Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Liema liġi tapplika - il-Kroazja

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Fir-Repubblika tal-Kroazja, id-dritt internazzjonali privat u d-dritt proċedurali huma kkodifikati l-iktar mill-Att dwar il-Kunflitti tal-Liġijiet (Zakon o rješavanju sukoba zakona s propisima drugih zemalja u određenim odnosima, ZRS) Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nru 53/91.

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954 dwar il-Proċedura Ċivili

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 dwar il-Kunflitti tal-Liġijiet Relatati mal-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1971 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1973 dwar il-Liġi Applikabbli għar-Responsabbiltà għall-Prodotti Difettużi

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

Fuq il-bażi tan-notifika dwar is-suċċessjoni, ir-Repubblika tal-Kroazja saret parti f'ħafna trattati internazzjonali bilaterali, bħal trattati ta' assistenza legali, konvenzjonijiet konsulari u trattati dwar il-kummerċ u n-navigazzjoni. Ġew ukoll konklużi trattati ta' assistenza legali li fihom ukoll regoli dwar is-soluzzjoni tal-kunflitti ta’ liġijiet ma' pajjiżi speċifiċi:

Il-Ftehim tal-1954 dwar Skambju Ġuridiku Reċiproku mal-Awstrija, Vjenna, is-16 ta' Diċembru 1954

Il-Ftehim tal-1956 dwar Kooperazzjoni Ġuridika Reċiproka mal-Bulgarija, Sofija, it-23 ta' Marzu 1956

Ftehim mar-Repubblika Ċeka dwar ir-Regolamentazzjoni tar-Relazzjoni Ġuridika f'Materji Ċivili, Familjari u Kriminali, Belgrad, l-20 ta' Jannar 1964

Il-Ftehim tal-1959 dwar Kooperazzjoni Ġuridika Reċiproka mal-Greċja, Ateni, it-18 ta' Ġunju 1959

Il-Ftehim tal-1968 dwar Skambju Ġuridiku Reċiproku mal-Ungerija

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Fir-rigward ta' sitwazzjonijiet legali b'element internazzjonali, il-qrati japplikaw id-dritt internazzjonali privat bl-użu ta’ tliet metodi, jiġifieri: regoli dwar il-kunflitt ta' liġijiet, regoli obbligatorji prevalenti u regoli sustantivi speċjali.

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

L-Artikolu 6 tal-Att dwar il-Kunflitt ta' Liġijiet, li huwa fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt internazzjonali privat, jistipula li jekk, skont id-dispożizzjonijiet ta' dak l-Att, għandha tiġi applikata l-liġi ta' stat barrani, għandhom jitqiesu r-regoli tiegħu dwar il-kunflitt ta' liġijiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli.

Jekk ir-regoli ta’ pajjiż barrani dwar l-għażla tal-liġi applikabbli jirreferu għal-liġi tar-Repubblika tal-Kroazja, tapplika l-liġi tar-Repubblika tal-Kroazja, mingħajr ma jitqiesu r-regoli li jiddeterminaw liġi illi inkella kienet tkun applikabbli hi.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

L-Att dwar il-Kunflitt tal-Liġijiet ma jirregolax din il-kwistjoni b'mod ġenerali, imma fih xi dispożizzjonijiet speċjali li jirregolaw każijiet bħal dawn (pereżempju, l-Artikolu 35(1) jiddikjara li l-liġi li tirregola d-divorzju hija l-liġi tal-istat li l-miżżewġin huma ċittadini tiegħu fil-mument li jiġu istitwiti l-proċedimenti tad-divorzju, u l-Artikolu 45(1) jistipula li l-effetti ta' adozzjoni jiġu vvalutati b'konformità mal-liġi tal-istat li l-persuni li qed jadottaw u dawk adottati jkunu ċittadini tiegħu fil-mument li sseħħ l-adozzjoni.

Normalment kull każ speċifiku għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta' jekk is-sitwazzjoni ġuridika ġietx solvuta, hix permanenti jew hix qed tevolvi. Jekk regola ta' kunflitt tal-liġi tirregola sitwazzjoni permanenti, it-twaqqif tagħha f'termini ġuridiċi tkun irregolata mil-liġi applikabbli fis-seħħ dak iż-żmien, u jekk twassal għal bidla fl-istrument, l-effetti ta' sitwazzjoni ġuridika ta' dan it-tip jiġu vvalutati b'konformità mal-liġi l-ġdida fi żmien l-applikazzjoni.

