Smigħ ta' xhieda

Olanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

Il-liġi proċedurali Olandiża hi bbażata fuq il-prinċipju li “kull min jasserixxi fatt irid jagħti prova tiegħu”. Fi kliem ieħor, il-parti li tistrieħ fuq il-fatti jew fuq id-drittijiet li tallega għall-finijiet legali ġġarrab l-oneru tal-provi ta’ dawk il-fatti jew id-drittijiet. Madankollu, l-oneru tal-prova jista’ jinbidel b’riżultat ta’ regola legali speċifika jew il-prinċipji tal-raġonevolezza u l-ġustizzja.

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Ir-regoli statutorji dwar l-evidenza fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering) japplikaw fi proċedimenti li jibdew b’ċitazzjoni u fi proċedimenti li jibdew b’rikors, sakemm in-natura tal-kawża ma tkunx tali li tipprekludihom. Mhumiex obbligatorji fi proċedimenti interlokutorji u ma japplikawx awtomatikament fl-arbitraġġi l-anqas. Madankollu, f’kawżi ta’ arbitraġġ, il-partijiet jistgħu jaqblu li japplikaw dawk ir-regoli.

Ir-regoli statutorji dwar il-provi jinsabu fl-Artikoli 149 sa 207 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Il-fatti li jiġu allegati minn waħda mill-partijiet u mhux micħuda (b’mod suffiċjenti) mill-parti opposta jridu jitqiesu mill-qorti bħala murija bil-provi. Madankollu, hemm eċċezzjoni, jiġifieri sitwazzjonijiet fejn l-aċċettar ta’ dan ikun jinvolvi konsegwenzi legali li mhumiex liberament disponibbli għall-partijiet. F’dak il-każ, il-qorti tista’ titlob l-evidenza.

L-evidenza mhix meħtieġa għal fatti jew għal ċirkustanzi li jitqiesu li huma magħrufa b’mod universali jew għal regoli ta’ esperjenza ġenerali. Dawn jistgħu jintużaw mill-qorti kemm jekk ikunu allegati mill-partijiet kif ukoll jekk le. “Fatti jew ċirkustanzi li jitqiesu li huma magħrufa b’mod universali” tfisser fatti jew ċirkustanzi li kwalunkwe persuna normali taf jew tista’ tkun taf. “Ir-regoli ta’ esperjenza ġenerali” huma l-għarfien u l-esperjenza li għandu jkollu kull ċittadin fis-soċjetà Netherlandiża. Bl-istess mond ma hemm ebda bżonn li jintwerew bil-provi fatti li l-qorti stess issir taf bihom matul il-proċedimenti (fatti tal-proċess).

Kultant, il-liġi tipprovdi għal preżunzjoni. Ċerti fatti jew ċirkustanzi jitqiesu li tant ikunu probabbli li parti li tasserixxi li seħħu ma jkollhiex bżonn tipprovdi provi (ulterjuri) għalihom. Il-qorti tista’ tuża wkoll regoli ta’ esperjenza ġenerali biex tasal għal presuppożizzjoni fuq il-bażi ta’ ċerti fatti li jiġu asseriti quddiehma. F’dak il-każ, il-parti opposta jkollha l-possibbiltà ta’ replika kontra l-preżunzjoni. Japplikaw ukoll diversi każijiet speċjali. Żewġ eżempju huma: skont il-liġi tat-traffiku fit-triq, sewwieq li jtajjar ċiklist jew persuna miexja jrid jikkumpensa għall-korriment, sakemm ma tistax tiġi pprovduta prova li l-aċċident kien dovut għal force majeure. Eżempju ieħor huwa meta ħaddiem jitlob kumpens għal korriment li jkun sofra fuq il-post tax-xogħol. F’dak il-każ, l-impjegatur ikun obbligat jikkumpensa lill-ħaddiem għat-tali korriment, sakemm ma tkunx tista’ tinġieb evidenza li ma kien hemm ebda nuqqas fil-kura meħtieġa jew li l-ħaddiem kien ħati ta’ azzjoni delibrata jew ta’ traskuraġni apposta.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-qorti hi libera li tevalwa l-evidenza quddiemha ħlief meta l-liġi tistabbilixxi b’mod ieħor. Din l-eċċezzjoni tikkonċerna r-regoli dwar il-valur probatorju konklużiv tal-evidenza. F’każijiet ta’ evidenza konklużiva, il-qorti tkun obbligata taċċetta bħala veri ċerti forom ta’ evidenza jew tal-anqas tagħraf il-valur tagħhom. Iżda, mill-ġdid, hawnhekk ikun hawn possibbiltà ta’ replika.

Il-qrati jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom biss fuq fatti li jikkonformaw b’mod adegwat mar-regoli tal-evidenza.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

F’ċerti każijiet (spezzjoni ta’ kontijiet, testimonjanza tax-xhieda), fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, il-qorti tixħet l-oneru tal-provi fuq il-parti l-oħra. Il-qorti tista’ tagħmel dan ukoll ex officio, jiġifieri fuq inizjattiva tagħha stess.

