Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Qrati speċjalizzati - Franza

F’din it-taqsima inti għandek issib ħarsa ġenerali lejn il-qrati kostituzzjonali u amministrattivi fi Franza.


Il-Kunsill Kostituzzjonali

Il-Kunsill Kostituzzjonali [constitutional council], maħluq mill-Kostituzzjoni tal-Ħames Repubblika fl-4 ta’ Ottubru 1958, mhuwiex fuq kwalunkwe ġerarkija ta’ qrati ordinarji jew amministrattivi. F’dan is-sens, mhuwiex Qorti Suprema.

Il-Kunsill kostituzzjonali huwa magħmul minn disa’ membri u jiġġedded b'terz kull tliet snin. Il-membri huma maħtura, għal disa' snin mhux rinnovabbli, rispettivament mill-President tar-Repubblika u l-presdient ta' kull wieħed mill-assemblej tal-Parlament (is-Senat u l-Assemblea nazzjonali). Il-Presidenti tar-Repubblika preċedenti huma bi dritt parti mill-Kunsill Kostituzzjonali, meta ma jaqdux xi funzjonijiet li huma inkompatibbli mal-mandat tagħhom bħala membru tal-Kunsill; inkella huma ma jistgħux jaqdu dmirhom bħala membri.

Il-President tal-Kunsill Kostituzzjonali jinħatar mill-President tal-Kunsill minn fost il-membri tagħha.

Ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ età jew dak professjonali biex persuna ssir membru tal-Kunsill Kostituzzjonali. Ir-rwol tal-membru huwa madankollu inkompatibbli ma’ li persuna tkun membru tal-Gvern jew tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali, kif ukoll ma’ kull mandat elettorali. Il-membri huma wkoll soġġetti għall-istess inkompatibilitajiet professjonali bħall-membri tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat.

Il-Kunsill Kostituzzjonali huwa istituzzjoni permanenti, u s-smigħ tiegħu jimxi skont il-pass tal-inkjesti mressqa quddiemhom. Huwa jiltaqa' u jisma’ l-kwistjonijiet biss f'seduta plenarja. Id-deliberazzjonijiet huma soġġetti għal regola ta’ kworum skont liema, seba’ mħallfin iridu jkunu preżenti. Fil-każ ta’ parità, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv. L-ebda opinjoni dissenti ma hija permissibbli. L-argumenti orali fis-sessjoni jew fis-seduta plenarja u l-votazzjoni mhumiex miftuħin għall-pubbliku u lanqas ma huma ppubblikati.

Il-proċedura hija bil-miktub u ssegwi prinċipji avversarjali. Madankollu, b’rabta ma’ kwistjonijiet elettorali ta’ kontenzjoni, il-partijiet jistgħu jagħmlu sottomissjonijiet orali. Barra minn hekk, meta jiġu evalwati l-kwistjonijiet prijoritarji tal-kostituzzjonalità, il-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom jinstemgħu fis-smigħ.

F’termini ta’ ġurisdizzjoni, il-prerogattivi tal-Kunsill Kostituzzjonali jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji:

Kompetenza ġurisdizzjonali li tkopri żewġ tilwimiet distinti:

Tilwima dwar leġiżlazzjoni

Ir-reviżjoni kostituzzjonali preventiva hija proċess teoretiku. Mhijiex obbligatorja għal-leġiżlazzjoni ordinarja, xogħol internazzjonali, iżda obbligatorja għal-liġijiet u regolamenti proċedurali taż-żewġ Kmamar tal-Parlament. Hija ssir wara li l-Parlament ikun ivvota, iżda qabel ma l-liġi tidħol fis-seħħ jew tkun ratifikata jew ix-xogħol internazzjonali jkun approvat jew ir-regolamenti Parlamentari jidħlu fis-seħħ. Għal kwistjonijiet mhux obbligatorji, tista’ ssir applikazzjoni jew minn awtorità politika (President tar-Repubblika, Prim Ministru, President tal-Assembla Nazzjonali jew tas-Senat), jew minn 60 deputat jew 60 senatur.

