1 – Kif tikseb parir legali

Huwa importanti ħafna li tieħu parir legali jekk b’xi mod jew ieħor tkun involut fi proċess kriminali. L-iskedi informattivi jgħidulek meta u f’liema ċirkostanzi inti intitolat li tkun irrappreżentat minn avukat. Jgħidulek ukoll x’jagħmel għalik tali avukat Din l-iskeda informattiva ġenerali tgħidlek kif issib avukat u kif jitħallsu l-ispejjeż tal-avukat jekk inti ma tkunx tiflaħ tħallas għas-servizzi tal-avukat.

Kif issib avukat

Inti għandek id-dritt li tkun irrappreżentat minn avukat tal-għażla tiegħek. L-avukat għandu jkun intitolat li jidher quddiem il-qrati Daniżi. Tista’ ssib lista tal-avukati Daniżi kollha Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk. Fuq dan is-sit elettroniku tista’ tara wkoll jekk avukat jispeċjalizzax fil-liġi kriminali, fil-liġi fiskali jew kwalunkwe fergħa oħra tal-liġi li tkun rilevanti għall-każ tiegħek.

Għal kull qorti fid-Danimarka, il-Ministeru tal-Ġustizzja Daniż ħatar grupp ta’ avukati lokali b’esperjenza speċjali f’każijiet kriminali. Dawn l-avukati huma avukati indipendenti li jmexxu l-uffiċċji legali privati tagħhom stess. Il-qorti tista’ tagħtik lista ta’ dawn l-avukati. Jekk ma titlobx avukat speċifiku, wieħed mill-avukati fuq din il-lista jintgħażel għall-każ tiegħek jekk inti tkun obbligat li tqabbad rappreżentant legali, pereżempju f’każ li l-pulizija jarrestawk.

Il-ħlas tal-avukat

Jekk il-qorti qabbdet avukat għalik, il-kont tiegħu jew tagħha normalment jitħallas mill-fondi pubbliċi. B’rabta mad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tistabbilixxi wkoll il-ħlas tal-avukat. Il-ħlas ikun iddeterminat fuq il-bażi ta’ rati użati mill-qrati fil-każijiet kriminali kollha li fihom ikun inħatar rappreżentant legali, irrispettivament minn jekk ikunx avukat li għażilt inti jew le.

Il-qorti tiddeċiedi wkoll min finalment ser iħallas il-kont tal-avukat. Jekk tinstab ħati, normalment inti jkollok tħallas l-ammont tal-ħlas lill-awtoritajiet pubbliċi (l-Istat tad-Danimarka). L-Istat ifittex li jirkupra kemm jista’ jkun mill-ammont li inti tkun tiflaħ tħallas.

Jekk tiġi lliberat, jew jekk is-sentenza tal-qorti tkun sostanzjalment aktar klementi minn dik mistennija mill-prosekutur, il-qorti normalment tordna lill-awtoritajiet iħallsu l-kont u l-ispejjeż tal-avukat. Il-qorti tista’ tagħżel ukoll li tħalli lill-awtoritajiet iħallsu parti mill-kont u l-ispejjeż tal-avukat. Dan jista’ jkun il-każ jekk is-smigħ tal-qorti ikun sar għalxejn minħabba ċirkostanzi li inti ma jkollokx kontroll fuqhom.

Inti tista’ tappella d-deċiżjoni dwar l-ammont tal-ħlas tal-avukat u r-responsabbiltà aħħarija għall-ħlas tiegħu quddiem il-qorti suprema fi żmien ġimagħtejn mid-deċiżjoni.

Mhuwiex possibbli li tapplika għal għajnuna legali bla ħlas fil-proċeduri kriminali, u għajnuna legali bħal din normalment ma tkunx koperta mill-poloz tal-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaParti 66 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Daniża tal-Ġustizzja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLista ta’ avukati fid-Danimarka

L-aħħar aġġornament: 13/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

2 – Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni ta’ delitt u qabel il-każ jitressaq quddiem il-qorti

X’inhuma l-istadji ta’ investigazzjoni kriminali?

Il-kwistjonijiet kriminali jiġu investigati mill-pulizija. Il-pulizija normalment jinvestigaw każ minħabba li jkunu ġew innotifikati li persuna kienet vittma ta’ vjolenza jew serq, jew minħabba li l-pulizija, jew possibbilment ċittadin, ikunu qabdu persuna waqt li kienet qiegħda twettaq xi delitt.