Fir-rigward tad-dritt tas-sjieda u drittijiet proprjetarji oħrajn, li huma vvalutati skont il-liġi tal-istat fejn tinsab il-proprjetà, ir-regola applikabbli tgħid li d-dritt tas-sjieda akkwiżit b'konformità ma' strument li kien jeżisti qabel xorta jibqa' fis-seħħ, anke jekk ma jkunx ġie akkwiżit skont l-istrument il-ġdid. Madankollu, jekk minħabba nuqqas ta’ modus, is-sjieda tal-proprjetà mobbli ma tkunx ġiet akkwiżita skont il-liġi preċedenti, dik l-akkwiżizzjoni sseħħ meta l-proprjetà mobbli tasal fit-territorju tal-istat li ma jeħtiġx modus għax-xiri.

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

a) ordni pubbliku

L-Artikolu 4 tal-Att dwar il-Kunflitt ta' Liġijiet jistipula li l-liġi ta' stat barrani ma tiġix applikata jekk l-applikazzjoni tagħha tkun tmur kontra l-prinċipji bażiċi tas-sistema ta' gvernar stabbilita fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja.

Minbarra l-Artikolu 4, li għandu jkun interpretat bħala li jħares id-drittijiet fundamentali, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet taċ-ċittadini, l-ordni pubbliku jinkludi wkoll soluzzjonijiet mill-Konvenzjoni tal-1950 għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

L-ordni pubbliku ma jħarisx esklussivament il-liġi domestika mil-liġi sustantiva barranija. Il-ġustifikazzjoni biex titqajjem il-protezzjoni tal-ordni pubbliku domestiku tiddependi, fost affarijiet oħra, minn jekk it-tilwima li tkun qed tiġi solvuta tkunx marbuta mat-territorju nazzjonali u l-liġi tiegħu, jiġifieri mal-lex fori, u din ir-rabta teżisti jekk l-applikazzjoni tal-liġi barranija jkollha effetti aktar permanenti fuq it-territorju nazzjonali.

b) regoli obbligatorji prevalenti

Xi drabi, is-sitwazzjonijiet b'dimensjoni internazzjonali jkunu rregolati minn regoli legis fori speċjali, li jissejħu predominantement bħala regoli obbligatorji prevalenti. Dawn ir-regoli huma adottati fl-istess att tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet, u xi drabi jkunu jinsabu f'regolamenti oħrajn ukoll.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Qorti jew entità kompetenti oħra jridu jiddeterminaw il-kontenut tal-liġi barranija ex officio, skont l-Artikolu 13(1) tal-Att dwar il-Kunflitt ta' Liġijiet. L-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 13(3) tal-Att dwar il-Kunflitt ta' Liġijiet jistipula li qorti jew entità kompetenti tista' titlob informazzjoni dwar liġi barranija mingħand il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja. Madankollu, il-partijiet fil-kawża jistgħu jippreżentaw ukoll stqarrija pubblika dwar il-kontenut tal-liġi barranija.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

Is-sors tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet huwa l-Att dwar il-Kunflitt ta' Liġijiet.

L-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kunflitt ta' Liġijiet jistipula li l-liġi li tirregola kuntratt hija l-liġi li jkunu għażlu l-partijiet kontraenti sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f'dak l-Att jew fi ftehim internazzjonali.

L-Artikolu 20 jistipula li jekk ma tkun intgħażlet l-ebda liġi applikabbli u ċ-ċirkostanzi speċjali tal-każ jissuġġerux liġi oħra, il-liġi li trid tapplika hi:

1) fir-rigward tal-bejgħ ta' ħwejjeġ mobbli - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat il-bejjiegħ jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

2) fir-rigward ta' kuntratt għal xogħlijiet jew kuntratt dwar bini - il-liġi tal-post fejn kienet domiċiljata il-persuna li trid tagħmel ix-xogħol jew fejn kien domiċiljat il-kuntrattur jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

3) fir-rigward ta' kuntratt ta' aġenzija - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat l-aġent jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

4) fir-rigward ta' kuntratt ta' rappreżentanza - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat ir-rappreżentant jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

