Interess statutorju - Portugall
LISTA TAL- KONTENUT
- 1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?
- 2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?
- 3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?
- 4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?
1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?
Imgħax statutorju
Iva, il-liġi Portugiża tipprovdi għal rata tal-imgħax statutorju.
L-imgħax jista' jiġi stipulat mill-partijiet jew jirriżulta mil-liġi. Meta jiġi stipulat mill-partijiet, jissejjaħ imgħax kuntrattwali. Meta jirriżulta mil-liġi, jissejjaħ imgħax statutorju.
L-imgħax kuntrattwali u statutorju jista' ikun ċivili jew kummerċjali.
L-iskop tal-imgħax
F'termini ġenerali, hemm żewġ tipi ta' mgħax: imgħax rimuneratorju (pereż. imgħax pagabbli fuq self) u mgħax moratorju (pereż. imgħax għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu).
Imgħax statutorju dovut għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu
Meta debitur jonqos milli jwettaq obbligu finanzjarju, ir-regola ġenerali hija li l-kumpens dovut għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu jikkorrispondi għall-imgħax statutorju ikkalkolat mid-data li d-debitur ikun naqas milli jwettaq obbligu. Obbligu finanzjarju huwa obbligu li jsir ħlas lil parti oħra.
Żmien ta' inadempjenza
Id-debitur huwa meqjus li jkun naqas milli jwettaq obbligu ladarba jkun ġie nnotifikat permezz ta' kanali ġudizzjarji jew ekstraġudizzjarji sabiex iwettaq l-obbligu.
Madankollu, hemm tliet każijiet li fihom id-debitur ikun meqjus li jkun naqas milli jwettaq obbligu mingħajr ma neċessarjament ikun ġie nnotifikat:
- Jekk l-obbligu jkollu perjodu fiss;
- Jekk l-obbligu jkun irriżulta minn att illegali;
- Jekk id-debitur jevita n-notifika; f'dan il-każ, id-debitur ikun meqjus li jkun ġie nnotifikat fid-data li n-notifika tkun normalment ġiet innotifikata lilu.
Jekk il-kreditu jkun illikwidu, ma jkun hemm ebda nuqqas sakemm l-illikwidità ma tkunx l-iżball tad-debitur. Jekk id-debitur ikun responsabbli għal att illegali jew riskju, huwa jkun meqjus li jkun naqas mit-twettiq tal-obbligu mid-data tan-notifika ta' avviż formali, sakemm huwa ma jkunx diġà naqas mit-twettiq tal-obbligu skont it-termini tal-ewwel parti ta' dan il-paragrafu.
Eżawriment jew tmiem ta' mgħax fuq il-kreditu
Miż-żmien li dan ikun dovut, l-imgħax fuq il-kreditu mhuwiex neċessarjament dipendenti fuq il-kreditu prinċipali. Wieħed jista' jiġi ttrasferit jew ikkanċellat mingħajr l-ieħor.
Allokazzjoni fuq pagamenti parzjali
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi r-regoli segwenti f'relazzjoni ma' allokazzjoni ta' pagament:
(i) Meta, barra mill-kapital, id-debitur ikun irid iħallas il-kostijiet jew l-imgħax jew ikun irid jikkumpensa lill-kreditur bħala riżultat ta' inadempjenza, pagament li ma jkunx biżżejjed sabiex ikopri l-ammont sħiħ jiġi applikat għal kostijiet, kumpens, imgħax u kapital, f'dak l-ordni;
(ii) L-allokazzjoni għall-kapital tista' issir biss fl-aħħar, sakemm il-kreditur ma jaqbilx mod ieħor.
Imgħax fuq l-imgħax
L-imgħax moratorju jista' jiżdied mal-imgħax ordinarju (imgħax kompost) sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti.
Biex l-imgħax ikompli jiżdied, trid isseħħ waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
- Jew id-debitur irid jiġi nnotifikat b'mod ġudizzjarju biex jikkapitalizza l-imgħax miżjud, jew id-debitur irid iħallas l-imgħax taħt penali ta' kapitalizzazzjoni.
