menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Qrati speċjalizzati - Portugall

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Din is-sezzjoni tagħtik informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-qrati speċjalizzati fil-Portugall.


Reġistru tan-Negozju

Ir-Reġistru tan-Negozju huwa pprovdut minn servizzi ta' reġistri ġestiti minn reġistraturi membri tal-Istitut tar-Reġistraturi u n-Nutara (Instituto dos Registos e do Notariado), istitut pubbliku taħt it-tutela tal-Ministru tal-Ġustizzja. Dawn is-servizzi ta' reġistri jinsabu mal-pajjiż kollu, f'kull żona muniċipali, madankollu, il-ġuriżdizzjoni tagħhom mhix limitata għaż-żona kkonċernata u jistgħu joħorġu dokumenti relatati ma' kwalunkwe organizzazzjoni li tkun trid tiddaħħal f'reġistru tan-negozju, irrispettivament minn fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali tagħhom.

Il-fini tar-Reġistru huwa li jippubblika l-qagħda ġuridika ta' kummerċjanti individwali, kumpaniji kummerċjali, kumpaniji taħt id-dritt ċivili b'forma kummerċjali, stabbilimenti individwali b'responsabilità limitata, kooperattivi, intrapriżi pubbliċi, grupp ta' kumpaniji addizzjonali u Gruppi Ewropej ta' Interess Ekonomiku, kif ukoll individwi u assoċjazzjonijiet li l-liġi titlob li jkunu rreġistrati.

Ir-reġistrazzjoni tan-negozju hija obbligatorja u trid isseħħ fi żmien xahrejn mid-data tal-inkorporazzjoni de facto. Inkella, it-tariffi ta' reġistrazzjoni applikabbli jkunu rduppjati.

Iridu jkunu rreġistrati dawn li ġejjin:

  • Inkorporazzjoni.
  • Deċiżjonijiet meħuda b'laqgħat ġenerali, fejn rikjesti bil-liġi, li jikkonċernaw ix-xiri ta' prodotti mill-kumpanija.
  • Fatti relatati ma' ishma tal-kumpaniji, it-tneħħija u l-esklużjoni ta' azzjonisti minn soċjetajiet u minn soċjetajiet limitati, l-abolizzjoni tal-ishma b'riżultat tal-mewt ta' azzjonist, l-ammissjoni ta' azzjonisti ġodda mingħajr responsabilità limitata, id-diprezzament ta' ishma u t-tkeċċija u l-esklużjoni ta' azzjonisti f'kumpaniji tal-azzjonisti, deċiżjonijiet dwar id-diprezzament, il-konverżjoni u l-fidwa ta' ishma, u l-ħruġ ta' bonds.
  • Il-ħatra u tkeċċija ta' membri tal-bord tad-diretturi u l-bordijiet tat-tmexxija, u tas-segretarju tal-kumpanija.
  • Preżentazzjoni tal-kontijiet.
  • Bidla fl-uffiċċju rreġistrat.
  • Pjan ta' fużjoni jew diviżjoni, jew plan ta' inkorporazzjoni ta' kumpanija b'responsabilità limitata, jew estensjoni ta' kumpanija jew fużjoni jew diviżjoni interna jew transfruntiera, jew it-trasformazzjoni jew ix-xoljiment ta' kumpanija.
  • Fatti relatati mal-kapital tal-kumpanija u kull bidla oħra fl-artikoli tal-assoċjazzjoni tal-kumpanija.
  • Fatti relatati mal-istralċjarji tal-kumpanija.
  • It-tlestija tal-istralċ jew li l-kumpanija reġgħet bdiet topera.
  • Deċiżjonijiet dwar il-kontroll totali minn kumpanija għall-oħra, fi grupp ta' kumpanija, u kuntratti ta' subordinament (contrato de subordinação).
  • Ħruġ ta' mandati fuq il-valur mobiljarju.
  • Il-bidu, l-alterazzjoni jew it-tmiem ta' attivitajiet bħala kummerċjant individwali, bidliet fl-istat ċivili u r-reġim ta' proprjetà, u bidla fl-indirizz tal-post tal-istabbiliment ewlieni.
  • Atti, deċiżjonijiet u ordnijiet li jridu jkunu rreġistrati;
  • Rappreżentanza kummerċjali jew kuntratti ta' aġenzija, meta bil-miktub, kull emenda li ssir lil dawn il-kuntratti u l-iskadenza tagħhom.
  • L-istabbiliment ta' rappreżentanza permanenti.
  • Kull fatt ieħor li bil-liġi jrid jiddaħħal fir-Reġistru tan-Negozju.

Prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni

Prinċipji ta' eżekuzzjoni

Il-fatti li jridu jkunu rreġistrati u l-pubblikazzjoni tagħhom huma infurzabbli biss wara d-data ta' pubblikazzjoni. Bħalissa, il-pubblikazzjoni hija immedjata u ssir awtomatikament wara r-reġistrazzjoni. Fi kliem ieħor, l-informazzjoni ssir disponibbli onlajn, fuq il-websajt uffiċjali fejn id-dokumenti tal-kumpanija jkunu ppubblikati (Portal da Justiça), li kulħadd jista' jfittex fiha bla ħlas, mingħajr ebda bżonn ta' ċertifikazzjoni. It-tfittxija tista' ssir fuq il-bażi tan-numru ta' identifikazzjoni fiskali tal-kumpanija (Número de Identificação Pessoa Coletiva – NIPC, li huwa kemm numru fiskali u kemm numru tar-Reġistru tan-Negozju), id-distrett jew it-tip ta' dokument.

Prinċipju ta' prijorità

Id-dritt li jiddaħħal l-ewwel fir-Reġistru jieħu preċedenza fuq dawk li jsegwu fir-rigward tal-istess ishma tal-kumpaniji, bl-ordni ta' preċedenza jkun jiddependi mill-ħin tar-reġistrazzjoni.

Prinċipju ta' legalità

Il-validità ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li ssir bi traskrizzjoni tkun ivvalutata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli, id-dokumenti prodotti u r-reġistrazzjonijiet preċedenti, b'attenzjoni partikolari għal-leġittimità tat-titoli u l-validità tal-atti stabbiliti f'dawk it-titoli.

Karatteristiki oħrajn tal-proċess ta' reġistrazzjoni

Il-prinċipju ta' applikazzjoni leġittima tirregola r-Reġistru tan-Negozju, fi kliem ieħor ir-reġistrazzjoni ssir fuq talba tal-persuna li tkun tista' tipprova l-leġittimità. B'mod ġenerali, il-persuni kollha li għandhom interess f'kumpanija għandhom il-leġittimità li jitolbu r-reġistrazzjoni tal-kumpanija tagħhom.

L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru personalment, jew bil-posta jew bil-posta elettronika.

Fatti sostnuti minn evidenza dokumentata biss jistgħu jiġu reġistrati. Fatti relatati ma' kumpaniji huma, bħala regola, stabbiliti f'dokument speċifiku. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, ikun biżżejjed li wieħed jipproduċi l-minuti u d-deċiżjoni meħuda mill-azzjonisti.

Hemm mekkaniżmu volontarju biex jiġu ttrattati n-nuqqasijiet. Fi kliem ieħor, jekk ir-reġistrazzjoni ma tkunx tista' tintbagħat kif mitlub, ir-reġistrar jikkuntattja lill-applikant biex jitolbu d-dokumenti neċessarji bil-ħsieb li tiġi evitata ċaħda għar-reġistrazzjoni jew reġistrazzjoni provviżorja.

Ir-reġistrar ilesti r-reġistrazzjoni fi żmien għaxart ijiem mid-data li jkunu waslu d-dokumenti.

Meta r-reġistrazzjoni tkun miċħuda jew issir b'mod provviżorju minħabba dubji, l-applikant ikun innotifikat, b'ittra li jkun fiha r-raġunijiet, li jistgħu jkunu appellati quddiem awtorità superjuri jew fil-qrati.

Spejjeż

Jitħallsu tariffi għar-reġistrazzjoni ta' negozji, kif stabbilit fir-Regolament dwar it-tariffi għar-reġistri u n-nutara (Regulamento Emolumentar dos Registos e do Notariado – DL 322‑A/2001 tal-14 ta' Diċembru 2011).

Aċċess għall-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni

Minbarra ċertifikati stampati, l-informazzjoni tista' tkun aċċessata bl-internet fil-paġna Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.predialonline.pt/, bl-użu ta' ċertifikat elettroniku. L-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ġuridika tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati hija aġġornata kostantement. Huwa possibbli aċċess permezz ta' abbonament li jqum €25 fis-sena (abbonamenti għal sentejn, tliet snin jew erba' snin huma possibbli wkoll). Biex tapplika, trid tagħti n-numru ta' identifikazzjoni tal-kumpanija. Wara l-ħlas, l-informazzjoni tkun disponibbli ladarba jiddaħħal kodiċi ta' ċertifikazzjoni. Bl-istess proċedura huwa possibbli wkoll li titlob ċertifikati elettroniċi ta' dokumenti maħżuna fil-bażi tad-dejta, jiġifieri dokumenti użati bħala bażi għar-reġistrazzjoni minn Jannar 2011 'il quddiem, kif ukoll kopji ċċertifikati ta' memoranda aġġornati tal-kumpanija.

