Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Talbiet żgħar - Olanda

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Il-proċedura għal talbiet żgħar hija l-proċedura permezz ta’ ċitazzjoni fis-sezzjoni sub distrettwali tal-qorti (sector kanton van de rechtbank). Din hija l-proċedura ordinarja permezz ta’ ċitazzjoni, b’simplifikazzjoni tal-proċedura. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering) ma fihx dispożizzjonijiet separati għall-ftuħ ta’ kawżi quddiem il-qorti sub distrettwali.

Il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar tista’ tintuża wkoll f'każijiet transfruntiera fl-UE.

Fil-liġi Netherlandiża, hemm Att li jimplimenta r-Regolament li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (l-Att tad-29 ta’ Mejju 2009 li jimplimenta Regolament (KE) NRU 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (Wet van 29 mei 2009 tot uitvoering van Verordening (EG) nr. 861/2007 van het Europees Parlement en de Raad van de Europese Unie van 11 juli 2007 tot vaststelling van een Europese procedure voor geringe vorderingen).

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Il-qorti sub distrettwali tisma’:

  • kawżi marbuta ma’ talbiet sa valur massimu ta’ EUR 25 000;
  • kawżi marbuta ma' talbiet ta’ valur mhux determinat, jekk il-valur x’aktarx ma jaqbiżx EUR 25 000.

Barra minn hekk, l-imħallef tal-qorti sub distrettwali jiddeċiedi kawżi li jikkonċernaw il-liġi industrijali, kirjiet, aġenziji, kuntratti ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri u kuntratti ta’ bejgħ lil konsumatur, appelli mill-multi tat-traffiku u reati minuri.

Il-kawżi dwar talbiet żgħar Ewropej jinstemgħu wkoll mill-qorti sub distrettwali. Il-livell limitu għall-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar huwa determinat mir-Regolament għal valur massimu ta’ EUR 2 000.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Mhemmx proċedura speċjali tal-qorti sub distrettwali. Fil-prinċipju, ir-regoli għall-proċedura biċ-ċitazzjoni japplikaw kemm għall-qorti distrettwali kif ukoll is-sezzjoni sub distrettwali tagħha. Differenza importanti hija li fil-kawżi quddiem il-qorti sub distrettwali, il-partijiet għandhom id-dritt jiddefendu l-kawża huma stess, filwaqt li għal kawżi oħra (quddiem il-qorti distrettwali), il-partijiet għandhom bżonn ir-rappreżentanza ta’ avukat. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1.4 hawn taħt. Barra minn hekk, fis-sezzjoni sub distrettwali, il-kawżi jiġu mismugħa minn imħallef uniku.

Ir-regoli dwar il-proċedura b’ċitazzjoni japplikaw ukoll għat-talbiet żgħar Ewropej.

1.3 Formoli

Il-proċedimenti quddiem il-qorti sub distrettwali normalment jibdew b’ċitazzjoni. Il-proċedimenti li jibdew b’ċitazzjoni huma l-istess għall-qrati kollha (il-qorti distrettwali u l-qorti sub distrettwali). L-aktar dikjarazzjonijiet importanti fiċ-ċitazzjoni huma l-pretensjoni u r-raġunijiet warajha (il-fatti u l-liġi li fuqhom hija bbażata l-pretensjoni).

Xi ftit partikolaritajiet tal-proċedimenti tal-qorti sub distrettwali huma:

  1. L-intimat jitħarrek quddiem il-qorti distrettwali A, iżda jidher quddiem l-imħallef tal-qorti sub distrettwali fis-sede prinċipali tal-qorti A jew f'sede speċifika tal-qorti sub distrettwali A).
  2. Jekk għall-proċedimenti l-intimat ikun rappreżentat minn rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz ta’ dan ir-rappreżentat iridu jitniżżlu fiċ-ċitazzjoni.

Talba skont il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar ssir bil-formola A. Din il-formola tista’ titniżżel mill-portal Ewropew tal-ġustizzja elettronika.

Ir-rikors irid isir lill-qorti li għandha ġuriżdizzjoni. Il-qorti jrid ikollha ġuriżdizzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali.

1.4 Assistenza

F’kawżi quddiem il-qorti sub distrettwali, l-partijiet jistgħu jiddefendu l-kawża huma stess. Dan ifisser illi mhemmx l-obbligu ta’ rappreżentanza minn avukat. L-għajnuna mogħtija minn rappreżentant awtorizzat, li mhemmx għalfejn ikun avukat, hija possibbli wkoll. Dwar ir-rimborż tal-ispejjeż għall-assistenza legali ta’ avukat, ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 1.8 hawn taħt.

