Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Qrati speċjalizzati - Awstrija

Din it-taqsima tagħtik informazzjoni dwar l-organizzazzjoni ta’ qrati ċivili u kriminali fl-Awstrija.


Qrati speċjalizzati

Fil-prinċipju, il-qrati kollha jittrattaw kull tip ta’ kawża.

Iżda fl-ikbar bliet Awstrijaċi, ċerti qrati huma speċjalizzati:

  • fi Vjenna hemm ħames qrati bħal dawn, li jittrattaw kawżi ċivili, kawżi kriminali, kawżi kummerċjali (żewġ qrati) u kawżi dwar l-impjiegi u l-assistenza soċjali;
  • fi Graz hemm tnejn, waħda tittratta kawżi kriminali u l-oħra l-bqija tal-kawżi.

Il-kawżi dwar l-impjiegi jinkludu prinċipalment kwistjonijiet ċivili dwar relazzjonijiet fl-impjiegi kif definit fit-Taqsima 50 tal-Att dwar il-Qrati tal-Impjiegi u l-Assistenza Soċjali (Arbeits- und Sozialgerichtsgesetz — ASGG); huma jitmexxew permezz tar-regoli ta' proċedura tagħhom, simili għal dawk tal-kawżi ċivili iżda b'ċerti regoli addizzjonali magħhom.

Il-kawżi dwar l-impjiegi jiġu ppreżentati fl-ewwel istanza fil-qrati reġjonali (Landesgerichte), li s-sentenzi tagħhom jistgħu jiġu appellati fit-tieni istanza quddiem il-qrati reġjonali superjuri (Oberlandsgerichte) u finalment fit-tielet istanza quddiem il-Qorti Suprema (Oberster Gerichtshof). Id-Deċiżjonijiet jittieħdu minn Bord (Senat) tal-qorti adattata magħmul minn imħallef professjonali wieħed jew iktar (Berufsrichter) u żewġ assessuri (Laienrichter), wieħed jirrappreżenta lill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u l-ieħor lill-organizzazzjonijiet tal-impjegati.

Il-proċedura ta' appell f'kawżi dwar l-impjiegi hija simili għall-proċedura f'kawżi ċivili, iżda b'inqas restrizzjonijiet fuq l-appelli. Pereżempju, appell fuq punt tal-liġi (Revision) jista' jitressaq quddiem il-Qorti Suprema mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-valur tal-kwistjoni sakemm il-kwistjoni dwar il-punt ta' liġi tkun ta' importanza sostanzjali.

Kawżi dwar il-kummerċ jinkludu prinċipalment kawżi ċivili li negozjant jagħmel parti minnhom kif definit fit-Taqsima 51 tal-Kodiċi tal-Ġuriżdizzjoni (Jurisdiktionsnorm); bi ftit eċċezzjonijiet, dawn jiġu trattati permezz ta' proċedura ċivili ordinarja. Meta tinstema' l-kawża minn Bord ta' waħda mill-qrati tal-ewwel jew it-tieni istanza, iżda mhux fil-Qorti Suprema, assessur mhux espert li jirrappreżenta n-negozjanti ikun preżenti mal-imħallfin professjonali.

Fi proċeduri mhux kontenzjużi (Verfahren außer Streitsachen) il-qrati għandhom jikkunsidraw kwistjonijiet ta' liġi privata li jiġu assenjati lilhom minħabba l-karatteristika speċjali tagħhom (ċerti soluzzjonijiet, kwistjonijiet ta' kustodja legali, u kawżi oħra li fihom normalment ma jkunx hemm żewġ partijiet b'interessi opposti).

Bħala regola ġenerali kawżi bħal dawn għandhom l-ewwel nett jitressqu fil-qrati distrettwali (Bezirksgerichte), u s-sentenzi tagħhom jistgħu jiġu appellati fil-qrati reġjonali u finalment fil-Qorti Suprema. Fl-ewwel istanza l-kawżi jiġu trattati minn imħallef wieħed preżenti, jew minn maġistrati msejjħa Rechtspfleger, li jkunu uffiċjali bi kwalifiki speċifiċi; fit-tieni u t-telet istanza dawn jiġu kkunsidrati permezz ta' tliet jew ħames imħallfin professjonali.

Il-proċedura tal-appelli fi proċedimenti mhux kontenzjużi hija simili wkoll għal dawk fil-kawżi ċivili. Madankollu minħabba n-natura speċjali tal-proċedimenti, hemm inqas restrizzjonijiet fuq l-appelli. Huwa wkoll possibbli li fl-appell titressaq kwistjoni ġdida, li tmur lil hinn mill-argumenti u s-sottomissjonijiet imressqa mill-applikant fl-ewwel istanza.