5) fir-rigward ta' kuntratt ta' kummissjoni - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat l-aġent ikkummissjonat jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

6) fir-rigward ta' kuntratt ta' spedizzjoni - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat l-aġent jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

7) fir-rigward ta' kuntratt ta' kera ta' ħwejjeġ mobbli - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat il-lokatur jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

8) fir-rigward ta' kuntratt ta' self ta' flus - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat is-sellief jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

9) fir-rigward ta' kuntratt ta' użu - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat is-sellief jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

10) fir-rigward ta' kuntratt ta' depożitu - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat id-depożitarju jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

11) fir-rigward ta' kuntratt ta' ħażna - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat sid il-maħżen jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

12) fir-rigward ta' kuntratt ta' ġarr - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat it-trasportatur jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

13) fir-rigward ta' kuntratt ta' assigurazzjoni - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat l-assiguratur jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

14) fir-rigward ta' kuntratt ta' drittijiet tal-awtur - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat l-awtur jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

15) fir-rigward ta' kuntratt ta' donazzjoni - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat id-donatur jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta;

16) fir-rigward ta' operazzjonijiet tal-borża - il-liġi tas-sede tal-borża;

17) fir-rigward ta' kuntratt ta' garanziji bankarji indipendenti - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat il-garanti jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt;

18) fir-rigward ta' kuntratt għat-trasferiment tat-teknoloġija (liċenzji eċċ.) - il-liġi tal-post fejn kellu s-sede tiegħu r-riċevitur tat-teknoloġija fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt;

19) fir-rigward ta' pretensjonijiet fuq proprjetà (mhux in rem) li jkunu ġejjin minn kuntratt tax-xogħol - il-liġi tal-istat fejn ikun ġie eżegwit jew irid jiġi eżegwit il-kuntratt tax-xogħol;

20) fir-rigward ta' kuntratti oħrajn - il-liġi tal-post fejn kien domiċiljat l-offerent jew fejn kellu s-sede tiegħu fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-offerta.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Fir-rigward ta' obbligi mhux kuntrattwali, l-Att dwar il-Kunflitt ta' Liġijiet fih dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli, bħalma fihom it-trattati internazzjonali (Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1971 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku).

L-Att dwar il-Kunflitt ta' Liġijiet fih dispożizzjonijiet dwar l-arrikkiment indebitu, in-negotiorum gestio, l-obbligi mhux kuntrattwali li ma jirriżultawx minn responsabbiltà għal delitt, u r-responsabbiltà għal delitt.

Il-liġi li tirregola r-responsabbiltà għal delitt hija l-liġi tal-post fejn ikun seħħ l-att jew il-liġi tal-post fejn ikunu ġraw il-konsegwenzi, skont liem minnhom ikun l-iktar favorevoli għall-parti li tkun batiet il-ħsara. Fil-każ li r-responsabbiltà għad-danni tkun irriżultat minn ġrajja fuq vapur fl-ibħra internazzjonali jew fuq ajruplan, il-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità tal-vapur jew il-liġi tal-istat fejn ġie rreġistrat l-ajruplan titqies bħala l-liġi tal-post fejn ikunu seħħew l-atti li ħolqu r-responsabbiltà għad-danni.

Il-liġi li tirregola l-arrikkiment indebitu hija l-liġi applikabbli għar-relazzjoni legali li nħolqot, li kienet mistennija tinħoloq jew li kellha tinħoloq, li minħabba fiha kien hemm l-arrikkiment. Il-liġi li tirregola n-negotiorum gestio hija l-liġi tal-post fejn ikun sar l-att tan-negotiorum gestor. Il-liġi li tirregola l-obbligi li jiġu mill-użu ta’ proprjetà mingħajr negotiorum gestio kif ukoll obbligu mhux kuntrattwali oħrajn li ma jirriżultawx mir-responsabbiltà għal delitt hija l-liġi tal-post fejn ikunu ġraw il-fatti li ħolqu l-obbligu.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Il-liġi li tirregola l-kapaċità ġuridika u l-kapaċità li wieħed jaġixxi bħala persuna fiżika hija l-liġi tal-istat li l-persuna tkun ċittadin tiegħu.

