Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Suċċessjonijiet - Svezja

LISTA TAL- KONTENUT

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Kull min għandu 18-il sena jew aktar huwa intitolat li jagħmel testment. Testment mhuwiex validu jekk ikun ġie redatt taħt l-influwenza ta' mard mentali. Sabiex ikun validu, testment irid jiġi stabbilit bil-miktub u ffirmat mit-testatur. It-testment irid ikun attestat u ffirmat minn żewġ xhieda fl-istess ħin. Jehtieġ li x-xhieda jkunu informati bin-natura tad-dokument, mingħajr mhemm bżonn li jkunu jafu dwar il-kontenut tiegħu.

Iż-żewġ xhieda jridu jkunu fuq il-15 'il sena u ma jistgħux ikunu konjuġi, konkubin, aħwa jew qarib dirett jew ikollhom affinità mat-testatur. Lanqas ma jistgħu jkunu xhieda l-persuni li jitħallew il-wirt, il-konjuġi, il-konkubin, l-aħwa, il-qarib dirett tagħhom jew xi ħadd li għandu affinità magħhom.

Huwa possibbli għal testatur li jistabbilixxi testment privileġġjat (nödstestamente) jekk it-testatur jiġi prekluż milli jistabbilixxi testment bil-mod deskritt iktar 'il fuq minħabba mard jew emerġenza oħra. It-testment jista' imbagħad isir verbalment quddiem żewġ xhieda, jew bil-miktub u ffirmat mit-testatur.

Għall-annullament ta' testment, jeħtieġ li jitressaq rikors kontra t-testment quddiem il-qorti. Huma jridu jressqu r-rikors fi żmien sitt xhur minn meta jirċievu t-testment.

Id-dispożizzjoni causa mortis hija valida biss jekk hija konformi mad-dispożizzjoni tat-testmenti. Il-ftehimiet dwar is-suċċessjoni jew ftehimiet oħra għat-trasferiment ta' proprjetà wara l-mewt huma għalhekk invalidi.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Ma hemmx regoli għar-reġistrazzjoni ta' testmenti fl-Iżvezja.

Sabiex jiġi żgurat li hemm testment u li jista' jintuża wara l-mewt tat-testatur, it-testatur għandu jinforma lil xi ħadd ta' fiduċja tiegħu fejn jinżamm it-testment. Huwa użwali li t-testmenti jinżammu f'uffiċċju ta' avukat jew bank. Jekk ma jinsab ebda testment wara l-mewt tat-testatur, jingħata lok għas-suċċessjoni kif prevista mil-liġi. Il-patrimonju jista' jiġi ddistribit mill-ġdid jekk it-testment jinsab f'data ulterjuri. It-terminu preskritt huwa ta' għaxar snin.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Iva, jekk persuna hija miżżewġa u/jew għandha t-tfal, hemm restrizzjonijiet dwar id-dritt ta' dispożizzjoni tal-patrimonju tagħha.

Jekk it-testatur kien miżżewweġ, il-konjuġi superstiti jiret il-proprjetà li, flimkien ma' dak riċevut mill-konjuġi superstiti fid-diviżjoni tal-patrimonju konġunt tagħhom jew dak li jikkostitwixxi l-proprjetà esklussiva tal-konjuġi, jikkorispondi għal erba' darbiet l-ammont bażiku kif previst fit-Taqsimiet 6 u 7 tal-Kapitolu 2 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali. (2014: SEK 44 400 x 4=SEK 177 600) (ir-regola tal-ammont bażiku). Dan id-dritt huwa validu sakemm il-patrimonju huwa ta' valur suffiċjenti. Dan ifisser li jekk mhemmx proprjetà ta' dan il-valur, il-konjuġi superstiti jiret il-proprjetà kollha eżistenti. It-testmenti li jirrestrinġu dan id-dritt huma invalidi f'dan ir-rigward.