L-akkuża preliminari

Għall-ewwel, il-pulizija tipprova tistabbilixxi jekk sarx reat jew le, u jekk hemmx persuna waħda ssuspettata jew aktar identifikabbli li jistgħu jiġu akkużati bid-delitt. F’dak il-każ, il-pulizija tkun trid tinterroga lis-suspettat.

L-arrest

Il-pulizija jistgħu jarrestaw persuna ssuspettata.

Is-smigħ statutorju preliminari u ż-żamma taħt arrest preventiv (inkluż il-mandat ta’ arrest Ewropew)

Jekk il-pulizija tkun tixtieq iżżomm persuna ssuspettata sabiex ma jiġux ippreġudikati l-investigazzjonijiet tal-pulizija jew kwalunkwe raġuni oħra, il-persuna ssuspettata għandha titressaq quddiem il-qorti fi żmien 24 siegħa mill-arrest tiegħu jew tagħha sabiex il-każ ikun jista’ jiġi ppreżentat quddiem l-imħallef.

Miżuri invażivi

Minbarra l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata u tax-xhieda potenzjali, il-pulizija tista’ tikseb tagħrif matul l-investigazzjoni permezz ta’ miżuri invażivi bħal tiftix, sorveljanza tat-telekomunikazzjonijiet, interċettar tat-telefonati, eċċ. Il-parti l-kbira tal-miżuri invażivi għandhom ikunu approvati mill-qorti qabel ma jintużaw.

Id-deċiżjoni dwar jekk jinġibux akkużi kontra persuna ssuspettata jew le

L-iskop tal-investigazzjoni tal-pulizija huwa li tipprovdi tagħrif li jgħin lill-prosekutur jiddeċiedi jekk iressaqx akkużi kontra persuna ssuspettata jew le. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed provi li juru li persuna ssuspettata tkun wettqet reat, il-prosekuzzjoni twaqqa’ l-każ.

Fil-livell lokali, il-pulizija u l-uffiċċju tal-prosekutur jaqgħu taħt l-istess ġestjoni, u għalhekk l-uffiċċju tal-prosekutur spiss ikun involut fi stadju bikri tal-każ, inkluż fl-ippjanar tal-investigazzjoni.

It-tħejjija għall-proċess mid-difiża

Għal aktar tagħrif dwar id-dritt li tkun informat dwar l-investigazzjoni u kif tinfluwenzaha, ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk.

Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni

Ikklikkja fuq il-links li ġejjin għal aktar tagħrif dwar id-drittijiet tiegħek f’kull stadju tal-każ.

L-akkuża preliminari, inkluża l-interrogazzjoni (1)

Għalfejn qed inkun akkużat?

Inti akkużat għaliex il-pulizija għandhom suspetti kbar li inti wettaqt xi delitt u għalhekk, minn issa ’l quddiem l-investigazzjoni tal-pulizija sejra tiffoka fuqek u mhux fuq xi persuna oħra.

Xi jfisser li nkun akkużat?

Dan ifisser li sejrin jgħidulek x’tip ta’ delitt inti maħsub li wettaqt. Il-pulizija għandhom jgħidulek liema dispożizzjoni tal-liġi jaħsbu li inti ksirt. Għandek id-dritt li ssegwi l-investigazzjoni tal-każ tiegħek permezz ta’ avukat, u f’każ ta’ reati serji għandek id-dritt għal avukat li jkun imqabbad mill-qorti.

Għalfejn il-pulizija jridu jinterrogawni?

Il-pulizija jridu jinterrogawk sabiex jiskopru jekk is-suspett tagħhom li inti wettaqt xi reat huwiex fondat jew le. Il-pulizija jużaw l-istqarrija tiegħek fl-investigazzjonijiet ulterjuri tagħhom. Aktar tard, il-prosekutur juża l-istqarrija tiegħek sabiex jiddeċiedi jekk il-każ għandux jiġi pproċessat bħala każ ta’ ammissjoni ta’ ħtija.

Fejn u meta jistgħu jinterrogawni l-pulizija?