Il-persuna fiżika illi ma kien ikollha l-ebda kapaċità li taġixxi skont il-liġi tal-istat li dik il-persuna hija ċittadin tiegħu, ikollha l-kapaċità li taġixxi jekk il-persuna jkollha l-kapaċità skont il-liġi tal-post fejn ikun inħoloq l-obbligu.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

Il-liġi li tirregola l-filjazzjoni hija l-liġi tal-istat li l-ġenituri u t-tfal ikunu ċittadini tiegħu.

Jekk il-ġenituri u t-tfal ikunu ċittadini ta' stati differenti, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-istat fejn ikunu domiċiljati kollha kemm huma.

Jekk il-ġenituri u t-tfal ikunu ċittadini ta' stati differenti u ma jkunux iddomiċiljati fl-istess stat, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tar-Repubblika tal-Kroazja jekk il-wild jew kwalunkwe wieħed mill-ġenituri jkun ċittadin tar-Repubblika tal-Kroazja.

Il-liġi li tirregola r-rikonoxximent, id-determinazzjoni jew il-kontestazzjoni ta' paternità jew maternità hija l-liġi tal-istat li l-persuna li qed tiġi rikonoxxuta, iddeterminata jew ikkontestata l-paternità jew il-maternità tagħha tkun ċittadin tiegħu fil-mument tat-twelid tal-wild.

3.4.1 L-adozzjoni

Il-liġi li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni u t-terminazzjoni ta' adozzjoni hija l-liġi tal-istat li l-persuni li qed jadottaw jew li qed jiġu adottati jkunu ċittadini tiegħu fil-mument li sseħħ l-adozzjoni.

Jekk il-persuni li qed jadottaw jew li qed jiġu adottati jkunu ċittadini ta' stati differenti, il-liġijiet li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni jew it-terminazzjoni tagħha huma il-liġijiet taż-żewġ stati li kull wieħed ikun ċittadin tiegħu, kumulattivament.

Jekk il-miżżewġin jadottaw flimkien, il-liġijiet li jirregolaw l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni u t-terminazzjoni tagħha huma, minbarra l-liġi tal-istat li l-persuna adottata tkun ċittadin tiegħu, il-liġijiet tal-istat li kull ġenitur huwa ċittadin tiegħu.

Il-liġi li tirregola r-rekwiżiti formali għal adozzjoni hija l-liġi tal-post fejn isseħħ l-adozzjoni.

Il-liġi li tirregola l-effett ta’ adozzjoni hija l-liġi tal-istat li l-persuni li qed jadottaw jew li qed jiġu adottati jkunu ċittadini tiegħu fil-mument li sseħħ l-adozzjoni.

Jekk il-persuni li qed jadottaw jew li qed jiġu adottati jkunu ċittadini ta' stati differenti, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-istat fejn ikunu domiċiljati.

Jekk il-persuni li qed jadottaw jew li qed jiġu adottati jkunu ċittadini ta' stati differenti u ma jkunux iddomiċiljati fl-istess stat, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tar-Repubblika tal-Kroazja jekk wieħed minnhom ikun ċittadin tar-Repubblika tal-Kroazja.

Jekk la l-persuna li qed tadotta u lanqas il-persuna li qed tiġi adottata ma tkun ċittadin tar-Repubblika tal-Kroazja, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-istat li l-persuna adottata tkun ċittadin tiegħu.

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

3.5.1 Żwieġ

Il-liġi li tirregola l-kundizzjonijiet għaż-żwieġ hija, għal kull persuna, il-liġi tal-istat li l-persuna tkun ċittadin tiegħu fid-data taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ.

Anke meta l-kundizzjonijiet għaż-żwieġ ikunu ssodisfati skont il-liġi tal-istat li l-persuna li tixtieq tiżżewweġ quddiem l-entità kompetenti tar-Repubblika tal-Kroazja tkun ċittadin tiegħu, iż-żwieġ ma jkunx permess jekk, skont il-liġi tar-Repubblika tal-Kroazja, ikun hemm impediment fir-rigward ta' dik il-persuna li hu relatat mal-eżistenza ta' żwieġ preċedenti, parentela jew inkapaċità mentali.

Il-liġi li tirregola r-rekwiżit formali għal żwieġ hija l-liġi tal-post fejn jiġi ċċelebrat iż-żwieġ.