Fil-proċedura Ewropea, bl-istess mod, il-partijiet ma għandhomx għalfejn jiġu rappreżentati minn avukat jew minn konsulent legali ieħor.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Japplikaw ir-regoli normali dwar il-liġi tal-provi. Skont il-liġi Netherlandiża dwar il-provi, l-imħallef huwa liberu li jevalwa l-provi edotti. Ara wkoll “kumpilazzjoni tal-provi”. L-Artikolu 9 tal-imsemmi Regolament (KE) Nru 861/2007 jirregola l-kumpilazzjoni tal-provi fil-proċedura Ewropea.

1.6 Proċedura bil-miktub

Hemm regoli ta’ proċedura nazzjonali għal qasam ċivili tas-sezzjonijiet sub distrettwali. Id-dokumenti bil-miktub jistgħu jiġu ppreżentati fir-reġistru tal-qorti distrettwali (personalment jew bil-posta jew faks) qabel id-data tal-kawża, iżda wkoll fis-seduta ta' smigħ. Id-dikjarazzjonijiet u r-risposti jistgħu jiġu ppreżentati oralment fil-proċedimenti quddiem il-qorti sub distrettwali. Il-proċedura Ewropea hija proċedura bil-miktub, għalkemm tista’ ssir seduta ta’ smigħ jekk l-imħallef iqisha neċessarja jew jekk hekk parti titlob li ssir.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Is-sentenza għandu jkun fiha:

  • l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet u tar-rappreżentanti awtorizzati jew avukati tagħhom;
  • kif miexja l-proċedura;
  • il-konklużjoni taċ-ċitazzjoni u d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet;
  • ir-raġunijiet għad-deċiżjoni, bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet tal-imħallef;
  • id-deċiżjoni finali tal-imħallef;
  • l-isem tal-imħallef u
  • id-data tal-għotja tas-sentenza.

L-imħallef jiffirma s-sentenza.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Jekk il-kawża titressaq quddiem qorti sub distrettwali, din tista’ tinvolvi dawn l-ispejjeż: It-tariffa tal-qorti għall-preżentata, it-tqassim tal-ispejjeż ordnati mill-qorti u l-ispejjeż għall-assistenza legali

It-tariffa tal-qorti għall-preżentata titħallas meta’ l-kawża titressaq quddiem il-qorti. L-ammont jiddependi min-natura tal-każ. Fil-prattika, l-avukat tiegħek iħallas dan l-ammont bil-quddiem u mbagħad iżommlok tagħha aktar tard. L-imħallef jista’ jordna lill-parti telliefa biex tħallas l-ispejjeż tal-parti l-oħra. Jekk ħadd mill-partijiet ma jirbaħ il-kawża għal kollox, kulħadd iħallas l-ispejjeż tiegħu. It-tqassim tal-ispejjeż ordnati mill-qorti jistgħu jinkludu l-ispejjeż għall-assistenza legali, kif ukoll l-ispejjeż tax-xhieda, l-esperti, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza, l-ispejjeż tal-estratti u spejjeż l-oħra barra mill-qorti (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rechtspraak.nl/).

Skont il-leġiżlazzjoni Netherlandiża, dawk il-persuni b’inqas mezzi biex iħallsu ġieli jkollhom il-possibiltà li jingħataw kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-assistenza legali. L-assistenza legali sussidjata mhix possibbli għall-kawżi kollha quddiem il-qrati sub distrettwali kollha. Jekk l-assistenza legali sussidjata mhix possibbli, il-partijiet fil-kawża jħallsu wkoll kontribuzzjoni propja għall-ispejjeż tal-assistenza legali, skont is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Rikors għal kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-assistenza legali jsir mill-avukat quddiem il-Bord għall-Għajnuna Legali (Raad voor rechtsbijstand). Dan huwa regolat mill-Att dwar l-Għajnuna Legali (Wet op de Rechtsbijstand). Il-Kapitolu III A ta’ dan l-Att jistabbilixxi r-regoli dwar l-għoti ta’ għajnuna legali f’kawżi transfruntiera fl-UE. Dan l-Att jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rvr.org./).

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Appell kontra s-sentenzi tas-sezzjoni sub distrettwali tal-qorti jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-appell. L-appell huwa possibbli biss jekk it-talba taqbeż EUR 1 750. L-appell jrid isir fi żmien tliet xhur mid-data tal-għotja tas-sentenza. Fil-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar, l-appell mid-deċiżjoni tal-qorti sub distrettwali mhux possibbli.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 28/07/2017