M’hemmx regoli speċjali dwar fejn u meta tiġi interrogat mill-pulizija. L-interrogazzjoni għandha ssir b’mod li d-drittijiet tiegħek ma jinkisrux bla bżonn. Il-pulizija ġeneralment ma jitħallewx jikkuntattjawk fuq il-post tax-xogħol. Il-pulizija normalment jistaqsuk mistoqsijiet dwar il-post tad-delitt. F’bosta każijiet, il-pulizija jitolbuk tmur l-għassa tal-pulizija għal intervista f’aktar dettall.

U jekk ma nafx nitkellem bil-lingwa tal-pajjiż?

Jekk ma tafx titkellem bil-lingwa lokali, għandek id-dritt għal interpretu li jista’ jinterpreta minn u fil-lingwa tiegħek. Il-pulizija għandhom jipprovdu l-interpretu, u m’għandek għalfejn tgħid xejn sakemm jasal l-interpretu.

Għandi nagħmel stqarrija lill-pulizija?

Għandek tagħti ismek, l-indirizz u d-data tat-twelid lill-pulizija. M’għandekx għalfejn tgħid affarijiet oħra. M’intix obbligat tgħid il-verità. Il-pulizija għandhom jinfurmawk dwar dawn id-drittijiet qabel jibdew l-intervista. Skont x’ikun il-każ tiegħek u s-serjetà tal-akkużi għandek tiddeċiedi jekk ikunx aħjar għall-każ tiegħek li tagħmel stqarrija lill-pulizija. Jekk ma tafx għandekx twieġeb il-mistoqsijiet, staqsi lill-avukat tiegħek.

Inkun nista’ nkellem avukat?

Għandek id-dritt li tkellem avukat tal-għażla tiegħek qabel ma tiddeċiedi jekk taċċettax li tiġi interrogat mill-pulizija. Jekk m’għandekx avukat, il-pulizija jsibulek wieħed huma.

L-avukat tiegħek għandu dritt ikun preżenti waqt l-intervista iżda ma jistax jagħtik parir dwar kif twieġeb mistoqsijiet speċifiċi.

Nista’ nivverifika jekk il-pulizija jkunux fehmu l-istqarrija tiegħi tajjeb?

Il-pulizija għandhom jiktbu l-istqarrija tiegħek. Tista’ taqra r-rapport jew titlob li jaqrawulek u mbagħad tikkumenta dwaru. Inti tiddeċiedi jekk tiffirmax ir-rapport jew le. Bosta avukati jtuk il-parir li ma tiffirmahx jekk ma tkunx tifhem il-lingwa.

 

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa li tagħmel ħsara lill-każ tiegħi?

Jekk tkun għidt xi ħaġa li tista’ tagħmel ħsara lill-każ tiegħek, il-pulizija jistgħu jużaw dik l-informazzjoni fl-investigazzjonijiet tagħhom. Bħala regola ġenerali, ir-rapport tal-pulizija mhuwiex prova u ma jistax jintuża waħdu kontrik fil-proċess quddiem qorti kriminali. Il-prosekutur jista’ jistaqsi mistoqsijiet dwar xi dettalji li jkun hemm fir-rapport. Jekk tibdel l-istqarrija tiegħek tista’ tnaqqas il-kredibbiltà tiegħek.

L-arrest (2)

Għalfejn qed niġi arrestat?

Tista’ tiġi arrestat meta l-pulizija jkollhom raġunijiet sabiex jissuspettaw li inti wettaqt xi reat kriminali, jekk l-arrest ikun meħtieġ sabiex ma jħallikx twettaq reati oħrajn, biex il-preżenza tiegħek tkun assigurata jew biex ikunu ċerti li ma titkellem ma’ ħadd iktar. Tista’ tkun arrestat ukoll fuq il-bażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ minn Stat Membru ieħor tal-UE.

Il-pulizija jistgħu jarrestawni f’kull tip ta’ każ?

Inti ma tiġix arrestat jekk l-arrest ikun sproporzjonat mal-gravità tar-reat li inti akkużat bih. Pereżempju, huwa improbabbli ħafna li tiġi arrestat jekk inti ssuspettat li wettaqt reat li l-penali massima għalih hija multa żgħira.

Fejn isir l-arrest?

L-arrest normalment isir fl-għassa tal-pulizija lokali. Normalment tinżamm ġo ċella sakemm il-pulizija jkunu jistgħu jinterrogawk (ara L-akkuża preliminari, inkluża l-interrogazzjoni (1)).

