Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Smigħ ta' xhieda - Franza

LISTA TAL- KONTENUT

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Skont il-Kodiċi Ċivili (Code civil), il-persuna li titlob l-eżekuzzjoni ta’ obbligu trid turi bil-provi l-eżistenza ta’ dan. Għall-kuntrarju, persuna li titlob il-ħelsien tagħha trid tiġġustifika t-tneħħija tal-obbligu.

Għalhekk, fil-prinċipju, kull waħda mill-partijiet fil-kawża trid tipprovdi prova tal-fatti allegati. Pereżempju, l-Artikolu 9 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili “Code de procédure civile” jistabbilixxi li: “Kull parti trid turi bil-provi, skont il-liġi, il-fatti neċessarji għas-suċċess tat-talba tagħha.”

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

F’ċerti każijiet, ikun hemm preżunzjonijiet li jagħtu eżenzjoni mill-obbligu tal-għoti ta’ provi ta’ fatt li jkun impossibbli jew diffiċli li jiġi stabbilit.

B’ċertu mod, il-preżunzjonijiet legali jdawru bil-kontra l-oneru tal-provi inkombenti fuq il-persuna li trid tagħti prova tal-eżistenza tal-fatt allegat. B’mod ġenerali, jingħad li l-preżunzjonijiet huma “sempliċi”: imbagħad tista’ tiġi pprovduta evidenza li tiċħadhom. Pereżempju, meta tarbija titwieled fiż-żwieġ, ir-raġel tal-omm jiġi preżunt li hu l-missier, iżda tista’ tinfetaħ kawża li tikkontesta l-paternità.

F’każijiet aktar rari, il-preżunzjonijiet jiġu ddikjarati juris et de jure: f’dan il-każ, ebda evidenza li turi bil-kontra ma tkun ammissibbli.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-qorti tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq fatti murija bil-provi jew mhux ikkontestati.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Inkjesti preparatorji jistgħu jiġu ordnati mill-imħallef fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, iżda l-imħallef jista’ jieħu l-inizjattiva wkoll.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Jekk l-imħallef jordna inkjesti preparatorji fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, l-uffiċċju tal-qorti jinforma lit-tekniku maħtur bl-ambitu tal-missjoni tiegħu; dan tal-aħħar imbagħad jistieden lill-partijiet biex ikunu preżenti f’kull operazzjoni sussegwenti. Jekk tkun meħtieġa testimonjanza esperta, din ma tibdiex sakemm il-parti rilevanti tgħaddi somma flus (kapparra) li trid tiġi deċiża mill-imħallef, li tiggarantixxi l-ħlas għall-espert. L-inkjesti preparatorji kollha jitwettqu fil-preżenza tal-partijiet.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

L-imħallef jista’ jiċħad talba għal inkjesti preparatorji fuq il-bażi li din ikollha l-effett li tikkumpensa għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-parti li ġġarrab l-oneru tal-provi jew li mhix neċessarja.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Id-dritt ċivili ta’ Franza jagħmel distinzjoni. Għal fatti legali (pereżempju aċċident), prova tkun diskrezzjonarja u, għalhekk, tista’ tiġi pprovduta bi kwalunkwe mezz (dokumenti, testimonjanza mix-xhieda, eċċ.). Għal atti legali (kuntratt, donazzjoni, eċċ.), fil-prinċipju tkun meħtieġa evidenza bil-miktub, iżda l-liġi tippermetti eċċezzjonijiet (pereżempju, għal atti relatati ma’ somma anqas minn ċertu ammont, definit mid-digriet, jew jekk ikun impossibbli li jiġi prodott dokument bil-miktub). Ta’ min jiġi nnotat li bejn in-negozjanti, tapplika r-regola tal-evidenza bi kwalunkwe mezz, inkluż għal atti legali.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

It-testimonjanza tax-xhieda tista’ tiġi kkumpilata b’żewġ forom separati: b’mod orali, permezz ta’ proċedura investigattiva, jew bil-miktub, fil-forma ta’ dikjarazzjonijiet li jridu jirrispettaw ċertu grad ta’ formalità. Id-dikjarazzjoni bil-miktub trid issemmi b’mod partikolari l-identità tax-xhud u, jekk applikabbli, ir-relazzjoni tal-familja tiegħu jew ir-relazzjoni permezz ta’ żwieġ, ta’ subordinazzjoni, ta’ kollaborazzjoni jew ta’ komunità ta’ interess tiegħu ma’ waħda mill-partijiet. Id-dikjarazzjoni tindika wkoll li din tfasslet għall-użu fi proċedimenti legali u li l-awtur tagħha hu konxju li testimonjanza falza tinvolvi r-riskju ta’ sanzjonijiet kriminali. Hu possibbli wkoll li tinġabar testimonjanza fil-forma ta’ affidavits. (Dawn huma dokumenti mfassla minn imħallef jew minn uffiċjal pubbliku li jkun fihom id-dikjarazzjonijiet li jsiru minn diversi xhieda dwar il-fatti li jridu jintwerew bil-provi).

