Jekk jogħġbok, agħżel iż-żona tal-ksur allegat
Drittijiet ta' nondiskriminazzjoni
Dawn huma għal meta tiġi ttrattat differenti fuq il-bażi tas-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, l-età, id-diżabbiltà, l-orjentament sesswali (għal nies leżbjani, omosesswali, bisesswali, transesswali jew intersesswali), ir-reliġjon u t-twemmin tiegħek, jew għal raġunijiet oħra bħall-edukazzjoni, l-impjieg, is-sigurtà soċjali, il-kura tas-saħħa, l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi jew l-abitazzjoni. Dawn japplikaw ukoll jekk tkun vittma ta' reat ta' mibegħda - reat motivat minn razziżmu, ksenofobija, intolleranza reliġjuża, jew minn diżabbiltà reali jew perċepita, orjentament sesswali jew identità tal-ġeneru.
Drittijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-assistenza, l-edukazzjoni, l-abitazzjoni u l-kura tas-saħħa
Dawn huma għal meta ma titħalliex taċċessa l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, l-iktar waqt maternità, mard, aċċident, telf ta' impjieg jew minħabba l-età. Dawn ikopru d-drittijiet tiegħek għal aċċess għal kura u trattament mediċi bażiċi, u għal assistenza soċjali u għall-abitazzjoni inkluż appoġġ finanzjarju. Dawn ikopru wkoll problemi ta' aċċess għal edukazzjoni obbligatorja kif ukoll edukazzjoni superjuri u ulterjuri, inkluż taħriġ vokazzjonali u universitarju jew nuqqas ta' rispett minn faċilitajiet edukattivi għall-konvinzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u pedagoġiċi tal-ġenituri. Dawn japplikaw ukoll għal problemi b'aċċess għal servizzi ġenerali bħal servizzi postali, telekomunikazzjonijiet jew trasport.