Bl-istess mod, fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet jew fuq inizjattiva tal-qorti stess, il-qorti tista’ tordna perizja jew żjara jew spezzjoni fil-bini. Hi l-qorti li taħtar lill-espert, filwaqt li l-espert li jirrapporta lill-qorti, u hi l-qorti li twettaq żjarat fil-bini. Il-partijiet huma obbligati jassistu fil-perizji.

Il-partijiet huma intitolati li jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom u jippreżentaw talbiet kemm fil-każ ta’ perizja kif ukoll ta’ żjara f’bini.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-parti awtorizzata mill-qorti biex tipprovdi evidenza jew li ġġarrab l-oneru tal-provi għandha d-dmir li tipprovdi l-evidenza tal-fatti u/jew taċ-ċirkustanzi allegati. Il-parti opposta dejjem tista’ tipprovdi evidenza li turi bil-kontra, sakemm il-liġi ma tipprekludihiex.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tiċħad milli tammetti evidenza jekk din l-evidenza ma tkunx rilevanti għall-kawża, ma tkunx speċifikata biżżejjed (vaga wisq), tkun barra mill-perjodu stabbilit (tard wisq) jew tkun frivola. L-evidenza ppreżentata ma tistax tiġi injorata fuq il-bażi tar-riżultat preżunt tagħha.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Fin-Netherlands tapplika r-regola dwar il-libertà tal-evidenza, jiġifieri fil-prinċipju l-evidenza tista’ tiġi pprovduta fi kwalunkwe forma xierqa, sakemm il-liġi ma tistabbilixxix mod ieħor. Il-liġi tispeċifika numru ta’ forom ta’ evidenza (mhux eżawrjenti): Dawn huma:

  • atti u sentenzi;
  • spezzjoni ta’ kontijiet, ta’ rekords u ta’ dokumenti;
  • testimonjanza tax-xhieda;
  • rapporti formali jew orali minn esperti u
  • spezzjonijiet ta’ bini u żjarat fihom.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

L-evidenza tax-xhieda trid tkun awtorizzata bil-liġi u tingħata fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet jew tiġi imposta fuq waħda mill-partijiet mill-qorti ex officio. Il-partijiet jistgħu jagħtu l-evidenza tagħhom bħala xhieda wkoll (ara l-punt 3 aktar ’il quddiem). Meta tkun trid tingħata l-evidenza tax-xhieda, ikunu l-partijiet li jsejħu lix-xhieda.

L-evidenza tax-xhieda tingħata fil-forma ta’ testimonjanza. Tittieħed meta tibda s-sessjoni tal-qorti fil-forma ta’ testimonjanza orali. Dikjarazzjoni bil-miktub tax-xhud tkun ammissibbli bħala evidenza biss jekk tkun relatata mal-fatti li dwarhom ix-xhud ikollu għarfien personali. Parti li titlob li titħalla tippreżenta evidenza tax-xhieda tiġi awtorizzata tagħmel dan jekk il-fatti li jkunu jridu jintwerew bil-provi jkunu lmentati u jistgħu jgħinu biex tiġi solvuta l-kawża.

Fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet jew fuq inizjattiva tal-qorti stess, l-esperti jistgħu jippreżentaw rapporti bil-miktub jew orali (l-Artikolu 194 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Fil-każ ta’ rapport bil-miktub, il-qorti tiffissa skadenza għall-preżentazzjoni. Fil-każ ta’ rapport orali, l-espert jagħti evidenza dwar id-data stabbilita għall-proċess.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Hemm distinzjoni bejn evidenza konklużiva u mhux konklużiva. Fil-każ ta’ evidenza konklużiva, il-qorti tkun meħtieġa taċċetta l-kontenut tal-evidenza bħala veritier jew tagħraf is-saħħa ta’ dik il-forma ta’ evidenza kif determinata mil-liġi. Tista’ tiġi offruta kontroprova wkoll fil-każ ta’ evidenza konklużiva, sakemm il-liġi ma tipprekludihiex. Atti awtentiċi u sentenzi mill-qrati kriminali huma eżempji ta’ evidenza konklużiva. Il-qorti hi ħielsa li tiddetermina l-valur probatorju ta’ evidenza mhux konklużiva.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

