill-ammont korrispondenti għas-siegħa pariri legali.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Jista' jsir appell minn sentenza mogħtija minn qorti inferjuri quddiem qorti superjuri.

Irid jinġieb permess għal appell sabiex il-qorti tal-appell ("hovrätt") tkun tista' teżamina s-sentenza mill-qorti distrettwali ("tingsrätt"). Il-permess għall-appell jista' jingħata biss jekk l-eżami tal-appell minn qorti superjuri huwa importanti għall-ġestjoni tal-applikazzjoni tal-liġi, jekk hemm raġunijiet għalfejn għandha tinbidel is-sentenza mogħtija mill-qorti distrettwali, jew jekk hemm raġunijiet raġonevoli oħra għall-eżami tal-appell. Parti li tixtieq tappella kontra sentenza tal-qorti distrettwali trid tagħmel dan bil-miktub, u l-appell irid jasal quddiem il-qorti distrettwali fi żmien tliet ġimgħat mid-data li fiha ngħatat is-sentenza.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 05/11/2015