It-tfal u t-tfal tat-tfal tad-de cujus (magħrufa bröstarvingar, "werrieta tal-ġisem") huma intitolati għall-porzjon statutorju tal-wirt. Il-porzjon statutorju (laglott) huwa nofs il-porzjon tal-wirt li huwa dovut mil-liġi lit- tfal u t-tfal tat-tfal meta ma jkunx hemm testment li għalih it-tfal u t-tfal tat-tfal għandhom drittijiet indqas. It-testmenti li jirrestrinġu l-porzjon statutorju mhumiex validi f'dan ir-rigward. Sabiex il-werriet jirċievi l-porzjon statutorju, huwa jrid jitlob rettifika tat-testment fiż-żmien sitt shur minn meta jirċievi t-testment.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Fin-nuqqas ta' dispożizzjoni speċjali ta' suċċessjoni, il-wirt jiġi ddistribwit skont is-suċċessjoni prevista mil-liġi. Rekwiżit wieħed għall-intitolament ta' wirt huwa li l-persuna tkun ħajja fi żmien tal-mewt tat-testatur. Anki xi ħadd li kien konċepit fiż-żmien tal-mewt tat-testatur u jitwieled wara huwa intitolat għall-wirt.

Hemm tliet klassijiet ta' werrieta bil-liġi. L-ewwel klassi tinkludi t-tfal jew it-tfal tat-tfal tad-de cujus. It-tieni klassi tinkludi l-ġenituri u l-aħwa tad-de cujus, filwaqt li t-tielet klassi tinkludi n-nanniet tad-de cujus u t-tfal tat-tfal tagħhom, jiġifieri l-aħwa tal-ġenituri tad-de cujus. Il-wirt huwa ddistribwit f'porzjonijiet indaqs fi ħdan kull fergħa. It-tieni klassi ma tiritx jekk ikun hemm xi ħadd ħaj fl-ewwel klassi. It-tielet klassi tiret jekk ebda membru tal-ewwel jew tat-tieni klassi mhuwa ħaj.

Jekk id-de cujus kien miżżewweġ, il-patrimonju jmur lill-konjuġi superstiti. Wara l-mewt tal-konjuġi superstiti, it-tfal jew it-tfal tat-tfal jirtu konġuntament; u jekk ma hemmx tfal jew tfal tat-tfal biex jirtu, jirtu t-tieni jew it-tielet klassi ta' werrieta. Għalhekk, dawn il-werrieta jirtu permezz ta' wirt sekondarju (efterarv) wara l-mewt tal-konjuġi superstiti.

Jekk id-de cujus għandu t-tfal li mhumiex it-tfal tal-konjuġi superstiti, dawn tal-aħħar huma intitolati sabiex jirċievu l-porzjon statutorju tagħhom mal-mewt tad-de cujus.

Jekk mhemmx werrieta, il-patrimonju jmur lill-Fond ta' Wirt (den allmänna arvsfonden).

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Id-distribuzzjoni tal-wirt issir fil-parti l-kbira mingħajr l-involviment tal-awtoritajiet. Minflok huma l-partijiet li huma intitolati għall-wirt, il-koproprjetarji tal-patrimonju tad-de cujus, li flimkien jiddistribwixxu l-patrimonju tad-de cujus. Il-kowerrieta huma l-konjuġi superstiti jew l-imsieħeb ċivili, il-werrieta u l-legatarji universali. Tliet xhur wara l-mewt, irid jiġi ppreżentat inventarju tal-patrimonju lill-Aġenzija tat-Taxxa (Skatteverket). Dan l-inventarju tal-patrimonju jinkludi l-assi u d-dejn tal-patrimonju tad-de cujus. L-inventarju tal-patrimonju juri wkoll liema persuni huma awtorizzati li jirrapreżentaw is-suċċessjoni. L-Aġenzija tat-Taxxa hija kompetenti wkoll sabiex tfittex għal werriet li l-inħawi tiegħu mhux magħruf permezz ta' pubblikazzjoni fil-Post- och Inrikes Tidningar.

Jekk wieħed mill-kowerrieta jagħmel talba f'dan is-sens, il-qorti tista' tordna li l-proprjetà tiġi assenjata għall-amministrazzjoni minn amministratur uffiċjali tal-patrimonju (boutredningsman) u anki taħtar wieħed. Jekk il-partijiet ma jaqblux dwar id-distribuzzjoni tal-patrimonju, jinħatar distributur speċjali tas-suċċessjoni (skiftesman). Din il-persuna tista' timponi d-distribuzzjoni tas-suċċessjoni. Id-distributur tal-patrimonju jinħatar minn qorti ordinarja ta' ġurisdizzjoni kompetenti.

