Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Qrati speċjalizzati - Rumanija

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar il-qrati speċjalizzati tar-Rumanija.


Qrati speċjalizzati

It-Tribunal ta' Brașov għat-Tfal u l-Kwistjonijiet tal-Familja

It-Tribunal għat-Tfal u l-Kwistjonijiet tal-Familja bbażat fi Brașov jisma' kawżi relatati ma' offiżi mwettqa mit-tfal jew kontra t-tfal. Qabel ma twaqqaf dan it-Tribunal, kawżi bħal dawn kienu mismugħa mit-Tribunal ta' Brașov.

Tribunali speċjalizzati

Hemm tliet tribunali speċjalizzati (dawk li qabel kienu tribunali kummerċjali):

  • It-Tribunal Speċjalizzat ta' Cluj;
  • It-Tribunal Speċjalizzat ta' Mureș;
  • It-Tribunal Speċjalizzat ta' Argeș;

Jisimgħu kawżi li jinvolvu professjonisti. Kull persuna li topera intrapriża hija meqjusa bħala professjonista.

Qrati militari

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati militari hija stipulata fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Kull qorti militari għandha l-istatus ta' bażi militari.

L-organizzazzjoni ġerarkika tal-qrati militari hija kif ġej:

  • erba' tribunali militari (f'Bukarest, Cluj-Napoca, Iasi u Timisoara);
  • it-Tribunal Militari ta' Bukarest;
  • il-Qorti tal-Appelli Militari ta' Bukarest;

Il-qrati militari għandhom imħallfin, skrivani, arkivisti militari u persunal ieħor.

Tribunali militari

Hemm erba' tribunali militari fir-Rumanija, fl-ibliet li ġejjin:

  • Bukarest;
  • Cluj-Napoca;
  • Iasi;
  • Timisoara.

Bħala l-ogħla qrati tal-ewwel istanza, it-tribunali militari jistgħu jisimgħu kawżi li jirreferu għal offiżi kontra l-kapaċità tad-difiża tar-Rumanija (eż. offiżi kontra ordni u dixxiplina militari, offiżi fuq il-kamp tal-battalja, eċċ.), jew offiżi relatati mad-dmirijiet mwettqa minn persunal militari sa u inkluż il-grad ta' kurunell.

It-Tribunal Militari Reġjonali ta' Bukarest

It-tribunal militari reġjonali jisma' l-kawżi li ġejjin:

  • Bħala qorti tal-ewwel istanza, jisma' kawżi li jirreferu għall-offiżi relatati mad-dmirijiet li ġejjin, imwettqa minn uffiċjali sa jew inkluż il-grad ta' kurunell:
  1. ċerti offiżi kontra l-ħajja, l-integrità korporali jew is-saħħa;
  2. ċerti offiżi kontra l-libertà personali;
  3. ċerti offiżi sesswali;
  4. ċerti offiżi fuq il-propjetà;
  5. ċerti offiżi fuq il-post tax-xogħol jew in konnessjoni miegħu;
  6. ċerti offiżi li jtellfu l-kors tal-ġustizzja;
  7. offiżi b'intenzjoni li jirriżultaw fil-mewt jew is-suiċidju tal-vittma;
  8. offiżi li jinvolvu t-traffikar jew il-konsum illegali tad-drogi;
  9. bankarottafrawdolenta, jekk l-offiża tkun relatata mas-sistema bankarja.
  • Bħala qorti ta' rieżami, tisma' applikazzjonijiet għal rieżami kontra ġudizzji mogħtija minn tribunali militari in konnessjoni ma' offiżi fejn il-proċedimenti ġuridiċi jinbdew fuq ilment li jkun sar qabel minn parti li tkun ġarrbet il-ħsara, u l-applikazzjonijiet għal rieżami kontra ġudizzji kriminali mogħtija minn tribunal militari in konnessjoni ma' miżuri preventivi, libertà provviżorja jew miżuri prekawzjonarji, kontra ġudizzji kriminali mogħtija minn tribunal militari in konnessjoni mal-infurzar ta' ġudizzji kriminali jew riabilitazzjoni, u każijiet oħra speċifikament stipulati bil-liġi.
  • It-Tribunal Militari Reġjonali jiddeċiedi wkoll dwar kunflitti ta' ġuriżdizzjoni bejn it-tribunali militari fil-qasam ta' ġuriżdizzjoni tiegħu.

