Qrati speċjalizzati - Ġermanja

Din it-taqsima tipprovdi informazzjoni dwar is-sistema tal-qrati speċjalizzati fil-Ġermanja.


Il-Qrati industrijali

Il-qrati industrijali jittrattaw essenzjalment tilwim dwar il-liġi industrijali li jirriżulta mir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-impjegati u l-impjegaturi (il-liġi industrijali individwali). Dawn il-qrati jittrattaw ukoll tilwim bejn il-partijiet għal ftehim kollettiv, bħal dawk li jinvolvu trejdjunjins u assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi (il-liġi industrijali kollettiva), kif ukoll it-tilwim bejn l-impjegatur u kumitat ta' ħidma.

Il-qrati industrijali (bħala qrati tal-Länder) huma qrati tal-Prim’ Istanza (Qrati Ġenerali). Il-kulleġġ ġudikanti tal-qorti industrijali huwa t-Tribunal. Fil-prinċipju, dan huwa magħmul minn imħallef professjonali bħala president u żewġ imħallfin onorarji, li wieħed minnhom ikun impjegat mill-qasam tal-impjegati u l-ieħor mill-qasam tal-impjegaturi. Ċerti deċiżjonijiet li mhumiex parti mill-proċedimenti orali jittieħdu mill-imħallef li jippresjedi mingħajr l-intervent tal-imħallef onorarju.

Il-Qrati Superjuri industrijali (Landesarbeitsgerichte) (li huma wkoll il-qrati tal-Länder) jisimgħu l-appelli u l-ilmenti mis-sentenzi tal-qrati industrijali Il-kulleġġ ġudikanti huwa ugwalment magħmul minn imħallef wieħed professjonali u żewġ imħallfin onorarji (wieħed mill-qasam tal-impegati u l-ieħor mill-qasam tal-impjegaturi).

Id-deċiżjonijiet fl-ogħla istanza fil-livell Federali jittieħdu mill-qorti Federali industrijali Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBundesarbeitsgericht. Is-Senat ta’ din il-Qorti huwa magħmul minn imħallef li jippresjedi, żewġ imħallfin professjonali addizzjonali u żewġ imħallfin onorarji (wieħed mill-qasam tal-impjegati u l-ieħor mill-qasam tal-impjegaturi).

Il-Qrati Amministrattivi

Tliet fergħat differenti tas-sistema ġudizzjarja huma responsabbli biex jeżaminaw id-deċiżjonijiet amministrattivi: il-qorti amministrattiva ġenerali, il-qorti soċjali u l-qorti fiskali. Il-qrati amministrattivi, soċjali u fiskali huma karatterizzati mill-fatt li huma obbligati li japplikaw il-prinċipju tal-eżami ex officio (bid-dritt tal-kariga/Amtsermittlung). Għaldaqstant, il-qrati jridu jinvestigaw il-fatti tal-kawża fuq l-inizjattiva tagħhom stess (jiġifieri mhux jekk mitlub minn waħda mill-partijiet, jew abbażi tal-evidenza ppreżentata mill-partijiet), u dan minħabba li l-eżattezza materjali tas-sentenza tal-kawża tkun kwistjoni ta’ interess pubbliku.

Il-Qrati Amministrattivi Ġenerali

Il-Qrati Amministrattivi Ġenerali għandhom tliet livelli ta’ ġurisdizzjoni (Istanzi).

  1. Fil-Prim’Istanza: Il-Qrati Amministrattivi
  2. Fit-Tieni Istanza: il-Qrati Amministrattivi Superjuri għal kull Stat Federali, li jissejħu Oberverwaltungsgerichte (jew Verwaltungsgerichtshof).
  3. Fl-aħħar istanza: Il-Qorti Amministrattiva Federali (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBundesverwaltungsgericht).

Normalment, il-qrati amministrattivi għandhom il-ġurisdizzjoni fil-Prim’Istanza. Il-Qrati Amministrattivi Superjuri huma primarjament tribunali tal-appell, il-kompitu tagħhom hu li jeżaminaw id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Prim’Istanza minn perspettiva legali u fattwali. Bi ftit eċċezzjonijiet, il-Qorti Amministrattiva Federali hija qorti tal-appell li teżamina l-punti ta’ liġi biss (Revisionsgericht).

Fil-prinċipju,il-qorti amministrattiva ġenerali hija responsabbli mit-tilwim kollu bejn il-persuni privati u l-amministrazzjonijiet dwar l-applikazzjoni korretta tal-liġijiet u tar-regolamenti amministrattivi. Madankollu minflok il-qrati amministrattivi, huma l-qrati ordinarji li għandhom il-ġurisdizzjoni meta l-kawża tinvolvi l-parteċipazzjoni tal-amministrazzjoni mhux bħala entità tal-istat, iżda bħala kumpanija privata. Dan japplika għat-tilwim kollu li jirriżulta minn attivitajiet. Barra minn hekk, it-tilwim kollu li jiġi assenjat bil-liġi lill-qrati oħra (bħall-qrati fiskali, il-qrati soċjali jew il-qrati ordinarji) jkun eżentat mill-qorti amministrattiva ġenerali.

Id-deċiżjonijiet fil-qrati amministrattiva jittieħdu minn bord ta' imħallfin, magħmul fil-prinċipju minn tliet imħallfin professjonali u minn żewġt imħallfin onorarji. Il-bords tal-qorti amministrattiva superjuri ġeneralment ikunu magħmula minn tliet imħallfin professjonali. Il-Qorti Federali Amministrattiva tikkonsisti f’ħames imħallfin professjonali. Fil-qrati amministrattivi, il-każijiet jistgħu jiġu delegati lil imħallef wieħed.

