Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Ġbir ta' evidenza permezz ta' videoconferencing - il-Kroazja

LISTA TAL- KONTENUT

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

Fir-Repubblika tal-Kroazja, il-kumpilazzjoni ta’ xhieda, billi jiġi eżaminat xi xhud, parti jew espert, tista’ sseħħ permezz ta’ vidjokonferenza skont l-Artikoli minn 10 sa 12 u l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (minn hawn ’l quddiem imsejjaħ “ir-Regolament”) b’tali mod li meta l-kumpilazzjoni ta’ xhieda trid isseħħ skont ir-Regolament, il-Qorti tal-Kroazja tista’:

1. titlob il-kumpilazzjoni ta’ xhieda direttament minn qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, jew

2. skont l-asserzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament, titlob il-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda fi Stat Membru ieħor.

Il-kumpilazzjoni ta’ xhieda skont ir-Regolament imsemmi hawn fuq hija stabbilita fl-Artikoli minn 507d sa 507h tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (“Narodne novine” (NN; il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 53/91, 91/92, 112/99, 88/01, 117/03, 88/05, 02/07, 84/08, 96/08, 123/08, 57/11, 148/11, 25/13, 89/14; minn hawn ’l quddiem imsemmi bħala “ZPP”).

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Il-vidjokonferenzi jistgħu jintużaw sabiex jiġu eżaminati xhieda, kif ukoll għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda minn speċjalisti / esperti u partijiet.

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Ir-Repubblika tal-Kroazja ma għandha l-ebda restrizzjoni speċjali dwar it-tip ta’ xhieda li tista’ tinġabar permezz ta’ vidjokonferenza. Il-qorti li tmexxi l-proċedimenti tiddeċiedi x’tip ta’ xhieda tittieħed u kif għandha tittieħed, sabiex tistabbilixxi ċertu fatt. Il-qorti tiddeċiedi skont id-diskrezzjoni tagħha liema mill-fatti hija tikkunsidra bħala prova abbażi tal-eżitu tal-proċess kollu, wara li tevalwa bir-reqqa u b’mod kuxjenzjuż kull evidenza partikolari u l-evidenzi kollha f’daqqa. Madankollu, il-vidjokonferenzi ġeneralment jintużaw għall-kumpilazzjoni tax-xhieda billi jinstemgħu l-partijiet u x-xhieda, peress li jeżistu ostakli fattwali u tekniċi għall-kumpilazjoni tax-xhieda permezz ta’ dokument li jiġi analizzat jew ta’ inkjesta fuq il-post.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

Bħala regola, is-smigħ isseħħ il-qorti, iżda ma hemm l-ebda restrizzjoni legali speċjali dwar il-post fejn il-parti għandha tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza.

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tirrikjedi speċifikament l-irrekordjar tas-smigħ bil-vidjokonferenza, iżda l-Artikoli minn 126a sa 126c taz-ZPP jipprevedu bażi legali għall-irrekordjar tal-vuċi waqt smigħ. L-irrekordjar tal-vuċi jiġi ddeterminat mill-qorti permezz ta’ deċiżjoni formali ex officio jew fuq talba tal-partijiet. Il-metodi ta’ ħżin u ta’ trażmissjoni tar-rikordings tal-vuċijiet, ir-rekwiżiti tekniċi u l-mezzi tal-irrekordjar huma stipulati fir-Regoli tal-Qorti (Sudski poslovnik) (NN Nri 37/14, 49/14, 08/15, 35/15, 123/15 u 45/16).

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

Jekk issir talba skont l-Artikoli minn 10 sa 12 tar-Regolament, is-smigħ isir tipikament bil-Kroat, filwaqt li l-użu ta’ lingwi minoritarji fi proċeduri ta' qorti ċivili huwa rregolat minn liġi speċjali (il-proċeduri ta' qorti ċivili għandhom jitwettqu bil-lingwa Kroata, dment li xi lingwa oħra ma tkunx stipulata fil-liġi għal qrati speċifiċi). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 102 taz-ZPP, jekk il-proċedimenti ma jitmexxewx bil-lingwa tal-parti jew tal-parteċipanti l-oħra fil-proċedimenti, tiġi pprovduta interpretazzjoni fil-lingwa tagħhom ta’ dak li jiġi ppreżentat fis-smigħ u tad-dokumenti użati fis-smigħ sabiex jiġu ppreżentati l-provi.

Jekk tiġi kkumpilata x-xhieda skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, il-kumpilazzjoni tax-xhieda permezz ta’ smigħ tista’ titwettaq b’lingwa barranija peress li din titwettaq direttament mill-qorti li tkun talbet is-smigħ, għalkemm trid tiġi żgurata traduzzjoni adegwata f’lingwa li l-partijiet jew il-parteċipanti l-oħra fil-proċedimenti jifhmu.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

Fil-prinċipju, il-qorti li ssirilha t-talba tipprovdi interpretu tal-qorti ċċertifikat għall-ħtiġijiet tas-smigħ skont l-Artikoli minn 10 sa 12 tar-Regolament. Taħt ċerti kundizzjonijiet (l-Artikolu 251 li jirreferi għall-Artikolu 263 taz-ZPP), il-qorti tista’ tiddeċiedi li l-interpretazzjoni ssir mill-interpreti tal-qorti ssuġġeriti mill-parti.

