Talbiet Żgħar - Franza


Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti

Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni

Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika

Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom

L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi

Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas

Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell

Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami

Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati

L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni

Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti

It-talbiet li jsiru skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jiġu ppreżentati, skont il-kompetenzi konferiti lilhom, lill-qrati distrettwali (tribunaux d’instance) jekk it-talba tkun ta’ natura ċivili (l-Artikolu L. 221‐4‐1 tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni Ġudizzjarja) jew lill-qrati kummerċjali (tribunaux de commerce) jekk it-tilwima tkun tirrigwarda kummerċjanti jew kumpaniji kummerċjali jew finanzjarji (l-Artikolu L. 721‐3‐1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ).

Fil-każijiet li fihom ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali jiddeżinja l-qrati ta’ Stat Membru mingħajr speċifikazzjoni ulterjuri, il-qorti b’ġurisdizzjoni territorjali tkun dik tal-post ta’ residenza tal-intimat jew ta’ wieħed mill-intimati.

Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni

It-talba biex jinbdew proċedimenti ġudizzjarji tista’ tiġi ppreżentata lill-qorti permezz tal-posta.

Il-partijiet fi proċediment li jinbeda skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jistgħu jikkomunikaw mal-qrati permezz tal-posta.

Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika

Il-partijiet fil-kawża jistgħu jitolbu għal informazzjoni biex jimlew il-formoli annessi mar-Regolament f’konformità mal-Artikolu 11 mingħand:

  • l-iskrivani tal-qorti tal-qrati b’kompetenza li jittrattaw it-talbiet ippreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, jiġifieri l-qrati distrettwali u l-qrati kummerċjali; fil-każ speċifiku tal-qrati distrettwali, dawk li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa rigward il-proċeduri jkunu primarjament l-iskrivani tal-qorti impjegati fis-servizz ta’ lqugħ tal-partijiet fil-kawża (service d’accueil du justiciable – SAUJ) tal-qorti. It-tnedija ta’ dawn is-servizzi ta’ lqugħ se ssir sal-31 ta’ Diċembru 2017;
  • il-persunal li jaħdem f’ċentri legali (maisons de la justice et du droit) li jinsabu mifruxa fit-territorju nazzjonali kollu;
  • l-avukati tal-għassa tal-għajnuna legali provduti bla ħlas miċ-ċentri ta’ konsulenza legali fuq livell dipartimentali (centres départementaux d’accès au droit) u li jistgħu jiġu kkonsultati mill-partijiet.

Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom

Mhijiex permessa n-notifika tal-atti inkwistjoni b’mod elettroniku. Għaldaqstant ma hemm l-ebda mezz tekniku disponibbli.

Il-komunikazzjoni mal-qrati Franċiżi kompetenti li jittrattaw it-talbiet ippreżentati skont ir-Regolament dwar it-Talbiet Żgħar issir biss permezz tal-posta.

L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi

L-ebda persuna u l-ebda professjonist ma għandu l-obbligu li jaċċetta notifika ta’ att b’mod elettroniku skont l-Artikolu 13.

Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas

  • Jekk il-proċedimenti jitressqu quddiem il-qorti distrettwali, ma jkun hemm l-ebda tariffi tal-qorti. Madankollu, il-qorti tista’ tikkundanna lill-parti li titlef il-kawża biex iġġarrab l-ispejjeż , inklużi dawk tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. L-ispejjeż tan-notifika b’ittra rakkomandata huma akkarigu tal-qorti. L-ispejjeż ta’ notifika eventwali mġarrba skont l-Artikolu 1387 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili huma soġġetti għal titolu eżegwibbli maħruġ mill-qorti u r-responsabbiltà għall-irkupru tiegħu hija tat-Teżor tal-Istat. Il-qorti distrettwali tista’ tikkundanna lill-parti li titlef il-kawża biex tħallas l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati, jiġifieri l-ispejjeż tar-rappreżentanza u tal-assistenza mġarrba mill-parti rebbieħa.
  • Jekk il-proċedimenti jitressqu quddiem il-qorti kummerċjali, it-tariffi tal-qorti jiddependu fuq jekk issirx seduta jew le. Fin-nuqqas ta’ seduta, it-tariffa tal-qorti tkun ta’ EUR 17.80 (il-kost ta’ applikazzjoni għal talba); jekk is-seduta ssir, it-tariffi tal-qorti jkunu jammontaw għal madwar EUR 67. Dawn l-ammonti ma jinkludux xi spejjeż oħra li jistgħu jiżdiedu magħhom.

Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell

Jistgħu jiġu ppreżentati r-rikorsi segwenti skont il-liġi Franċiża f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament:

  • Appell meta s-sentenza tingħata fl-ewwel istanza, jiġifieri meta t-talba tkun aktar minn EUR 4 000. L-appell jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe parti fi żmien xahar minn meta s-sentenza tiġi nnotifikata (l-Artikoli 528 u 538 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
  • Tista’ tiġi ppreżentata oġġezzjoni mill-intimat li ma jkunx ġie nnotifikat personalment bis-sentenza f’konformità mal-Artikolu 5(2), u li ma jkunx wieġeb fl-għamliet previsti fl-Artikolu 5(3) (“sentenza mogħtija f’kontumaċja”). Oġġezzjoni tali tiġi ppreżentata lill-qorti li tkun tat is-sentenza kkontestata (l-Artikoli 571 sa 578 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami

Jekk id-deċiżjoni tkun waħda finali, il-partijiet jistgħu jippreżentaw appell fuq punti tal-liġi (pourvoi en cassation) lill-Qorti tal-Kassazzjoni (l-Artikoli 605 sa 618‐1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

F’każ ta’ evażjoni intenzjonata tal-ġustizzja (fraude au jugement), il-partijiet jistgħu jippreżentaw rikors għal ritrattazzjoni (recours en révision) quddiem il-qorti li tkun tat is-sentenza kkontestata (l-Artikoli 593 sa 603 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati

Il-lingwi aċċettati skont l-Artikolu 21a(1) huma: il-Franċiż, l-Ingliż, il-Ġermaniż, it-Taljan u l-Ispanjol.

L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni

L-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni huma l-marixxalli tal-qorti (huissiers de justice) u, l-kap tar-reġistraturi tal-qorti (greffier en chef) fil-każ ta’ mandat ta’ qbid tar-remunerazzjoni (saisie des rémunérations) awtorizzat minn imħallef ta’ qorti distrettwali.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23,

  • f’każ ta’ sentenza mogħtija f’kontumaċja, il-qorti quddiem liema titressaq oġġezzjoni tista’, qabel ma tiġġudika mill-ġdid il-mertu tal-każ, tirtira kull titolu ta’ eżekuzzjoni proviżorja, bil-konsegwenza li tissospendi l-eżekuzzjoni (l-Artikolu 524 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • fil-każijiet kollha, l-imħallef tal-eżekuzzjoni, wara notifika ta’ ordni (commandement) jew mandat ta’ sekwestru (acte de saisie), jista’ jiddifferixxi l-eżekuzzjoni billi jagħti perjodu ta’ grazzja lid-debitur (l-Artikolu 510 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 07/12/2018