Biss l-imgħax li jikkorrispondi għal perjodu minimu ta' sena jista' jiġi kapitalizzat. Dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-imgħax kompost mhumiex applikabbli jekk jiksru r-regolamenti jew prattiċi speċifiċi tas-settur (pereż. bħal fil-każ ta' self mogħti minn istituzzjonijiet finanzjarji suġġett għal regolamenti speċifiċi).
Il-każistika nazzjonali stabbiliet li l-imgħax moratorju ma jistax jiżdied ma' mgħax moratorju. B'dan il-mod, l-imgħax statutorju li huwa dovut bħala riżultat tan-nuqqas tat-twettiq ta' obbligu finanzjarju ma jistax bħala regola jiġbor l-imgħax. Dan japplika mingħajr preġudizzju għal kull varjazzjoni għal din l-interpretazzjoni fil-każistika u l-possibbiltà prevista mil-liġi ta' applikazzjoni ta' penali finanzjarja obbligatorja meta l-pagament ta' ammont monetarju jiġi ordnat permezz ta' sentenza tal-qorti.
2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?
Ir-rati tal-imgħax statutorji jvarjaw skont jekk dawn jirrigwardawx imgħax ċivili jew kummerċjali.
Imgħax ċivili statutorju
L-imgħax ċivili statutorju huwa stabbilit permezz ta' ordni implimentattiva ministerjali konġunta (Portaria) tal-Ministeri tal-Ġustizzja u tal-Finanzi, f'konformità mal-Artikolu 449(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż (Código Civil). F'Diċembru 2015 (iż-żmien tal-kitba), ir-rati tal-imgħax ċivili huma stabbiliti permezz ta' Ordni Implimentattiv Ministerjali Nru 291/03 tat-8.4.2003.
Imgħax kummerċjali statutorju
L-imgħax kummerċjali statutorju normalment ikun dovut għal kreditu dovut minn kumpaniji kummerċjali, impriżi singoli jew persuni ġuridiċi u, b'mod partikolari, għat-tipi ta' kreditu msemmijin fid-Digriet Amministrattiv Nru 62/2013 tal-10.5.2013, imsemmi aktar 'l isfel.
L-imgħax kummerċjali statutorju jiġi stabbilit permezz ta' ordni implimentattiva ministerjali konġunta tal-Ministeri tal-Ġustizzja u tal-Finanzi, f'konformità mal-Artikolu 102(3) sa (5) tal-Kodiċi Kummerċjali Portugiż (Código Comercial). F'Diċembru 2015 (iż-żmien tal-kitba), it-tfassil ta' mgħax kummerċjali kien regolat permezz tal-Ordni Implimentattiva Ministerjali Nru 277/13 tas-26.8.2013, li skontu r-rati tal-imgħax kummerċjali jiġu stabbiliti fuq bażi biannwali.
L-ammont ta' kull rata tal-imgħax kummerċjali msemmi fl-Ordni Implimentattiva Ministerjali Nru 277/13 tas-26.8.2013 jiġi stabbilit permezz ta' notifika tad-Direttorat-Ġenerali tat-Teżor u l-Finanzi (Direcção Geral do Tesouro e Finanças), ippubblikata fid-Djarju tar-Repubblika, it-tieni sensiela, sal-15 ta' Jannar u l-15 ta' Lulju ta' kull sena.
L-Ordni Implimentattiva Ministerjali Nru 277/13 tas-26.8.2013 tipprevedi t-tfassil ta' żewġ rati tal-penali kummerċjali tal-imgħax, li jvarjaw skont it-tranżazzjonijiet ikkonċernati:
- L-ewwel waħda hija r-rata tal-imgħax applikabbli għal dewmien fil-pagament relatat ma' tranżazzjonijiet kummerċjali bejn il-kumpaniji jew bejn il-kumpaniji u l-entitajiet pubbliċi, prevista permezz tad-Digriet Amministrattiv Nru 62/2013 tal-10.5.2013;
- It-tieni waħda hija r-rata addizzjonali ta' penali tal-imgħax applikabbli għal operazzjonijiet oħra u relatati ma' kreditu dovut minn kumpaniji kummerċjali, impriżi singoli jew persuni ġuridiċi, prevista permezz tal-Artikolu 102(3) tal-Kodiċi Kummerċjali Portugiż.