Il-liġi li tirregola l-invalidità ta' żwieġ (noneżistenza u nullità) hija kull liġi li ż-żwieġ ikun ġie ċċelebrat skontha.

Il-liġi li tirregola d-divorzju hija l-liġi tal-Istat li ż-żewġ partijiet ikunu ċittadini tiegħu fil-mument li jinfetħu l-proċedimenti. Il-liġi li tirregola hija l-liġi tal-istati li kull parti tkun ċittadin tiegħu, kumulattivament.

3.5.2 Koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet

Il-liġi li tirregola r-relazzjonijiet proprjetarji tal-persuni li jikkoabitaw mingħajr ma jkunu f'ebda forma ta' żwieġ hija l-liġi tal-istat li jkunu ċittadini tiegħu.

Jekk il-persuni ma jkollhomx l-istess ċittadinanza, tapplika l-liġi tal-istat fejn ikollhom id-domiċilju komuni tagħhom.

3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja

Il-liġi li tirregola d-divorzju hija l-liġi tal-Istat li ż-żewġ partijiet ikunu ċittadini tiegħu fil-mument li jinfetħu l-proċedimenti. Il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-istati li kull parti tkun ċittadin tiegħu, kumulattivament.

3.5.4 L-obbligi ta' manteniment

Il-liġi li tirregola d-dmir tal-manteniment bejn qraba bi twelid ħlief ġenituri u wlied, jew id-dmir tal-manteniment ta' persuni oħra relatati b’affinità, hija l-liġi tal-istat li l-qarib li qed jintalab il-manteniment ikun ċittadin tiegħu.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Il-liġi li tirregola r-relazzjonijiet personali u r-reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju hija l-liġi tal-istat li jkunu ċittadini tiegħu.

Jekk il-miżżewġin ikunu ċittadini ta' stati differenti, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-istat fejn ikunu domiċiljati. Jekk il-miżżewġin la jkollhom ċittadinanza komuni u lanqas domiċilju fl-istess stat, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-istat tal-aħħar domiċilju komuni tagħhom.

Jekk il-liġi applikabbli ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata skont li ssemma fuq, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tar-Repubblika tal-Kroazja. Il-liġi li tirregola kuntratt ta' proprjetà matrimonjali hija l-liġi li tkun irregolat ir-relazzjonijiet personali u r-reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju fil-mument taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ.

Jekk il-liġi li tkun ġiet iddeterminata b'dan il-mod tistipula li l-miżżewġin jistgħu jagħżlu l-liġi li tirregola l-kuntratt tal-proprjetà matrimonjali, il-liġi applikabbli tkun il-liġi li jagħżlu.

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Il-liġi li tirregola s-suċċessjoni hija l-liġi tal-istat li d-deċedut ikun ċittadin tiegħu fil-mument ta' mewtu.

Il-liġi li tirregola l-kapaċità ta' eżekuzzjoni ta' testment hija l-liġi tal-istat taċ-ċittadinanza tat-testatur fil-mument li tfassal it-testment.

Testment ikun formalment validu skont il-liġi jekk ikun validu skont:

1) il-liġi tal-post fejn ikun tfassal it-testment;

2) il-liġi tal-istat li t-testatur ikun ċittadin tiegħu, jew dakinhar tal-eżekuzzjoni tat-testment jew dakinhar ta' mewtu;

3) il-liġi tad-domiċilju tat-testatur, jew dakinhar tal-eżekuzzjoni tat-testment jew dakinhar ta' mewtu;

4) il-liġi tar-residenza tat-testatur, jew dakinhar tal-eżekuzzjoni tat-testment jew dakinhar ta' mewtu;

5) il-liġi tar-Repubblika tal-Kroazja;

6) fir-rigward ta’ beni immobbli - il-liġi wkoll tal-post fejn jinsabu l-beni immobbli.

3.8 Proprjetà reali

Il-liġi li tirregola l-kuntratti li jikkonċernaw il-beni immobbli hija esklussivament il-liġi tal-istat fejn jinsabu l-beni immobbli.

3.9 Insolvenza

L-Artikolu 303 tal-Att dwar il-Falliment jistipula l-prinċipju bażiku li l-liġi tal-istat fejn jinfetħu l-proċedimenti tirregola l-effetti legali tal-ftuħ ta' proċedimenti ta' falliment.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/11/2018