Il-Qrati Soċjali

Il-qrati soċjali, bħall-qrati amministrattivi ġenerali, għandhom tliet istanzi li jkopru diviżjoni xierqa tal-kompiti. Bħala prinċipju, il-qrati soċjali huma kompetenti fl-ewwel istanza. L-14-il qorti soċjali superjuri għal kull wieħed mil-Länder (Landessozialgericht) huma qrati tal-appell. Bi ftit eċċezzjonijiet, il-Qorti Soċjali Federali (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBundessozialgericht) hija qorti tal-appell li teżamina l-punti ta’ liġi biss (Revisionsgericht)

Il-qrati tal-ġurisdizzjoni soċjali huma prinċipalment responsabbli għat-trattament ta’ tilwimiet dwar is-sigurtà soċjali (pensjonijiet, inċidenti, mard u assigurazzjoni għall-kura fit-tul), assigurazzjoni tal-qgħad, assigurazzjoni bażika għal min qed ifittex ix-xogħol u l-protezzjoni soċjali (b’mod partikolari assistenza soċjali, benefiċċji skont l-Att dwar il-Benefiċċji ta’ Ażil (Asylbewerberleistungsgesetz), u ċerti kwistjonijiet marbuta mal-Att dwar Persuni b’Diżabilità (Schwerbehindertenrechts). Il-bords tal-qrati soċjali huma magħmula minn imħallef professjonali wieħed u żewġ imħallfin onorarji. Il-bords li jaġixxu bħala formazzjoni tal-Qorti Soċjali Superjuri tal-Länder u l-Qorti Soċjali Federali (Bundessozialgericht) huma magħmula minn tliet imħallfin professjonali u żewġ imħallfin onorarji.

Il-Qorti Fiskali

Il-qorti fiskali tikkonsisti mill-Qrati tal-Finanzi tal-Prim’Istanza u mill-Qorti Federali tal-Finanzi (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBundesfinanzhof), li tagħmilha ta’ qorti suprema tal-appell f’dak li jirrigwarda punti ta’ liġi (Revisionsgericht). Il-kompetenza tal-qorti fiskali tkopri prinċipalment it-tilwim dwar imposti pubbliċi, taxxi u d-dwana. Il-bords tal-finanzi huma magħmula minn tliet imħallfin professjonali u minn żewġt imħallfin onorarji. Dawk tal-Qorti tal-Finanzi Federali huma ġeneralment magħmula minn ħames imħallfin professjonali. Fil-bords tal-finanzi, il-kawżi jistgħu jiġu delegati quddiem imħallef individwali.

Qrati Speċjalizzati Oħra

Il-Qorti Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgericht)

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti Kostituzzjonali Federali teżerċita ġurisdizzjoni rigward kwistjonijiet kostituzzjonali fuq il-livell Federali. Id-deċiżjonijiet tagħha huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Ġermaniża, il-Liġi Bażika (Grundgesetz). Il-maġġoranza ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Federali tikkonsisti minn ilmenti kostituzzjonali. Dawn jiġu ppreżentati minn ċittadini li jsostnu li kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom permezz ta’ sentenzi, azzjonijiet tal-gvern jew atti leġiżlattivi. Ilment kostituzzjonali huwa normalment ammissibbli biss jekk il-qrati kompetenti l-oħra kollha jkunu ġew appellati mingħajr suċċess, jiġifieri kontra d-deċiżjonijiet tal-aħħar istanza. Huwa biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali li l-ilment kostituzzjonali jista’ jitressaq direttament kontra att leġiżlattiv.

Hemm diversi tipi oħrajn ta’ proċedimenti. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-istħarriġ ġudizzjarju astratt u konkret tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet, u proċeduri biex ikun ivverifikat jekk l-awtoritajiet kostituzzjonali federali rrispettawx il-limiti tal-kompetenza tagħhom. Ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Federali jistgħu jakkwistaw forza legali. Il-qorti tikkonsisti f’żewġ diviżjonijiet (Senate), magħmula f’kull każ minn tmin membri. Il-qorti tiddeċiedi fl-awli tal-imħallfin, b’kull wieħed magħmul minn tliet imħallfin jew minn Senate; fil-parti l-kbira mingħajr seduti orali.

Qrati Kostituzzjonali Reġjonali (Landesverfassungsgerichte/Staatsgerichtshof)

Il-Qrati Kostituzzjonali Reġjonali jew il-qrati superjuri tal-Istat huma l-qrati kostituzzjonali tal-Istati Federali rispettivi (Länder). Huma jiddeċiedu prinċipalment dwar it-tilwim kostituzzjonali li jirrigwarda l-liġi tal-Istat (Landesrecht), li tirregola wkoll l-istatut, l-amministrazzjoni u l-kompetenza tagħhom.

Ħoloq Relatati mas-Suġġett

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIt-Tribunal Industrijali Federali (Bundesarbeitsgericht)

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti Amministrattiva Federali (Bundesverwaltungsgericht

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBundessozialgericht (Qorti Soċjali Federali)

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti tal-Finanzi Federali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti Kostituzzjonali Federali


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

L-aħħar aġġornament: 20/05/2020