Minħabba l-għadd ta' kawżi differenti li jiġu trattati permezz ta' proċedimenti mhux kontenzjużi wieħed isib bosta regoli speċjali li jmexxu oqsma partikolari.

Qrati amministrattivi

Mill-1 ta’ Jannar 2014 'l hawn, id-deċiżjonijiet tal-korpi amministrattivi ma baqgħux soġġetti għal appell fl-istruttura amministrattiva. Dawn jistgħu jiġu kkontestati billi jsir appell (Beschwerde) quddiem il-qorti amministrattiva federali jew reġjonali. Il-Qorti Amministrattiva tiddeċiedi l-kawża hija stess, minflok tirreferiha lura lill-awtorità li ħadet id-deċiżjoni kkontestata. Sentenzi tal-qrati amministrattivi taħt ċerti ċirkostanzi jistgħu jiġu appellati fuq punt ta’ liġi quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema (Verwaltungsgerichtshof).

Qrati speċjalizzati oħrajn

Pożizzjoni speċjali

Il-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti Amministrattiva Suprema, għandhom pożizzjoni speċjali fis-sistema ġudizzjarja tal-Awstrija: magħrufa bħala "qrati ta' liġi pubblika" (Gerichtshöfe des öffentlichen Rechts) Dawn huma qrati indipendenti, iżda dawn — flimkien mal-qrati amministrattivi li ġew introdotti fl-1 ta' Jannar 2014 — ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Dawn huma indipendenti fl-organizzazzjoni tagħhom. It-tnejn li huma jinsabu fi Vjenna u għandhom ġurisdizzjoni fuq il-pajjiż kollu.

Il-ġurisdizzjoni tagħhom hija differenti minn dik tal-qrati ordinarji. Huma ma jiddeċidux dwar kwistjonijiet ċivili u u kriminali (lanqas bħala qrati tal-appell) iżda għandhom funzjonijiet speċjali fil-qasam tal-liġi pubblika. Mill-1 ta’ Jannar 2015, madankollu, huwa possibbli taħt ċerti kundizzjonijiet għall-partijiet f’kawża deċiża minn qorti ordinarja sabiex jippreżentaw rikors f’qorti amministrattiva għall-annullament ta’ statut jew regolament.

Il-Qorti Kostituzzjonali

Il-kompitu primarju tal-Qorti Kostituzzjonali (Verfassungsgerichtshof)huwa li tikkontrolla l-konformità mal-kostituzzjoni u mad-drittijiet fundamentali. Hija tintalab speċifikatament biex teżamina l-kostituzzjonalità ta’:

  • liġijiet federali u provinċjali,
  • regolamenti (Verordnungen) maħruġa minn entitajiet amministrattivi
  • deċiżjonijiet finali (Bescheide) meħudin minn entitajiet amministrattivi.

Jekk ikun meħtieġ il-qorti tista' twaqqa' dawn il-miżuri.

B’kuntrast għall-imħallfin tal-qrati l-oħra, l-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali mhumiex imħallfin professjonali (Berufsrichter) iżda pjuttost imħallfin honoris causa (Honoratiorenrichter). Dawn huma personalitajiet distinti li diġà temmew karriera legali ta’ suċċess f’funzjoni oħra. Il-parti l-kbira minnhom jeżerċitaw il-kariga tagħhom fuq bażi part-time u jistgħu jkomplu jipprattikaw il-professjoni preċedenti tagħhom (eż. bħala mħallfin jew bħala professuri fl-universitajiet, għalkemm mhux bħala impjegati tal-gvern li jridu jitneħħewlhom il-kompiti uffiċjali tagħhom). Il-Qorti Kostituzzjonali tiltaqa’ biss għal sessjonijiet li ġeneralment isiru erba’ darbiet fis-sena.

Il-Qorti Amministrattiva Suprema

Il-Qorti Amministrattiva Suprema(Verwaltungsgerichtshof) tintalab biex tistħarreġ il-legalità tal-atti kollha tal-amministrazzjoni pubblika kollha, bl-eċċezzjoni tar-regolamenti(Verordnungen), li jistgħu jiġu eżaminati u rrevokati biss mill-Qorti Kostituzzjonali. Il-Qorti Amministrattiva Suprema primarjament tippresedi fuq appelli fuq punti ta’ liġi kontra sentenzi tal-qrati amministrattivi.

Bażijiet tad-dejta legali

Il-paġna web tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinisteru tal-Ġustizzja Awstrijak tipprovdi informazzjoni ġenerali dwar is-sistema ġudizzjarja Awstrijaka.

L-aċċess għall-bażi tad-dejta legali huwa mingħajr ħlas?

Iva.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaĠuriżdizzjoni tal-qrati – l-Awstrija


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 25/04/2017