Ir-reviżjoni tal-kostituzzjonalità f'każi eċċezzjonali ġiet stabbilita fl-1 ta' Marzu 2010, bid-dħul fis-seħħ tal-kwistjoni preliminari tal-kostituzzjonalità. Wara din id-data, kwalunkwe litigant jista', matul l-iżvolġiment ta’ istanza quddiem il-ġurisdizzjoni, jikkontesta l-konformità ta' dispożizzjoni leġiżlattiva għal-liġijiet u l-libertajiet li tiggarantixxi l-Kostituzzjoni. Din il-kwistjoni tista' tiġi riferuta lill-Kunsill kostituzzjonali b'approvazzjoni mill-Conseil d'État jew il-Qorti tal-Kassazzjoni li jiddeċiedi fi żmien tliet xhur.

Bħala ġudikant tad-diviżjoni fl-oqsma ta’ kompetenza bejn atti u regolamenti, il-Kunsill Kostituzzjonali jista’ jkollu kwistjoni riferuta għalih jew fil-kors tal-proċedura leġiżlattiva mill-President tal-Kamra li jkun qed jittratta dik il-proċedura (Assemblea Nazzjonali jew Senat) jew mill-Gvern, jew, a posteriori, mill-Prim Ministru biex iniżżel il-grad ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva.

Disputa b’rabta ma’ elezzjoni jew referendum

Il-Kunsill Kostituzzjonali jiddeċiedi dwar ir-regolarità tal-elezzjoni tal-President tar-Repubblika u dwar ir-referenda, u jippronunzja r-riżultati tagħhom. Huwa jiġġudika wkoll ir-regolarita tal-elezzjoni, ir-rekwiżiti ta’ eliġibilità u l-inkompatibilità tal-membri taż-żewġ Kmamar tal-Parlament.

Normalment miftuħa għall-eletturi kollha, l-applikazzjonijiet għall-Kunsill fi kwistjonijiet elettorali żdiedu ferm fin-numru minn mindu għaddiet il-leġiżlazzjoni li torganizza u tikkontrolla l-ispejjeż elettorali, li tagħha, il-Kunsill huwa l-qorti għal kandidati fl-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali (fuq appell).

Rwol Konsultattiv

Il-Kunsill Kostituzzjonali jagħti opinjoni jekk jiġi uffiċjalment ikkonsultat mill-Kap tal-Istat dwar l-implemetazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni (fuq il-poteri plenarji fi żminijiet ta’ kriżi) u sussegwentement dwar id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu f’dan il-qafas.

Iktar minn hekk, il-Gvern jikkonsulta lill-Kunsill fuq testi li huma relatati ma’ kif l-elezzjoni tal-President tal-Ħames Repubblika għandha tkun organizzata u mar-referenda.

Id-deċiżjonijiet kollha huma mressqa fl-istess forma, li tinkludi:

  • ċitazzjonijiet ta’ testi applikabbli u passi proċedurali,
  • ir-raġunijiet mogħtija, li janalizzaw ir-raġunijiet bażi, stabbiliment tal-prinċipji applikabbli u tweġib għall-applikazzjoni,
  • dispożizzjoni operattiva diviża fi klawsoli li jiddikjaraw id-deċiżjoni adottata.

Id-deċiżjonijiet jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-gvern u lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjali kollha. Mhumiex miftuħin għal kwalunkwe appell. L-awtorità ta’ res judicata ma tapplikax biss għall-parti operattiva tad-deċiżjoni, iżda wkoll għall-argumenti li jipprovduha bil-bażi neċessarja. Madankollu, il-Kunsill Kostituzzjonali taċċetta talbiet għall-korrezzjoni ta' żball materjali.

Dispożizzjoni li tiġi ddikjarata inkostituzzjonali fil-qafas tar-reviżjoni preventiva ma tistax tiġi promulgata u lanqas implimentata.

Dipożizzjoni li tiġi ddikjarata inkostituzzjonali wara kwistjoni preliminari ta' kostituzzjonalità tiġi revokata b'effett mill-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill kostituzzjonali jew ta' data ulterjuri stabbilita minn din id-deċiżjoni. Il-Kunsill kostituzzjonali jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-limiti li bihom l-effetti li pproduċiet id-dispożizzjoni jkunu suxxettibbli li jiġu kkontestati.

