Qrati speċjalizzati - Finlandja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Finlandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Din it-taqsima tagħti informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati speċjali fil-Finlandja.


Qrati speċjali

Hemm diversi qrati speċjali fil-Finlandja, li dmirijiethom huma stabbiliti fi statuti speċjali. Il-qrati speċjali kienu stabbiliti għal kawżi li ma jistgħux jiġu trattati mill-qrati ġenerali jew amministrattivi minħabba li jeħtieġu għarfien espert speċjali. Il-kompożizzjoni tal-qrati speċjali ġeneralment tirrifletti l-għarfien espert pertinenti għall-qasam inkwistjoni. Il-qrati speċjali huma:

  • It-Tribunal Industrijali
  • Il-Qorti tas-Suq
  • Il-Qorti tal-Assigurazzjoni u
  • Il-Qorti Superjuri tal-Akkuża.

It-Tribunal Industrijali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIt-Tribunal Industrijali jittratta u jsolvi t-tilwim dwar l-interpretazzjoni tal-Att dwar il-Kuntratti tal-Impjieg, l-Att dwar il-Kuntratti tal-Impjegati Statali taċ-Ċivil, tal-Att dwar il-Kuntratti tal-Impjegati Muniċipali taċ-Ċivil u l-istatut li jirregola l-kuntratti tal-impjegati taċ-ċivil li jaħdmu mal-Knisja Evanġelika Luterana. Dan jittratta wkoll it-tilwim marbut mal-kuntratti tal-impjegati taċ-ċivil tal-Istat u l-ftehim kollettiv tal-impjegati.

Il-Qorti tas-Suq

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti tas-Suq tittratta l-kwistjonijiet koperti mill-Att dwar il-Ħarsien tal-Konsumatur, l-Att dwar l-Ombudsman tal-Konsumatur u l-Att dwar is-Suq tat-Titoli. Din tittratta wkoll it-tilwim li jikkonċerna termini tas-suq u kuntrattwali li jaqgħu taħt l-ambitu tal-liġi dwar ftehimiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-intraprendituri, kif ukoll il-ksur tal-Att dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni.

Il-Qorti tal-Assigurazzjoni

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti tal-Assigurazzjoni hija qorti speċjali tal-liġi amministrattiva. Din taħdem bħala l-qorti tal-liġi amministrattiva għall-kwistjonijiet ta' sigurtà ta' dħul li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha. Din tittratta, fost l-oħrajn, tilwim li jirriżulta minn tipi differenti ta’ assigurazzjonijiet kontra l-mard u l-inċidenti, u l-appelli mid-deċiżjonijiet li jsiru mill-Bord tal-Appell tal-Pensjonijiet, il-Bord tal-Appell tal-Assigurazzjoni Kontra l-Inċidenti, il-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u l-Bord tal-Appell tal-Qgħad.

Il-Qorti Superjuri tal-Akkuża

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti Superjuri tal-Akkuża hija qorti speċjali li tisma’ kawżi li jikkonċernaw akkużi ta’ kondotta uffiċjali illegali fil-konfront tal-Membri Parlamentari Finlandiżi, imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-Qorti Amministrattiva Suprema u ċerti impjegati taċ-ċivil imlaħħqin. Il-Qorti Superjuri tal-Akkuża tissejjaħ biss meta dan ikun meħtieġ.

Informazzjoni addizzjonali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-sit elettroniku tal-qrati Finlandiżi jinkludi informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja tal-Finlandja. Dan huwa portal uniku li jipprovdi informazzjoni dwar qrati, prosekuturi, awtoritajiet ta' infurzar u għajnuna legali.

Is-sit jinkludi, pereżempju, l-iktar ġurisprudenza reċenti mill-qrati tal-appell u mill-qrati amministrattivi flimkien ma’ links għas-siti elettroniċi tal-qrati kollha.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 30/06/2019