Il-kontroversji tas-suċċessjoni jissolvew ukoll minn qorti ordinarja ta' ġurisdizzjoni kompetenti.

Jekk wieħed mill-kowerrieta huwa minuri jew legalment inkompetenti, jinħatar fiduċjarju. Fiduċjarju (god man) jinħatar mill-ispettur tat-tutela (överförmyndaren).

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Ma hemmx bżonn ta' aċċettazzjoni speċjali tad-dritt tal-werriet għas-suċċessjoni. Madankollu, huwa jrid jagħmel lilu nnifsu magħruf u jekk kowerriet, irid jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-patrimonju.

Jekk persuna hija intitolata għas-suċċessjoni b'testment, il-legatarju jrid, jekk jixtieq jipprevali ruħu minn drittijietu, jinnotifika t-testment lill-werrieta legali. Dan ifisser li ssir notifika tat-testment meta tingħata kopja attestata tat-testment lill-werriet li min-naħa tiegħu jagħti konferma tar-riċevuta. Wara n-notifika tat-testment, il-werrieta li jikkunsidraw li t-testment għandu jiġi annullat, il-werrieta li jixtiequ jiksbu rettifika tat-testment biex jiksbu l-porzjon statutorju tagħhom jew il-konjuġi superstiti li jixtieq jinvoka r-regola tal-ammont bażiku għandhom sitt xhur biex iressqu rikors għall-annullament quddiem il-qorti.

Huwa possibbli għat-tfal jew għat-tfal tat-tfal tad-de cujus li jirrinunċjaw għad-dritt tagħhom għall-wirt favur il-konjuġi superstiti. Dan mhuwiex każ li wieħed iċedi l-wirt tiegħu; minflok il-werriet qiegħed jippostponi d-dritt tiegħu għas-suċċessjoni. Il-werrieta fil-linja diretta huma intitolati għad-dritt tas-suċċessjoni tal-konjuġi superstiti u jirċievu l-porzjon minimu tagħhom mal-mewt tal-konjuġi superstiti. Jekk il-werriet ma jkunx ħaj mal-mewt tal-konjuġi superstiti, huma l-werrieta tal-werriet li jirċievu l-wirt minfloku.

Werriet jew legatarju jista' jinforma lid-de cujus matul ħajtu li huwa jirrinunzja għad-dritt tas-suċċessjoni tiegħu. Din ir-rinunzja tapplika, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għall-werrieta proprja tat-testatur. Madankollu, it-tfal jew it-tfal tat-tfal jew il-werrieta tagħhom huma intitolati dejjem li jirċievu l-porzjon statutorju tagħhom.

Jekk werriet jew legatarju ma jimmanifestax ruħu jew ma jipprevalix ruħu mid-drittijiet tiegħu, l-Aġenzija tat-Taxxa tista' tordnalu biex jagħmel dan fis-sitt xhur minn tali ordni nnotifikat lilu. Jekk werriet jew legatarju ma jipprevalix ruħu mid-dritt tiegħu, huma jitilfu l-intitolament għas-suċċessjoni. Huwa possibbli li persuna tirrinunzja għad-dritt tagħha għas-suċċessjoni sakemm ma tkunx għadha saret il-likwidazzjoni.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Meta persuna tmut, il-kowerrieta, jiġifieri l-konjuġi superstiti jew l-imsieħeb ċivili, il-werrieta u l-legatarji universali jamministraw konġuntament il-proprjetà tad-de cujus. Huma jħarsu sabiex jiġi stabbilit inventarju tal-wirt (bouppteckning) u li dan jiġi trażmess lill-Aġenzija tat-Taxxa. Jekk l-assi jaqbżu d-dejn, l-ammont eċċedentarju jiġi ddistribwit kif stipulat fil-liġi jew kif stabbilit fit-testment. Il-patrimonju jinqasam abbażi ta' dokument ta' distribuzzjoni tal-patrimonju (arvskifte), li jiġi stabbilit mill-werrieta u l-legatarji universali. Id-dokument ta' distribuzzjoni tal-patrimonju jrid ikun nil-miktub u ffirmat mill-werrieta. Jekk il-werrieta ma jaqblux fuq id-distribuzzjoni, jista' jinħatar likwidatur tal-patrimonju (skiftesman) u tiġi imposta distribuzzjoni forzata. Jekk inħatar eżekutur (testamentsexekutor) fit-testment, l-eżekutur ikun responsabbli mid-distribuzzjoni.