L-effett tad-deċiżjonijiet f’disputi elettorali jvarja minn annullament tal-karti tal-vot, għal annullament tal-elezzjonijiet infushom, u jista’ jinkludi dikjarazzjoni li kandidat huwa ineliġibbli u/jew li uffiċjal elett għandu jirriżenja mill-kariga.

Id-deċiżjonijiet jingħataw lill-partijiet u jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża, flimkien mat-test tal-applikazzjoni parlamentari u l-osservazzjonijiet tal-Gvern meta jkun qed jaġixxi f'sorveljanza preventiva.

Finalment, id-deċiżjonijiet kollha mill-ħolqien tal-Kunsill huma disponibbli fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidais-sit elettroniku tal-Kunsill kostituzzjonali.

Qrati Amministrattivi

Funzjonijiet tal-qrati amministrattivi

Ir-reviżjoni ta’ att tal-amministrazzjoni hija magħmula mill-qrati amministrattivi li huma indipendenti mill-amministrazzjoni (is-separazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi u ġudizzjali) u distinti mill-qrati ordinarji (magħrufin bħal duwaliżmu ġurisdizzjonali). Ir-reviżjonijiet jistgħu jsiru wkoll mill-korpi amministrattivi, iżda d-deċiżjonijiet ta’ dawn il-korpi jiġu mbagħad soġġetti għal reviżjoni ġudizzjali.

Il-Qorti Amministrattiva tal-Prim’Istanza hija l-qorti tal-liġi amministrattiva ġenerali tal-Prim’Istanza. Il-qrati amministrattivi speċjalizzati huma bosta u varji, u jinkludu:

  • il-qrati finanzjarji (Uffiċċju Reġjonali tal-Awdituri u l-Qorti tal-Awdituri),
  • il-qrati tal-ħarsien soċjali (kumitajiet dipartimentali u kumitat ċentrali għall-ħarsien soċjali),
  • il-qrati dixxiplinarji professjonali (Qorti tad-Dixxiplina tal-Baġit u d-Dixxiplina Finanzjarja, il-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura, korpi dixxiplinarji professjonali, qrati tal-università, eċċ).

Bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jkunu appellati quddiem il-Qrati Amministrattivi tal-Appell, li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu min-naħa tagħhom jiġu riveduti fuq punt ta’ liġi (kassazzjoni) quddiem il-Conseil d’Etat. Minbarra r-rwol tal-kassazzjoni, fejn huwa jirrevedi biss l-applikazzjoni korretta tar-regoli ta’ proċedura u l-liġi mid-deċiżjonijiet ikkontestati tal-qorti mressqa quddiemu, fl-istess mod bħall-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Conseil d’Etat huwa wkoll il-qorti tal-ewwel u l-aħħar rikors għal ċerti disputi, bħal dawk relatati ma’ miżuri regolatorji meħudin minn ministri.

Disputi ġurisdizzjonali bejn żewġ ordnijiet ġudizzjali huma solvuti mill-Qorti tal-Kunflitti, magħmula b’mod konġunt minn membri tal-Qorti tal-Kassazzjoni u l-Conseil d’Etat. Il-Kunsill kostituzzjonali għandu jiżgura l-konformità tal-liġijiet mal-Kostituzzjoni; huwa ma jiħux għarfien ta' atti jew azzjonijiet tal-amministrazzjoni.

Struttura interna tal-qrati amministrattivi

Il-Qrati Amministrattivi (li hemm 42 minnhom) u l-Qrati Amministrattivi tal-Appell (li hemm 8 minnhom) huma organizzati f’diviżjonijiet. In-numri u ż-żoni tal-ispeċjalizzazzjoni jvarjaw u jiddependi mill-membri tal-qorti u l-għażliet tal-istruttura interna magħmula mill-kap tal-qorti. Fir-rigward tal-Conseil d’Etat, dan għandu biss taqsima waħda (it-Taqsima Kontenzjuża) b’funzjoni ġudizzjali (it-taqsimiet l-oħrajn, magħrufin bħala t-taqsimiet amministrattivi, jaqdu r-rwol konsultattiv tal-Conseil d’Etat).

