Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talbiet żgħar - Irlanda

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Iva din il-proċedura teżisti skont il-liġi Irlandiża bħala metodu alternattiv ta’ kif tibda talba ċivili żgħira. [Ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidar-Regoli tal-1997 u l-1999 dwar il-l-Qorti Distrettwali (il-Proċedura għat-Talbiet iż-Żgħar)]. Dan huwa servizz ipprovdut mill-uffiċċji tal-Qrati Distrettwali bl-għan illi jittratta t-talbiet tal-konsumaturi bl-irħis mingħajr il-bżonn ta’ solicitor. Il-proċedimenti li jinvolvu talbiet żgħar (jiġifieri ċerti talbiet ta’ valur massimu ta’ EUR 2 000) jistgħu jinbdew ukoll bl-Internet.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

It-tipi ta’ talbiet koperti mill-proċedura għat-talbiet iż-żgħar huma:

(I) talbiet għal oġġetti jew servizzi mixtrija għal użu privat minn xi ħadd li jbigħhom fil-kors ta’ negozju (talbiet tal-konsumaturi)

(ii) talbiet għal danni minuri kkawżati fuq proprjetà (minbarra danni fuq il-persuna)

(iii) talbiet għal nuqqas ta’ ritorn ta' depożitu fuq kera għal ċerti tipi ta’ propjetajiet mikrija. Pereżempju, dar tal-villeġġjatura jew kamra/appartament f’bini li fih jgħix ukoll is-sid sakemm it-talba ma taqbiżx l-ammont ta’ EUR 2000.

It-talbiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta ma’ talbiet ta’ sid il-propjetà/il-kerrej jew akkomodazzjoni mikrija li ma taqax taħt il-proċedura għat-talbiet iż-żgħar jistgħu jitressqu quddiem il-Private Residential Tenancies Board (Bord tal-Użu Residenzjali Privat), 2nd Floor, O’Connell Bridge House, D’Olier Street, Dublin 2. Sit web: http://www.prtb.ie/

Esklużi mill-proċedura għal talbiet żgħar huma talbiet ġejjin minn:

(i) ftehim ta’ kiri bil-possibbiltà ta’ xiri

(ii) ksur ta’ ftehim ta’ kiri

(iii) djun

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Biex ikun eliġibbli għall-proċedura, il-konsumatur irid ikun xtara l-oġġetti jew is-servizzi għal użu privat mingħand xi ħadd li jbigħhom bħala parti min-negozju tiegħu. Il-proċedura tista’ tintuża wkoll minn negozjant kontra ieħor sa minn Jannar 2010. L-Iskrivan tal-Qorti Distrettwali, imsejjaħ ir-Reġistratur tat-Talbiet iż-Żgħar, jieħu ħsieb it-talbiet iż-żgħar. Fejn ikun possibbli, ir-reġistratur jinnegozja ftehim bejn il-partijiet mingħajr il-bżonn ta’ seduta ta’ smigħ il-qorti. Jekk il-kwistjoni ma tistax tiġi solvuta, ir-reġistratur iressaq it-talba quddiem il-Qorti Distrettwali għal seduta ta’ smigħ.

Ir-rikorrent irid ikun żgur mill-isem u l-indirizz tal-persuna jew kumpanija li jixtieq iressaq it-talba tiegħu kontriha. Jekk l-intimat ikun kumpanija jrid juża t-titlu ġuridiku eżatt. Dawn id-dettalji jridu jkunu preċiżi sabiex ix-Sheriff ikun jista’ jeżegwixxi l-Ordni (Digriet) tal-Qorti.

Jekk ir-Reġistratur tat-Talbiet iż-Żgħar jirċievi risposta mingħand l-intimat fejn jopponi t-talba jew jagħmel kontrotalba, ir-Reġistratur irid jikkuntattja lir-rikorrent u jagħtih kopja tar-risposta jew kontrotalba. Ir-Reġistratur jista’ jsaqsi liż-żewġ partijiet u jinnegozja magħhom biex jipprova jsib ftehim.