Ir-rati tal-imgħax statutorji, kemm jekk ċivili jew kummerċjali, ivarjaw biż-żmien. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li l-kalkolu tal-imgħax jieħu kont tar-rati differenti applikabbli għal kull parti tal-perjodu ta' inadempjenza.
Għal raġunijiet prattiċi, semmejna biss hawnhekk ir-rati tal-imgħax statutorji għas-snin reċenti. Il-kontenut ta' din l-iskeda informattiva huwa għal skopijiet ta' informazzjoni biss u mhuwiex maħsub biex jissostitwixxi l-konsultazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal kull każ speċifiku.
Ħlas addizzjonali obbligatorju tal-imgħax ta' 5 % jiżdied mal-imgħax statutorju dovut jekk il-pagament ta' ammont monetarju jiġi ordnat permezz ta' sentenza mill-qorti. F'dan il-każ, l-imgħax b'rata ta' 5 % għal kull sena jkun dovut awtomatikament - mingħajr il-bżonn ta' ebda deċiżjoni ġudizzjarja oħra għal dan il-għan - u jibda jgħodd mid-data effettiva tas-sentenza. Din il-penali finanzjarja obbligatorja tiżdied mal-imgħax tal-penali, fejn applikabbli, jew mal-kumpens dovut, f'konformità mal-Artikolu 829a (4) tal-Kodiċi Kummerċjali Portugiż.
L-imgħax statutorju mill-5 ta' Awwissu 1980 s'issa huwa kif ġej:
Mill-05.08.1980 sat-22.05.1983 | 15% |
Mit-23.05.1983 sat-28.04.1987 | 23 % |
Mid-29.04.1987 sad-29.09.1995 | 15 % |
Mit-30.09.1995 sas-16.04.1999 | 10 % |
Mis-17.04.1999 sat-30.04.2003 | 7 % |
Mill-01.05.2003 | 4 % |
Ir-rati tal-imgħax kummerċjali statutorju mit-28 ta' Settembru 1995 s'issa huma kif ġej:
Mit-28.09.1995 sas-16.04.1999 | 15 % |
Mis-17.04.1999 sat-30.09.2004 | 12 % |
Mill-01.10.2004 sal-31.12.2004 | 9,01 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2005 | 9,09 % |
It-tieni nofs tas-sena tal-2005 | 9.05 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2006 | 9,25 % |
It-tieni nofs tas-sena tal-2006 | 9.83 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2007 | 10.58 % |
It-tieni nofs tas-sena tal-2007 | 11,07 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2008 | 11,20 % |
It-tieni nofs tas-sena tal-2008 | 11,07 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2009 | 9.50 % |
It-tieni nofs tas-sena tal-2009 | 8 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2010 | 8 % |
It-tieni nofs tas-sena tal-2010 | 8 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2011 | 8 % |
It-tieni nofs tas-sena tal-2011 | 8.25 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2012 | 8 % |
It-tieni nofs tas-sena tal-2012 | 8 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2013 | 7.75 % |
It-tieni nofs tas-sena tal-2013 | 8,50 % |
Operazzjonijiet oħra | 7,50 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2014 | 8,25 % |
Operazzjonijiet oħra | 7.25 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2014 | 8.15 % |
Operazzjonijiet oħra | 7.15 % |
L-ewwel nofs tas-sena tal-2015 | 8.05 % |
Operazzjonijiet oħra | 7,05 % |
It-tieni nofs tas-sena tal-2015 | 8.05 % |
Operazzjonijiet oħra | 7.05 % |
3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?
Informazzjoni addizzjonali dwar kif tiġi kkalkolata r-rata tal-imgħax statutorja tista' tinstab fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għat-Teżor u l-Finanzi tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
http://www.dgtf.pt/avisos-e-circulares/taxas-de-juros-moratorios
4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?
L-aċċess onlajn għas-sit web imsemmija fit-tweġiba għad-domanda nru 3 huwa b'xejn.
Twissija
L-informazzjoni li tinsab f'din l-iskeda informattiva hija ta' natura ġenerali u mhijiex eżawrenti. Mhijiex vinkolanti fuq il-punt ta' kuntatt, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali, il-qrati u kull persuna oħra. Mhijiex intiża li tissostitwixxi konsultazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fis-seħħ.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-aħħar aġġornament: 28/02/2020