It-Taqsima Kontenzjuża hija magħmula minn 10 sottotaqsimiet li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet kontenzjużi differenti. Sentenza fuq oqsma ta’ liġi amministrattiva ġenerali tingħata minn tnejn minn dawn iż-żewġ sottotaqsimiet flimkien (disa’ membri). jekk il-kwistjoni tkun aktar delikata jew sensittiva, din tista' tiġi ġġudikata fit-taqsima tal-litigazzjoni (laqgħa tal-presidenti tas-sottotaqsimiet, il-president tat-taqsima u tal-Viċi Presidenti tagħhom; 17-il membru) jew fl-Assemblée du contentieux (laqgħa tal-presidenti tat-taqsima mmexxija mill-Viċi President tal-Conseil d'Etat; 13-il membru).

L-istatus tal-membri tal-ġurisdizzjonijiet amministrattivi

Tradizzjonalment il-membri tal-qrati amministrattivi mhumiex definiti bħala “imħallfin” fit-tifsira mogħtija mill-Kostituzzjonijiet Franċiża, minħabba li dan it-terminu huwa riservat għall-membri tal-qrati ordinarji. Minflok, l-istatus tagħhom ġej jiġi mill-funzjonijiet tagħhom bħala ħaddiema taċ-ċivil. Għal din ir-raġuni, it-testi leġiżlattivi li japplikaw għall-membri tal-qrati amministrattivi, għal żmien twil ma kinux jinkludu xi ilhom għal żmien twil ma jinnkludu xi regoli speċjali differenti minn dawk li japplikaw għal tipi oħra ta’ ħaddiema taċ-ċivil. Madankollu, matul is-snin 80, din is-sitwazzjoni evolviet biex issaħħaħ l-indipendenza statutorja tal-membri tal-qrati amministrattivi, biex it-tendenza ġenerali llum hija li jiġu trattati bħala mħallfin. Barra minn hekk, dan huwa kif xi testi legali jirreferu għalihom, u r-regoli kollha li jirregolaw kif huma jaqdu l-funzjonijiet tagħhom jiżguraw li huma għandhom indipendenza de facto.

Filwaqt li l-imħallfin tal-qrati ordinarji huma raggruppati flimkien f’korp wieħed, l-imħallfin amministrattivi jappartjenu għal żewġ korpi differenti: wieħed għall-membri tal-Conseil d’Etat u wieħed għall-membri tal-qrati amministrattivi komuni u l-qrati amministrattivi tal-appell.

Ir-regoli li japplikaw għal dawn iż-żewġ strutturi kienu għal ħafna żmien inklużi f’testi differenti, iżda l-membri tal-Conseil d’Etat, bħall-membri tal-qrati amministrattivi komuni u l-qrati amministrattivi tal-appell issa huma soġġetti għall-istess dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva.

Data banks legali f’dawn l-oqsma

Il-bażijiet ta' dejta legali fi Franza huma koperti minn servizz ta’ disseminazzjoni pubblika fuq l-internet. Għalhekk is-sit elettroniku Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLégifrance jinkludi:

  • id-deċiżjonijet tal-Conseil d’Etat, il-Qorti tal-Kunflitti, il-qrati amministrattivi tal-appell u għażla ta’ deċiżjonijiet tal-qrati amministrattivi tal-Prim’Istanza fuq il-bażi ta' dejta “JADE” tiegħu.
  • id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Kostituzzjonali fuq il-bażi ta' dejta “CONSTIT” tiegħu.

L-aċċess għad-data bank huwa bla ħlas?

Iva l-aċċess għall-bank huwa bla ħlas.

Deskrizzjoni fil-qosor tal-kontenut

Il-bażi ta' dejta “JADE” għandha stokk ta’ 230 000 deċiżjoni u dħul annwali ta’ 12 000 deċiżjoni, filwaqt li l-bażi ta' dejta “CONSTIT” għandha stokk ta’ 3500 deċiżjoni u dħul annwali ta’ 150.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKompetenza tal-Qorti - Franza


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2017