Bl-istess mod, jista’ jkun hemm qbil dwar l-użu tas-servizz ta’ interpretazzjoni bejn qorti li talbet il-kumpilazzjoni tax-xhieda u l-qorti rikjesta, u l-interpretu jista’ jiġi pprovdut jew minn qorti jew minn oħra. Fil-prattika, l-interpreti tal-qorti jiġu assenjati fil-post tal-persuna li għandha bżonn l-interpretazzjoni jew tal-qorti rikjesta, jekk il-qorti rikjedenti tmexxi s-smigħ bil-lingwa tagħha skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, jew jiġu assenjati fil-post tal-qorti rikjedenti jekk is-smigħ jitwettaq mill-qorti rikjesta skont l-Artikoli minn 10 sa 12 tar-Regolament.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Skont l-Artikolu 242 taz-ZPP, ix-xhieda jirċievu ċitazzjoni bil-miktub li tispeċifika fost affarijiet oħra l-ħin u l-post tas-seduta ta’ smigħ. Iċ-ċitazzjoni għas-smigħ li fih tittieħed evidenza billi tiġi eżaminata l-parti, trid tingħata lil din il-parti skont ir-regoli tat-twassil personali. Jekk il-parti għandha rappreżentant, dan tal-aħħar jagħti ċ-ċitazzjoni għas-smigħ, li fih se tittieħed l-evidenza billi jiġu eżaminati l-partijiet, lill-parti jew lill-persuna li għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-parti (l-Artikolu 268 li jirreferi għall-Artikoli 138 u 142 taz-ZPP). Ix-xhieda li ma humiex f’pożizzjoni li jidhru l-qorti minħabba età avvanzata, mard jew diżabilità fiżika serja jistgħu jiġu eżaminati fi djarhom. Iz-ZPP ma jistipulax minn kemm żmien qabel ix-xhieda jridu jiġu mħarrka; madankollu, il-partijiet iridu jingħataw ħin biżżejjed biex jippreparaw għas-smigħ (mill-inqas tmint ijiem qabel is-smigħ).

Fil-każ ta’ smigħ skont l-Artikoli minn 10 sa 12 tar-Regolament, il-qorti rikjesta tinnotifika lix-xhieda / lill-parti dwar il-ħin u l-post tas-smigħ, filwaqt li għas-smigħ skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, il-ħruġ taċ-ċitazzjonijiet jitwettaq mill-qorti rikjedenti.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

Skont l-Artikolu 153 taz-ZPP, il-parti li titlob il-kumpilazzjoni ta’ xhieda hija obbligata mill-qorti biex tiddepożita minn qabel l-ammont meħtieġ sabiex jiġu koperti l-iżpejjeż mistennija għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda. Jekk il-kumpilazzjoni ta’ xhieda tkun proposta miż-żewġ partijiet jew ordnata mill-qorti ex officio, il-qorti tilob li ż-żewġ partijiet jiddepożitaw sehem ugwali għall-ammont meħtieġ.

Rigward l-ispejjeż relatati mal-vidjokonferenzi, l-Artikolu 18 tar-Regolament japplika.

Fir-Repubblika tal-Kroazja, il-kumpilazzjoni ta’ xhieda permezz tal-vidjokonferenzi huwa bla ħlas.

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Il-persuna tkun infurmata dwar dan fiċ-ċitazzjoni, iżda z-ZPP ma jistipulax rekwiżiti oħra.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

Qabel max-xhieda jiġu eżaminati huma jintalbu isimhom u kunjomhom, in-numru personali ta’ identifikazzjoni, isem missierhom, l-impjieg, l-indirizz, il-post tat-twelid, l-età u r-relazzjoni tagħhom mal-partijiet (l-Artikolu 243(3) taz-ZPP).

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

Skont l-Artikolu 246 taz-ZPP, il-qorti tista’ tiddeċiedi li x-xhieda jieħdu ġurament dwar id-dikjarazjonijiet mogħtija, iżda fil-każ tal-Artikolu 17 tar-Regolament, ir-regoli tal-istat rikjedenti jistgħu japplikaw taħt ċerti kundizzjonijiet, anki jekk, qabel is-smigħ, dan l-istat jinforma lill-awtorità kompetenti jew lill-korp ċentrali tal-istat rikjest dwar l-intenzjoni tiegħu li jieħu t-testimonjanza tax-xhieda taħt ġurament.

Skont l-Artikolu 270 taz-ZPP, l-eżaminazzjoni tal-partijiet titwettaq mingħajr ma jittieħed ġurament.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

Iz-ZPP ma fih l-ebda dispożizzjoni dwar dan, iżda fil-prattika l-persunal tekniku u l-persunal ġudizzjarju meħtieġ iridu jkunu preżenti qabel u waqt il-vidjokonferenza sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha tekniċi biex tkun tista’ ssir il-vidjokonferenza.

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

Ma hemm l-ebda regola stabbilita li għandha tiġi segwita meta tintalab informazzjoni addizzjonali, iżda waqt li tkun qed tiġi miftiehma d-data tas-smigħ, il-qorti rikjedenti u l-qorti rikjesta jistgħu jindunaw li huwa meħtieġ li tinstab soluzzjoni għal xi kwistjonijiet tekniċi sabiex is-smigħ jitwettaq b’suċċess. Fil-prattika, dawn il-kwistjonijiet ġeneralment jiġu indirizzati mill-imħallfin permezz tal-posta elettronika.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 22/02/2019