Jekk id-de cujus kien miżżewweġ jew konkubin, issir normalment diviżjoni tal-patrimonju konġunt tal-konjuġi. Id-diviżjoni tal-patrimonju konġunt issir qabel id-distribuzzjoni tal-patrimonju tad-de cujus.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Il-kwalità ta' werriet (arvinge) tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-liġi. Sabiex persuna ssir werrieta, il-persuna trid tkun ħajja mal-mewt tat-testatur. Alternattivament, hija trid tkun konċepita qabel il-mewt u tkun twieldet wara. Hemm tliet klassijiet differenti ta' werrieta li huma intitolati għas-suċċessjoni; għal aktar informazzjoni, irreferi għad-domanda nru 4.

Wieħed isir legatarju (testamentstagare), jekk titħallielu proprjetà permezz ta' testment validu. Jekk il-legatarju mhuwiex ħaj meta jmut it-testatur, il-qraba tal-legatarju jieħdu postu jekk huma jkunu intitolati għall-wirt skont is-suċċessjoni prevista mil-liġi.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Le, il-werrieta mhumiex responsabbli għad-dejn tad-de cujus. Mal-mewt ta' persuna, l-assi u d-dejn tagħha jiġu ttrasferiti fil-patrimonju (dödsbo). Il-patrimonju huwa persuna ġuridika per se u għalhekk tiġi bid-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tagħha. Jekk id-dejn jeċċedi l-assi, il-patrimonju jisfaxxa u ma jkun hemm ebda distribuzzjoni tal-wirt.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Kull min akkwista proprjetà immobbli bi drittijiet ta' sjieda fuqha jrid jagħmel talba għar-reġistrazzjoni tal-akkwist (reġistrazzjoni tat-titolu) għand l-Awtorità tal-Kadastru (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.lantmateriet.se/), ġeneralment fit-tliet xhur mid-data tal-akkwist. Applikant għar-reġistrazzjoni tat-titolu jrid jippreżenta d-dokument ta' akkwist u d-dokumenti meħtieġa l-oħra li jattestaw l-akkwist. Dan ifisser, pereżempju, li f'każ ta' akkwist, id-dokument ta' akkwist irid, fost oħrajn, jiġi ppreżentat. F'ċerti każijiet, jekk il-proprjetà immobbli tiġi akkwistata permezz ta' wirt u jekk hemm werriet wieħed biss, huwa bħala regola biżżejjed li jiġi ppreżentat l-inventarju rreġistrat tas-suċċessjoni fil-forma oriġinali u f'kopja awtentikata. F'każijiet oħra, irid jiġi ppreżentat d-dokument ta' distribuzzjoni tal-patrimonju fil-forma oriġinali u f'kopja awtentikata. Jista' jiġri li jeħtieġu wkoll li jiġu ppreżentati dokumenti oħra, bħal pereżempju, il-kunsens tal-ispettur tat-tutela jekk wieħed mill-kowerrieta huwa minuri. F'ċerti każijiet, minflok dokument ta' distribuzzjoni tal-patrimonju, testment li għandu effett legali jkun biżżejjed biex tintalab ir-reġistrazzjoni tat-titolu.

L-aħħar applikant għar-reġistrazzjoni tat-titolu huwa meqjus bħala l-proprjetarju tal-beni immobbli.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Huwa obbligatorju li jinħatar amministratur uffiċjali tal-wirt jekk kowerriet hekk jitlob. Bl-istess mod, il-legatarju li tħallitlu proprjetà speċifika fit-testment huwa intitolat sabiex jitlob għal amministratur uffiċjali tal-wirt. L-amministratur tal-wirt jinħatar minn qorti ta' ġurisdizzjoni kompetenti. L-amministratur tal-wirt irid ikollu l-għarfien neċessarju għall-amministrazzjoni tal-patrimonju.

