Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Ġbir ta' evidenza permezz ta' videoconferencing - Ċipru

LISTA TAL- KONTENUT

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

Ix-xhieda tista’ tiġi kkumpilata permezz ta’ kollegament bil-vidjo bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat rikjedenti jew inkella direttament. Il-bażi ġuridika għal dan hija pprovduta taħt il-liġi nazzjonali permezz tal-Artikolu 36A tal-Kapitolu 9 tal-Att dwar ix-Xhieda, kif emendat mill-Att 122(I)/2010. Skont l-Artikolu 36A, il-qorti tista’, fid-diskrezzjoni tagħha, timponi kwalunkwe termini li tqis li huma meħtieġa għall-kumpilazzjoni tax-xhieda, diment li dawn it-termini ma jkunux inkompatibbli mal-impenji internazzjonali tar-Repubblika ta’ Ċipru.

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Ma hemmx restrizzjonijiet bħal dawn. Kwalunkwe persuna li x-xhieda tagħha titqies bħala meħtieġa tista’ tiġi eżaminata, diment li t-talba għall-kumpilazzjoni tax-xhieda taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 u ma tkunx inkompatibbli mal-liġi nazzjonali.

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Ma hemmx restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ xhieda li tista’ tiġi kkumpilata permezz ta’ kollegament bil-vidjo, diment li t-talba għall-kumpilazzjoni tax-xhieda ma tkunx inkompatibbli mal-liġi nazzjonali u l-kumpilazzjoni tax-xhieda mitluba tkun prattikament fattibbli.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

Ma hemmx restrizzjonijiet.

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Huma biss il-minuti tal-proċedimenti li jiġu rreġistrati.

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

Ix-xhieda tiġi kkumpilata bil-lingwa materna tal-persuna li tkun qed tixhed u mbagħad tiġi tradotta minn interpretu fil-lingwa uffiċjali tal-qorti, jiġifieri l-Grieg.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

L-uffiċċju tar-reġistrar tal-qorti li tisma’ l-kawża li għaliha trid tiġi eżaminata l-persuna kkonċernata huwa responsabbli sabiex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-użu ta’ interpreti.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Għandha tinħareġ taħrika ta’ xhud lill-persuna li trid tiġi eżaminata u d-data stabbilita għas-smigħ tal-kawża tkun tali li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tiġi nnotifikata fil-ħin.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

L-ispejjeż imġarrba b’konnessjoni mal-interpreti jitħallsu mill-Istat fejn tkun tinsab il-qorti li tkun qed tmexxi l-proċedimenti u l-ispejjeż imġarrba għall-għoti ta’ appoġġ tekniku dakinhar tal-eżaminazzjoni jitħallsu mill-Istat fejn ikun jinsab ix-xhud.

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Taħrika ta’ xhud tinħareġ għal dak l-għan.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

Jittieħed ġurament jew issir affermazzjoni u jiġu ddikjarati d-dettalji tal-persuna li trid tiġi eżaminata.

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

Il-qorti rikjedenti għandha tipprovdi d-dettalji tal-persuna li trid tiġi eżaminata. Waqt it-teħid tal-ġurament, il-persuna li trid tiġi eżaminata taħlef fuq il-Bibbja jew il-Kuran, skont l-affiljazzjoni reliġjuża tagħha, jew inkella tagħmel affermazzjoni.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

Konnessjoni ta’ prova ssir f’data qabel il-jum tal-eżaminazzjoni, wara koordinazzjoni minn qabel bejn l-awtoritajiet kompetenti (id-dipartimenti tar-reġistrazzjoni tal-Qorti).

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

Ma hija meħtieġa ebda informazzjoni addizzjonali.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 13/05/2019