Talbiet żgħar - Awstrija

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Ma hemm l-ebda proċedura għal pretensjonijiet żgħar bħala tali fil-liġi Awstrijaka. Il-Kodiċi Awstrijak ta’ Proċedura Ċivili (ZPO) jipprovdi biss għal proċedura simplifikata f’ċerti kwistjonijiet imressqa quddiem il-Qrati Distrettwali. Bħala regola, dawn huma regoli proċedurali speċjali jew proċedura simplifikata għal tilwim purament finanzjarji li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qrati Distrettwali (ammont inkwistjoni ta’ EUR 15 000 jew inqas, li jitla’ għal EUR 20 000 mill-1 ta’ Jannar 2015 u għal EUR 25 000 mill-1 ta’ Jannar 2016). Ċerti simplifikazzjonijiet proċedurali jistgħu jiġu applikati f’każijiet li jinvolvu l-liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, irrispettivament mill-ammont inkwistjoni.

Bħala regola, dawn is-simplifikazzjonijiet japplikaw għal pretensjonijiet żgħar sa EUR 1 000 (ara l-punt 1.5) jew EUR 2 700 (ara l-punt 1.9).

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Ir-regoli speċifiċi għal pretensjonijiet żgħar taħt il-liġi proċedurali Awstrijaka huma obbligatorji u l-partijiet ma jistgħux jidderogaw minnhom.

Għalhekk, la l-Qorti u lanqas il-partijiet ma jistgħu jittrasferixxu l-pretensjoni għal proċedimenti "ordinarji".

1.3 Formoli

Peress li ma hemm l-ebda proċedura għal pretensjonijiet żgħar fl-Awstrija, ma hemm l-ebda formoli partikolari għal dawn il-pretensjonijiet.

1.4 Assistenza

Ir-rappreżentazzjoni legali mhijiex obbligatorja fl-Awstrija għall-ammonti inkwistjoni sa EUR 5 000. L-imħallfin għandhom jipprovdu assistenza lil partijiet mingħajr ebda rappreżentanza legali, jiġifieri huma għandhom jagħtu pariri lill-partijiet dwar id-drittijiet u l-obbligi proċedurali tagħhom u dwar il-konsegwenzi legali tal-atti u l-omissjonijiet tagħhom. Il-Partijiet huma wkoll kapaċi jirreġistraw il-pretensjoni tagħhom bil-fomm quddiem il-Qorti Distrettwali b’ġuriżdizzjoni jew quddiem il-Qorti Distrettwali fil-post ta’ residenza tagħhom. Jekk sottomissjoni bil-miktub minn parti b’ebda rappreżentanza legali hija inadegwata, l-imħallef għandu jagħti lil dik il-parti spjegazzjoni xierqa u gwida. L-imparzjalità tal-imħallef ma għandhiex tiġi kompromessa b’dan.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Fil-każ ta’ pretensjonijiet ta’ EUR 1 000 jew inqas, il-qorti tista’ tinjora l-evidenza offruta mill-parti jekk kjarifika sħiħa taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tkun sproporzjonalment diffiċli. Hawnhekk ukoll, madankollu, l-imħallef għandu jieħu deċiżjoni mhux arbitrarja in bona fede, bbażata fuq ir-riżultat tal-proċedimenti b'mod ġenerali. Din id-Deċiżjoni tista’ tiġi riveduta fi stadji suċċessivi tal-appell.

1.6 Proċedura bil-miktub

Il-liġi Awstrijaka ma tippermettix li l-proċedimenti jitwettqu kompletament bil-miktub. Madankollu, peress li ma hemm l-ebda restrizzjoni ta’ evidenza fl-Awstrija, l-istqarrijiet tax-xhieda jistgħu jiġu ppreżentati bil-miktub. Madankollu, tali prova hija trattata bħala evidenza dokumentata minflok xhieda.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Skont il-Kodiċi Awstrijak ta’ Proċedura Ċivili, jekk is-sentenza tiġi ppronunzjata oralment, japplikaw rekwiżiti inqas stretti għall-kopja bil-miktub tas-sentenza, irrispettivament mill-ammont inkwistjoni. Jekk sentenza ġiet iddikjarata bil-fomm fil-preżenza taż-żewġ partijiet u l-ebda parti ma appellat kontra din fil-ħin, il-qorti tista’ toħroġ “kopja tas-sentenza abbrevjata” limitata għar-raġunijiet prinċipali għad-deċiżjoni.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Skont il-liġi Awstrijaka, l-ispejjeż fil-kawżi ċivili ġeneralment huma rimborżati fi proporzjon mal-grad ta’ suċċess. Kemm l-ispejjeż tal-qorti kif ukoll it-tariffi legali huma marbuta direttament mal-ammont inkwistjoni. Bħala regola, għalhekk, ammont iżgħar inwkistjoni se jirriżulta f’inqas spejjeż tal-qorti u tariffi legali. Billi l-ispejjeż huma stabbiliti f’atti u regolamenti fil-forma ta’ tariffi, l-ispejjeż jistgħu jinżammu baxxi għal pretensjonijiet żgħar. Madankollu, ma hemm l-ebda regoli tal-spiża speċjali għal dan it-tip ta’ pretensjoni.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Il-liġi Awstrijaka tippermetti biss drittijiet limitati ta’ appell fi proċedimenti ta' pretensjonijiet żgħar. L-appelli fi proċedimenti ta' pretensjonijiet sa EUR 2 700 huma permessi biss fuq punti ta’ liġi jew fuq il-bażi ta’ invalidità (żbalji proċedurali estremament serji). Żbalji proċedurali oħra ma jistgħux jiġu kkontestati, lanqas is-sejbiet dwar il-fatti jew l-evalwazzjoni tal-evidenza mill-Qorti tal-Prim’ Istanza ma jistgħu jiġu kkontestati. Altrimenti, japplikaw ir-regoli tal-proċedura "ordinarja".


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 02/06/2018