It-testatur jista' jipprevedi fit-testment tiegħu li jinħatar eżekutur, barra mill-werrieta u l-legatarji universali, li jiġi inkarigat mill-amministrazzjoni tal-patrimonju.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Fl-ewwel lok, huma l-kowerrieta. jiġifieri l-konjuġi superstiti jew l-imsieħeb ċivili, il-werrieta u l-legatarji universali. Il-kowerrieta jridu jitniżżlu fl-inventarju tal-patrimonju. Jekk jinħatru amministratur uffiċjali tal-wirt jew eżekutur tat-testment, huma awtorizzati sabiex jirrapreżentaw il-patrimonju minflok il-kowerrieta.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-amministratur uffiċjali tal-wirt għandu bħala funzjoni l-analiżi tal-assi u tad-dejn tal-patrimonju u l-amministrazzjoni tal-proprjetà. Irid jiġi stabbilit ukoll min huma l-werrieta jew il-legatarji sabiex issir id-distribuzzjoni tal-patrimonju f'konformità mas-suċċessjoni legali jew mat-testment. L-amministratur tal-patrimonju huwa għalhekk awtorizzat jiffirma d-dokumenti legali meħtieġa għal dan il-għan. L-awtorità tal-amministratur tal-wirt hija limitata, pereżempju meta jbiegħ proprjetà immobbli l-amministratur tal-wirt irid ikollu l-kunsens bil-miktub tal-koproprjetarji kollha jew, fin-nuqqas ta' dan, il-permissjoni ta' qorti distrettwali kompetenti.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Id-dokumenti l-aktar komuni huma l-inventarju tal-patrimonju u d-dokument ta' distribuzzjoni tal-patrimonju.

L-inventarju tal-patrimonju (bouppteckning): Wara l-proċeduri tal-inventarju tal-patrimonju, li l-werrieta u l-legatarji jridu jiġu mistiedna għalihom, jiġi stabbilit inventarju tal-patrimonju li jrid jiġi ppreżentat lill-Aġenzija tat-Taxxa Żvediża. L-inventarju jistabbilixxi, inter alia, min huma l-werrieta u l-legatarji u l-assi u d-dejn tal-patrimonju. Il-persuna li taf l-aktar dwar il-patrimonju, il-preżentatriċi tal-inventarju tal-patrimonju, trid tiċċertifika sollenament li l-informazzjoni li fih l-inventarju tal-patrimonju hija korretta. Żewġ persuni jridu jiċċertifikaw li tniżżel kollox korrettament fl-inventarju tal-patrimonju. It-testment u l-ftehim ta' qabel iż-żwieġ iridu jiġu mehmuża mal-inventarju tal-patrimonju. L-Aġenzija tat-Taxxa tirreġistra l-inventarju tal-patrimonju. L-inventarju tal-patrimonju rreġistrat huwa importanti fil-liġi ċivili. Dan id-dokument waħdu jew flimkien mad-dokumenti ta' distribuzzjoni tal-patrimonju, jistgħu jitressqu mill-kowerrieta bħala evidenza tat-titolu, pereżempju, meta hemm bżonn li jinġibdu l-flus mill-kont/kontijiet bankarju/i tad-de cujus u meta trid issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-titolu ta' proprjetà immobbli.

Id-dokument (arvsskifte) ta' distribuzzjoni tal-patrimonju: Meta issir id-distribuzzjoni tal-patrimonju, irid jiġi stabbilit dokument ta' distribuzzjoni tal-patrimonju. Id-dokument ta' distribuzzjoni tal-patrimonju jrid jiġi stabbilit bil-miktub u ffirmat mill-werrieta u/jew legatarji. Id-dokument ta' distribuzzjoni tal-patrimonju huwa importanti wkoll fil-liġi ċivili u jista' jiġi mressaq mill-kowerrieta bħala evidenza tat-titolu.

Il-liġi Żvediża tapplika l-evalwazzjoni ħielsa tal-provi, li jfisser li mhemm ebda dispożizzjoni speċjali dwar x'tip ta' effett evidenzjarju fih dokument speċifiku.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 23/10/2015