Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Smigħ ta' xhieda - Finlandja

LISTA TAL- KONTENUT

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Ir-rikorrent irid jagħti prova tal-fatti li jsostnu l-pretensjoni tiegħu, filwaqt li l-intimat iġorr il-piż tal-prova li tiddefendih minnha. Jekk parti tonqos milli tippreżenta l-evidenza tirriskja li l-fatti li din tkun iddikjarat fil-pretensjoni, jitqiesu li ma ġewx ippruvati.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Il-fatti ammessi ma għandhomx għalfejn jiġu ppruvati. Barra minn hekk, fatti rikonoxxuti b'mod ġenerali, jew fatti magħrufa ex officio mill-qorti, ma għandhomx għalfejn jiġu ppruvati. Naturalment tista' tiġi ppreżentata evidenza li tikkuntradixxi dawn il-fatti.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

F'dan ir-rigward, il-liġi sempliċiment tinkludi dispożizzjoni li tgħid li l-qorti, wara li tkun qieset il-fatti kollha ppreżentati, trid tiddeċiedi x'għandu jitqies bħala l-verità fil-kawża. Il-Finlandja tapplika l-prinċipju ta' "evalwazzjoni libera ta' evidenza", u għalhekk l-importanti huwa li titressaq evidenza rilevanti quddiem il-qorti.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Fil-prattika, il-partijiet interessati jridu jiksbu l-evidenza li jixtiequ jibbażaw fuqha huma stess. Il-liġi tippermetti wkoll lill-qorti tikseb elementi ta' evidenza fuq l-inizjattiva tagħha stess. Madankollu, il-qorti ma tistax tordna li jiġi interrogat xhud ġdid jew li jiġi ppreżentat xi dokument, fuq l-inizjattiva tagħha stess u kontra r-rieda taż-żewġ partijiet interessati jekk il-każ inkwistjoni jkun jista' jwassal għal soluzzjoni ekstraġudizzjarja.

F'ċerti każijiet, bħal fil-kawżi ta' paternità, il-qorti hija fid-dmir ukoll li tiżgura li tinkiseb l-evidenza kollha meħtieġa.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Is-smigħ tal-evidenza jsir fis-seduta ewlenija.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tista' tiċħad talba bħal din jekk, pereżempju, l-evidenza tkun irrilevanti jew jekk il-kawża tkun diġà ssolviet fir-rigward ta' dak il-punt partikolari. Talba biex tinkiseb l-evidenza tista' tiġi miċħuda wkoll jekk il-parti tkun ippreżentatha tard wisq.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-mezzi ta' prova differenti jinkludu s-smigħ tal-partijiet interessati, tax-xhieda u tal-esperti, il-preżentata tal-evidenza miktuba u tar-rapporti tal-esperti, kif ukoll l-eżaminazzjoni.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ma hemm l-ebda differenza bejn l-evalwazzjoni tax-xhieda orali ta' xhud jew ta' espert u dik ta' rapport miktub minn espert. Madankollu, il-qrati ma jaċċettawx li x-xhieda jippreżentaw dikjarazzjonijiet bil-miktub.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Le. Il-qorti tgawdi minn setgħa diskrezzjonali libera fl-evalwazzjoni tal-evidenza.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Le.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Bħala regola ġenerali, ix-xhieda ma jistgħux jirrifjutaw li jixhdu.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Pereżempju, il-konjuġi, l-għarus(a) u l-axxendenti u d-dixxendenti ta' parti interessata, ħutha u l-konjuġi tagħhom kif ukoll il-ġenituri adottivi jew it-tfal adottati tagħha għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jixhdu. Barra minn hekk, il-liġi tinkludi diversi sitwazzjonijiet oħra fejn ix-xhieda jkollhom id-dritt jew l-obbligu li jirrifjutaw li jixhdu.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Ix-xhud li jirrifjuta li jixhed mingħajr l-ebda raġuni leċita, jista' jintalab jissodisfa l-obbligu tiegħu b'theddida ta' multa. Jekk ix-xhud jibqa' jippersisti li ma jridx jixhed, il-qorti tista' tordna li jiġi arrestat sakemm dan jaċċetta li jixhed.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Fid-diskrezzjoni tagħha l-qorti tista' tiddeċiedi (pereżempju) jekk minorenni ta' inqas minn 15-il sena jew persuni bi problemi psikoloġiċi għandhomx jinstemgħu bħala xhieda.

Ċerti kategoriji ta' persuni, bħat-tobba u l-avukati, ma jistgħux jixhdu fuq kwistjonijiet marbuta mal-kariga ta' fiduċja tagħhom.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Bħala regola ġenerali, il-parti li ttella' persuna biex tixhed trid l-ewwel tinterrogaha hi. Il-parti l-oħra mbagħad għandha d-dritt li tagħmel kontroeżami tax-xhud. Wara l-kontroeżami, il-qorti u l-partijiet interessati jistgħu jkomplu jinterrogaw lix-xhud.

Ix-xhieda jistgħu jinstemgħu b'vidjokonferenza jew inkella b'mezzi oħra adattati tat-telekomunikazzjoni li jipprovdu kollegament awdjoviżiv bejn il-parteċipanti kollha tas-seduta, jekk il-qorti tqis li dan ikun xieraq. Din il-proċedura tista' tintuża pereżempju jekk ix-xhud ma jkunx jista' jmur il-qorti personalment, jew jekk l-attendenza tiegħu tkun twassal għal spejjeż eċċessivi, jew jekk ix-xhud ikollu inqas minn 15-il sena. F'ċerti sitwazzjonijiet, ix-xhieda jistgħu jinstemgħu wkoll bit-telefon.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Il-liġi ma tinkludix struzzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' ċirkostanzi bħal dawn. Il-qorti trid tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha biex tiddeċiedi l-valur li għandu jkollha evidenza miksuba b'dan il-mod.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Iva. Il-partijiet interessati jistgħu jinstemgħu b'mod liberu biex jippreżentaw l-evidenza tagħhom, u f'kawżi ċivili jistgħu jinstemgħu taħt ġurament fir-rigward tal-fatti li jkollhom importanza partikolari biex jissolva l-każ. Id-dikjarazzjoni mogħtija minn parti interessata bħala evidenza, tiġi evalwata abbażi tal-istess kriterji użati għad-dikjarazzjonijiet mogħtija mix-xhieda.

Ħoloq

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-smigħ tal-evidenza (Il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Finlandja)

Fuljett: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIx-xhieda l-qorti (Il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Finlandja)


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 26/09/2017