F’ċerti ċirkustanzi, dokument ikun jikkostitwixxi prova perfetta. F’ċerti ċirkustanzi, id-dokument ikun essenzjali wkoll biex jidħol fis-seħħ dritt speċifiku. Eżempju ta’ dan jista’ jkun ftehim ta’ qabel iż-żwieġ jew testment. Evidenza tal-eżistenza ta’ ftehim ta’ qabel iż-żwieġ jew ta’ testment imfassal minn nutar tiġi pprovduta bil-preżentazzjoni ta’ att notarili. Anki kodiċill jista’ jservi bħala prova. Kodiċill hu dokument miktub bl-idejn, datat u ffirmat li jistabbilixxi x-xewqat tat-testatur. Dawn ix-xewqat jistgħu jkunu relatati mat-tħollija bil-wirt ta’, fost l-oħrajn, ilbies, ġojjellerija u affarijiet speċifikati tad-dar u kotba speċifikati. Kodiċill ma jeħtieġx li jkun validat b’att notarili.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Il-prinċipju bażiku huwa li kull min jintalab bil-liġi biex jixhed ikollu d-dmir li jagħmel dan. Id-dmir huwa li wieħed jidher fil-proċess u jagħmel id-dikjarazzjonijiet meħtieġa b’mod veritier fil-qorti.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

F’ċerti ċirkustanzi jkun possibbli li wieħed jinħeles mid-dmir li jixhed.

L-individwi li għandhom relazzjoni mill-qrib ma xi ħadd mill-partijiet jistgħu jitolbu eżenzjoni mid-dmir li jixhdu. Dawn jinkludu (ex)konjuġi jew (ex)sħab reġistrati tal-parti, relazzjonijiet bid-demm jew żwieġ ta’ parti jew il-konjuġi jew is-sħab reġistrati ta’ dik il-persuna sa u inkluż it-tieni grad – ġenituri, tfal, nanniet, neputijiet u aħwa.

Ix-xhieda jistgħu jitolbu l-eżenzjoni wkoll meta jwieġbu mistoqsijiet speċifiċi jekk it-tweġiba tkun tesponi lix-xhud jew lil qarib bid-demm jew biż-żwieġ fil-linja axxendenti jew dixxendenti jew lil qarib kollaterali fit-tieni jew fit-tielet grad, jew lil (ex)konjuġi jew lil (ex)sħab ta’ dik il-persuna għar-riskju ta’ prosekuzzjoni kriminali (l-Artikolu 165(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Hemm eżenzjoni fuq bażi funzjonali wkoll. Din hi disponibbli għal nies li, minħabba relazzjoni privileġġata fid-dawl tal-professjoni, l-okkupazzjoni jew status ieħor tagħhom (bħal membri tal-kleru, tobba, avukati u nutara), huma meħtieġa jżommu s-segretezza.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Jekk xhud jitħarrek biex jidher b’ittra reġistrata u jonqos milli jidher fil-proċess, il-qorti tista’ tiffissa data fuq it-talba tal-parti kkonċernata li fiha x-xhud jista’ jiġi mħarrek b’ċitazzjoni (notifika minn bailiff). Jekk ix-xhud xorta waħda jibqa’ ma jidhirx, il-qorti tista’ tordna li jinġieb quddiem il-qorti mill-pulizija. Jekk xhud jidher iżda jiċħad milli jagħmel dikjarazzjoni, il-parti rilevanti tista’ titlob lill-qorti biex dan jinżamm taħt kustodja minħabba disprezz tal-qorti. Il-parti rikjedenti mbagħad ikollha tħallas għall-ispejjeż taż-żamma taħt kustodja. Il-qorti toħroġ ordni ta’ kustodja biss jekk temmen li din tkun ġustifikata fid-dawl ta’ żgurar tal-verità.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Bażikament, kulħadd għandu d-dmir li jixhed, ħlief għal dawk li huma intitolati għall-eżenzjoni (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.9).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Ix-xhieda jinstemgħu u jiġu interrogati mill-qorti. Il-partijiet u l-avukati tagħhom jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda wkoll. Il-qorti, ex officio jew fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, tista’ tikkonfronta lix-xhieda ma’ xulxin u mal-partijiet. Wara li x-xhud jixhed, il-qorti tista’ tagħmel mistoqsijiet lill-partijiet u l-partijiet jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lil xulxin.

Ir-regoli tal-evidenza Netherlandiżi ma fihom l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-vidjokonferenzi. Il-liġi Netherlandiża ma teskludix din il-proċedura u ma hemm ebda diffikultà prattika fit-twettiq ta’ vidjokonferenzi. Hu f’idejn il-qorti li tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Evidenza illegali tista’ tiġi suddiviża f’evidenza miksuba b’mod illegali u evidenza użata b’mod illegali. Jekk l-evidenza nkisbet b’mod illegali, dan ma jfissirx li l-użu tagħha dejjem ikun illegali. Dejjem ikun għad-diskrezzjoni tal-qorti li tiddeċiedi jekk l-evidenza għandhiex titqies bħala illegali.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Il-partijiet jistgħu jinstemgħu bħala partijiet fil-kawża, iżda mbagħad id-dikjarazzjonijiet li jagħmlu ma jitqisux bħala evidenza favur il-parti li tinstema’ bħala xhud, sakemm it-testimonjanza ma sservix biex tiġi ċċarata evidenza inadegwata oħra (l-Artikolu 164(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-aħħar aġġornament: 09/02/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.