Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talbiet żgħar - Franza

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Fi Franza hemm proċedura simplifikata quddiem il-qorti distrettwali u l-qorti lokali magħrufa bħala d-dikjarazzjoni fir-reġistru u rregolata mill-Artikoli 843 u 844 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Il-proċedura tibda quddiem il-qorti permezz ta’ dikjarazzjoni orali jew bil-miktub fir-reġistru tagħha. Ir-Reġistratur isejjaħ lill-partijiet għas-seduta permezz ta’ ittra reġistrata b’konferma tal-wasla. Fis-seduta, l-imħallef jipprova jirrikonċilja l-partijiet u jista’, bil-kunsens tagħhom, jaħtar konċiljatur tal-Ġustizzja. Fin-nuqqas ta’ konċiljazzjoni, il-proċedura tkompli għaddejja. Ir-rappreżentazzjoni minn avukat mhijiex obbligatorja. Il-partijiet jistgħu jagħżlu li jiġu rrappreżentati mill-konjuġi tagħhom, mis-sieħeb tagħhom, mill-persuna li magħha ffirmaw patt ċivili ta’ solidarjetà, mill-ġenituri tagħhom jew qraba fil-linja diretta jew kollaterali u mill-persuni li jaħdmu magħhom.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

It-talba ma għandhiex taqbeż l-EUR 4000 u trid taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti distrettwali jew tal-qorti lokali.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Il-proċedura ta’ dikjarazzjoni fir-reġistru hija fakultattiva.

Id-dikjarazzjoni fir-reġistru ma tistax tinbidel fi proċedura ordinarja.

1.3 Formoli

Il-formola mhix obbligatorja, peress illi d-dikjarazzjoni fir-reġistru tista’ ssir oralment. Madankollu teżisti formola sabiex kawża titressaq il-qorti. Din hija l-formola CERFA Nru 10–0099 disponibbli fis-sit tal-amministrazzjoni Franċiża u fir-reġistri tal-qrati distrettwali kollha.

1.4 Assistenza

Peress illi hija proċedura sempliċi fir-rigward ta’ talbiet li ma jaqbżux l-EUR 4 000, fejn il-partijiet jiġu mismugħa mill-imħallef, l-għajnuna legali mhix prevista.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Ir-regoli dwar il-provi huma simili għal dawk tal-proċedura ordinarja.

1.6 Proċedura bil-miktub

Ma hemmx proċedura purament bil-miktub fil-kuntest ta’ din il-proċedura simplifikata.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Ir-regoli applikabbli għas-sentenza huma l-istess bħal dawk għall-proċedura ordinarja.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Ir-regoli li japplikaw huma l-istess bħal dawk ta’ proċeduri oħra. Madankollu, peress li f’din il-proċedura ma hemmx bżonn tal-assenjazzjoni u ta’ rappreżentazzjoni minn avukat, l-ispejjeż huma inqas.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Minħabba l-valur tat-tilwima, il-possibbiltà ta’ appell hija eskluża. Is-sentenza tista’ biss tkun soġġetta għal risposta jew ta’ appell fil-kassazzjoni.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSit tal-Ministeru tal-Ġustizzja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSit Legifrance


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2017