Perizja tvarja minn testimonjanza ta’ xhud peress li hi inkjesta preparatorja li tikkonsisti fl-inkarigu lil persuna partikolarment kompetenti bil-kompitu li tagħti opinjoni purament teknika, wara li l-partijiet ikunu ġew mistiedna jipprovdu spjegazzjonijiet. L-esperti jagħti opinjoni, b’mod orali jew bil-miktub. L-opinjonijiet bil-miktub jitfasslu fil-forma ta’ rapport li jkun fih b’mod partikolari l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet. L-imħallef mhuwiex marbut bil-perizja.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Att awtentikat, imfassal minn uffiċjal pubbliku (nutar, bailiff) matul il-qadi ta’ dmirijietu, jitqies li hu awtentiku sakemm ma tiddaħħalx eċċezzjoni ta’ falsifikazzjoni.

Ftehim privat (dokument imfassal mingħajr l-intervent ta’ uffiċjal pubbliku, mill-partijiet infushom u bil-firem tagħhom biss) jitqies li hu awtentiku fin-nuqqas ta’ evidenza li turi bil-kontra.

It-testimonjanza tax-xhieda, kif ukoll mezzi oħra ta’ prova, taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-imħallef.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Kif stipulat taħt il-punt 2.4, prova bil-miktub hi neċessarja biex jitfassal dokument legali b’valur li jisboq l-EUR 1 500. Għall-kuntrarju, il-forma ta’ evidenza ta’ fatt hi diskrezzjonarja.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Kull persuna hi obbligata tikkoopera fil-proċedimenti legali bl-għan li tinstab il-verità.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Persuni fil-pussess ta’ informazzjoni miġbura fit-twettiq tal-professjoni tagħhom u koperti minn segretezza professjonali jridu jiċħdu milli jixhdu, għaliex jekk ma jagħmlux dan jistgħu jkunu soġġetti għal sanzjoni kriminali. Barra minn hekk, ix-xhieda jistgħu jiċħdu b’mod selettiv milli jixhdu jekk ikunu jistgħu juru bil-provi impediment ġust (pereżempju: impossibbiltà ta’ vvjaġġar, mard, raġunijiet professjonali, eċċ.). L-imħallef jivvaluta l-leġittimità ta’ dan l-impediment.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhieda kontumaċi u dawk li, mingħajr raġuni leġittima, jiċħdu milli jixhdu jew milli jaħilfu jistgħu jiġu ordnati jħallsu multa ċivili li tasal sa EUR 3 000.

Irid jiġi indikat ukoll li ksur tal-ġurament hu punibbli bħala reat kriminali.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Kwalunkwe persuna tista’ tinstema’ bħala xhud, ħlief għal persuni li ma jistgħux jixhdu fil-qorti, u din l-eċċezzjoni tkopri lil dawk bi skwalifiki ċivili (minorenni u adulti protetti) jew b’ċerti kundanni kriminali (tiċħid tad-drittijiet ċivili). Madankollu, l-imħallef jista’ jinterrogahom għall-finijiet informattivi, mingħajr ma jkunu taħt ġurament. Barra minn hekk, id-dixxendenti tal-konjuġi qatt ma jistgħu jinstemgħu jew jixhdu fi proċedimenti ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni legali.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

L-imħallef imexxi l-eżami tax-xhieda u jagħmlilhom mistoqsijiet. Filwaqt li jkunu preżenti, il-partijiet ma jistgħux itellfu lix-xhieda jew jindirizzawhom b’mod dirett ħalli ma jinfluwenzawhomx. Jekk l-imħallef iqis li hu meħtieġ li jsir hekk, l-imħallef jagħmel il-mistoqsijiet li l-partijiet jixtiequ jagħmlu lix-xhieda.

Ma hemm xejn xi jżomm lill-imħallef milli jagħmel reġistrazzjoni awdjo, vidjo jew awdjoviżiva tal-inkjesti preparatorji, meta ċ-ċirkustanzi jitolbu hekk (bħal fil-każ ta’ separazzjoni ġeografika).

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

L-imħallef ma jaċċettax evidenza miksuba b’mezzi frawdolenti (kamera moħbija, reġistrazzjoni ta’ konverżazzjoni fuq it-telefown mingħajr l-għarfien tal-kelliem, eċċ.) jew b’mod li ma jirrispettax il-privatezza.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet għall-kawża ma jkollhomx l-istatus ta’ evidenza.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSit web ta’ Legifrance


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 14/11/2018