Servizzi oħrajn

Huma disponibbli żewġ servizzi speċjali mir-Reġistru tan-Negozju fil-Portugall: il-Portal tal-Kummerċ u l-Portal tal-Ġustizzja.

Il-Portal tal-Kummerċ

Bl-użu ta' dan il-Portal, huwa possibbli li titlob ċertifikati permanenti (bl-użu ta' isem jew NIPC, bil-Portugiż jew bl-Ingliż) kif ukoll biex:

  • Tinkorpora kumpanija onlajn.
  • Titlob għal reġistrazzjoni onlajn u tikkontrolla l-progress ta' kull talba.
  • Tapplika għal numru ta' identifikazzjoni fiskali għal kumpanija.
  • Tikseb isem kummerċjali għal kumpanija kummerċjali.
  • Taċċessa informazzjoni dwar permessi, awtorizzazzjoni minn qabel u kundizzjonijiet amministrattivi simili li jirregolaw l-attivitajiet tal-individwi u l-kumpaniji.
  • Tikkontrolla l-progress ta' talba għal informazzjoni tan-negozju ssemplifikat
  • Tirreġistra marka kummerċjali onlajn.
  • Tikkonsulta informazzjoni aġġornata kostantement relatata mal-Kodiċi tal-Kumpaniji (Código da Empresa)

L-aċċess għall-Portal tal-Kummerċ Portugiż huwa mingħajr ħlas?

L-aċċess għall-Portal tal-Kummerċ huwa mingħajr ħlas, ħlief għal taqsima rriservata għall-inkorporazzjoni tal-kumpaniji onlajn u għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għal reġistrazzjoni. L-applikanti jridu jawtentikaw talbiet bħal dawn bl-użu ta’ ċertifikat diġitali.

Ċertifikati diġitali jinħarġu minn korp professjonali jew huma disponibbli bħala ċertifikati permanenti. Biex jinkiseb ċertifikat permanenti, trid iddaħħal kodiċi wara ħlas ta' tariffa.

Il-Portal tal-Ġustizzja

Il-Portal tal-Ġustizzja jagħti l-possibbiltà lill-utenti biex jitolbu u jikkonsultaw:

  • Il-pubblikazzjoni onlajn tal-atti korporattivi
  • Atti rreġistrati li jridu jkunu ppubblikati
  • Atti relatati mat-tfassil u l-alterazzjoni tal-artikoli tal-assoċjazzjoni tal-assoċjazzjonijiet u l-fundazzjonijiet
  • Kontijiet annwali ċċertifikati (fil-Portugall, reġistrazzjoni tal-kontijiet issir wara l-preżentazzjoni ta' informazzjoni tan-negozju ssemplifikat, li jkopri l-konformità ma' bosta obbligi annwali li jridu jkunu sodisfatti minn kumpaniji bħall-formoli tat-taxxa tal-kumpaniji li jridu jintbagħtu lill-awtoritajiet fiskali u informazzjoni statistika li jridu jintbagħtu lill-Bank Ċentrali Porugiż (Banco de Portugal) u lill-Istitut Statistiku Nazzjonali (Instituto Nacional de Estatística). Il-kontijiet annwali jinsabu fil-bażi tad-dejta tal-kontijiet annwali tal-Istitut tar-Reġistrara u n-Nutara. Kontijiet tal-kumpaniji ċċertifikati jistgħu jkunu kkonsultati wara ħlas ta' abbonament annwali ta' €5.)

L-aċċess għall-Portal tal-Ġustizzja huwa mingħajr ħlas?

L-aċċess għall-Portal tal-Ġustizzja huwa mingħajr ħlas, ħlief għall-aċċess għat-taqsima rriżervata għall-pubblikazzjoni tad-dokumenti marbuta mal-assoċjazzjonijiet u l-fundazzjonijiet awtentikati min-nutara. L-aċċess għal din it-taqsima jeħtieġ ċertifikat diġitali u huwa bi ħlas.

Ħoloq utli

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Istitut tar-Reġistrara u tan-Nutara

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaPortugal Simplifica


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 29/11/2013