Jekk l-intimat jammetti t-talba huwa jrid jinnotifka lill-uffiċċju tar-Reġistratur billi jibgħat il-formola ta’ Avviż ta’ Aċċettazzjoni tar-Responsabbiltà. Jekk l-intimat ma jweġibx, it-talba tiġi awtomatikament meqjusa bħala mhux ikkontestata. Il-Qorti Distrettwali mbagħad toħroġ ordni favur ir-rikorrent (mingħajr il-bżonn illi jidher il-qorti) għall-ammont mitlub, u tordna illi dan jitħallas fi żmien qasir speċifiku.

1.3 Formoli

Ir-Reġistratur tat-Talbiet iż-Żgħar jipprovdi kopja tar-rikors lir-rikorrent li tista’ titniżżel ukoll mis-sit elettroniku tas-Servizzi tal-Qorti hawnhekk Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.courts.ie/

1.4 Assistenza

Peress illi l-għan tal-proċedura għat-talbiet iż-żgħar hija li tittratta talbiet tal-konsumaturi b’mod irħis u mingħajr solicitor, ġeneralment l-għajnuna legali jew parir legali ma jkunux meħtieġa għal dawn it-tip ta’ talbiet.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Jekk il-każ imur il-qorti, il-partijiet iridu jattendu s-seduta ta’ smigħ quddiem il-Qorti Distrettwali. Il-każ jinstema’ fil-pubbliku bħala parti minn seduta normali tal-Qorti Distrettwali. Meta l-każ jiġi msejjaħ ir-Reġistratur tal-Qorti jsejjaħ lill-intimat biex jitla’ fuq il-pedana u jixhed. Ix-xhieda trid tingħata taħt ġurament jew dikjarazzjoni u l-intimat jista’ jagħmel il-kontroeżami tar-rikorrent fuq kwistjonijiet relatati mat-talba. L-intimat jingħata wkoll iċ-ċans li jixhed. Kull xhud jista’ jkun soġġett għal kontroeżami mill-parti l-oħra jew mir-rappreżentanti legali tagħhom jekk ikunu preżenti. Il-partijiet wkoll għandhom dritt isejħu x-xhieda jew jissottomettu rapporti minn xhieda iżda ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ispejjeż għal dan il-għan billi l-proċedura mhix maħsuba biex jiġu rkuprati l-ispejjeż iżda hija intiża biex tiffaċilita l-ftuħ ta’ talbiet żgħar f’forum relattivament irħis.

1.6 Proċedura bil-miktub

Jekk il-kwistjoni ma tiġix riżolta mir-Reġistratur tat-talbiet iż-żgħar, imbagħad dakinhar tas-seduta ta’ smigħ, ir-rikorrent irid iġib miegħu provi bil-miktub li jsostnu t-talba tiegħu, pereżempju ittri, irċevuti jew fatturi rilevanti. Barra minn jekk, iż-żewġ partijiet jingħataw iċ-ċans jixhdu oralment u jistgħu jiġu kontroeżaminati.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Jekk ir-rikorrent jirbaħ il-kawża, il-Qorti Distrettwali mbagħad tagħti ordni favur tiegħu għall-ammont mitlub, u tordna illi dan jitħallas fi żmien speċifiku u qasir.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Filwaqt li l-partijiet jistgħu iqabbdu konsulent legali, ma għandhomx dritt jirkupraw l-ispejjeż għas-servizzi tiegħu mill-parti l-oħra, lanqas jekk jirbħu l-kawża. L-għan aħħari tal-proċedura għat-talbiet iż-żgħar hija li tiffaċilita l-ftuħ tal-kawża mingħajr il-bżonn ta’ solicitor jew barrister.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Kemm ir-rikorrent u kemm l-intimat għandhom id-dritt li jappellaw mill-ordni tal-Qorti Distrettwali quddiem is-Circuit Court. L-ispejjeż jiġu aġġudikati mis-Circuit Court iżda dik hija kwistjoni għall-imħallef individwali tas-Circuit Court.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.courts.ie/

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.courts.ie/courts.ie/Library3.nsf/PageCurrentWebLookUpTopNav/Small%20Claims%20Procedure

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.citizensinformation.ie/en/justice/courts_system/small_claims_court.html

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.courts.ie/courts.ie/Library3.nsf/PageCurrentWebLookUpTopNav/Small%20Claims%20Procedure


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 06/11/2018