Il-Qorti tal-Appell Militari ta' Bukarest

Il-Qorti tal-Appell Militari tisma' l-kawżi li ġejjin:

  • bħala qorti tal-ewwel istanza:
  1. offiżi kontra s-sigurtà tal-Istat jew kontra l-paċi u l-umanità, imwettqa minn persunal militari;
  2. offiżi mwettqa minn imħallfin ta' tribunal militari jew tribunal militari reġjonali, jew minn prosekuturi militari tal-uffiċċji tal-prosekuturi militari marbuta ma' dawk il-qrati;
  • bħala qorti tal-appell, tisma' appelli kontra ġudizzji mogħtija minn tribunal militari reġjonali tal-ewwel istanza.
  • bħala qorti ta' rieżami, tisma' applikazzjonijiet għal rieżami kontra ġudizzji kriminali mogħtija minn tribunal militari tal-ewwel istanza, esklużi kawżi taħt il-ġuriżdizzjoni ta' tribunal militari reġjonali, u kawżi oħra speċifikament stipulati bil-liġi;
  • tiddeċiedi dwar kunflitti ta' ġuriżdizzjoni bejn it-tribunali militari reġjonali jew bejn tribunali militari u tribunali militari reġjonali jew bejn tribunali militari taħt l-oqsma ta' ġuriżdizzjoni ta' tribunali militari reġjonali differenti, u dwar kawżi oħra speċifikament stipulati bil-liġi.

Qrati amministrattivi

M'hemm l-ebda qorti amministrattiva fir-Rumanija. Taqsima amministrattiva speċjali tal-qorti għandha l-awtorità tisma' kawżi amministrattivi.

Qrati speċjali oħra

Il-Qorti Kostituzzjonali

Il-Qorti Kostituzzjonali għandha disa' mħallfin, appuntati għal mandat ta' disa' snin li ma jistax jiġi estiż jew imġedded. Tliet imħallfin jinħatru mill-Kamra tad-Deputati, tlieta mis-Senat, u tlieta mill-President tar-Rumanija. L-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali jeleġġu l-President tal-Qorti Kostituzzjonali b'vot sigriet, għal mandat ta' tliet snin. Il-Qorti Kostituzzjonali tbiddel terz mill-imħallfin tagħha kull tliet snin.

Skont l-Artikolu 146 tal-Kostituzzjoni Rumena, il-Qorti Kostituzzjonali għandha s-setgħat li ġejjin:

  • tiddeċiedi dwar il-kostituzzjonalità tal-liġijiet qabel il-promulgazzjoni tagħhom, wara riferiment mill-President tar-Rumanija, mill-President ta' waħda mill-Kmamar tal-Parlament, il-Gvern, il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja, l-Ombudsman, jew tal-inqas 50 Deputat jew 25 Senatur, jew ex officio fil-każ ta' inizjattivi li jipproponu reviżjoni tal-Kostituzzjoni;
  • tiddeċiedi dwar il-kostituzzjonalità tat-trattati jew ftehimiet internazzjonali oħra, wara riferiment mill-President ta' kwalunkwe mill-Kmamar tal-Parlament, jew tal-inqas 50 Deputat jew 25 Senatur;
  • tiddeċiedi dwar il-kostituzzjonalità tar-Regolamenti tal-Parlament, wara riferiment mill-President ta' kwalunkwe waħda mill-Kmamar, jew tal-inqas 50 Deputat jew 25 Senatur;
  • tiddeċiedi fuq oġġezzjonijiet dwar l-antikostituzzjonalità ta' liġijiet u ordnijiet li jitqajmu quddiem qrati tal-liġi ta' arbitrazzjoni kummerċjali; oġġezzjoni bħal din tista' wkoll titqajjem direttament mill-Ombudsman;
  • tiddeċiedi dwar it-tilwim ġuridikuta' natura kostituzzjonali bejn l-awtoritajiet pubbliċi, mat-talba tal-President tar-Rumanija, il-President ta' waħda mill-Kmamar tal-Parlament, il-Prim Ministru, jew il-President tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura;
  • tissorvelja konformità mal-proċedura għall-elezzjoni tal-President tar-Rumanija, u tikkonferma r-riżultati tal-elezzjonijiet;
  • tippubblika opinjonijiet konsultattivi dwar proposti biex jiġi sospiż il-President tar-Rumanija mill-mandat tiegħu;
  • tikkonferma l-preżenza ta' ċirkostanzi li jiġġustifikaw il-preżenza ta' aġent kap ta' Stat, u tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament u l-Gvern;
  • tissorvelja konformità mal-proċedura għall-organizzazzjoni u ż-żamma ta' referendum, u tikkonferma r-riżultati ta' dan;
  • tivverifika li l-kundizzjonijiet biex iċ-ċittadini jeżerċitaw l-inizjattiva leġiżlattiva huma milħuqa;
  • tiddeċiedi fuq oġġezzjonijiet dwar l-antikostituzzjonalità ta' partit politiku;
  • twettaq kull dmirieħor stipulati mil-liġi organika tal-Qorti (Liġi Nru 47/1992, ippubblikata mill-ġdid).

Bażijiet tad-dejtaġuridiċi

Il-bażijiet tad-dejtaġuridiċi li ġejjin huma disponibbli onlajn:

L-aċċess għall-bażi tad-dejta b'xejn?

Iva, l-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa b'xejn.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-ġuriżdizzjoni tal-Qrati - ir-Rumanija


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/03/2014