Nista’ nara tabib jekk ikolli bżonn?

Jekk tkun ma tiflaħx, midrub jew taħt l-effett qawwi ta’ alkoħol jew drogi, għandek id-dritt li tara tabib. Għandek tgħid lill-pulizija li għandek bżonn tabib, kif ukoll jekk għandek bżonn xi mediċina speċjali.

Nista’ nikkuntattja avukat?

Jekk ġejt arrestat, għandek id-dritt li tikkuntattja avukat tal-għażla tiegħek qabel ma tiddeċiedi li toqgħod għal intervista mal-pulizija. F’ċerti każijiet, il-pulizija jistgħu jirrifjutaw li jkollok avukat speċifiku. Tista’ tilmenta dwar dan quddiem il-qorti.

Kemm il-pulizija kif ukoll l-avukat tiegħek għandhom jispjegawlek li jista’ jkollok avukat imqabbad mill-qorti u min ser ikollu jħallas għalih jew għaliha.

Nista’ nikkuntattja lill-ambaxxata tiegħi jekk jiena ġej minn pajjiż ieħor?

Jekk inti ċittadin barrani, għandek id-dritt li tikkuntattja lill-ambaxxata tal-pajjiż tiegħek. Il-pulizija jistgħu jgħinuk tikkuntattja lill-ambaxxata.

Nista’ nikkuntattja lill-familja tiegħi?

Għandek id-dritt li tgħarraf lill-familja tiegħek jew lil min jimpjegak li ġejt arrestat. Il-pulizija jistgħu jirrifjutaw it-talba tiegħek li tikkuntattjahom jekk jemmnu li kuntatt bħal dan jista’ jkun ta’ tfixkil għall-każ. Il-pulizija jistgħu jiddeċiedu li jinfurmaw lill-familja tiegħek f’ismek.

 

Għal kemm żmien nista’ ninżamm taħt arrest?

Inti għandek tiġi lliberat hekk kif ir-raġunijiet għall-arrest tiegħek ma jibqgħux japplikaw. Jekk ma tkunx ġejt illiberat fi żmien 24 siegħa, inti għandek titressaq quddiem il-qorti (smigħ statutorju preliminari) sabiex l-imħallef ikun jista’ jiddeċiedi jekk għandekx tiġi rrilaxxat, jekk l-arrest tiegħek għandux jiġi estiż (li huwa possibbli sa 3 x 24 siegħa), jew jekk għandekx tinżamm taħt kustodja (Is-smigħ statutorju preliminari u l-kustodja (3)).

Arrest meta jista’ jiġi estiż għal aktar minn 24 siegħa?

Jekk l-imħallef li jisma’ l-każ fis-smigħ statutorju preliminari jsib li l-provi miġjuba mhumiex biżżejjed sabiex jiddeċiedi jekk għandekx tinżamm taħt kustodja, l-arrest tiegħek jista’ jiġi estiż għal 3 x 24 siegħa minn x’ħin jintemm l-ewwel smigħ.

Is-smigħ statutorju preliminari u l-kustodja (3)

Għalfejn qed ninżamm taħt kustodja?

Qed tinżamm taħt kustodja għaliex il-pulizija jaħsbu li jeħtieġ li jżommuk għal ftit żmien jew sakemm tkun għadha għaddejja l-investigazzjoni. Tista’ tinżamm taħt kustodja wkoll sabiex ikun żgurat li inti tkun disponibbli għall-estradizzjoni lejn Stat Membru ieħor skont Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Min jiddeċiedi jekk għandix ninżamm taħt arrest preventiv jew le?

L-imħallef jiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet biex inti tinżamm taħt kustodja humiex sodisfatti. Qabel l-imħallef jiddeċiedi jekk għandekx tinżamm taħt kustodja kif mitlub mill-pulizija, isir smigħ (smigħ statutorju preliminari). Waqt dak is-smigħ, il-prosekutur jippreżenta l-fehma tal-pulizija dwar il-każ, u inti jkollok ukoll il-possibbiltà li tippreżenta l-opinjoni tiegħek. L-imħallef jiddeċiedi jekk iżommokx taħt arrest preventiv, iżda mhux jekk intix ħati tal-akkuża.

Nista’ ninżamm taħt arrest preventiv f’kull tip ta’ każ?

Tista’ tinżamm taħt arrest preventiv fuq dawn il-kundizzjonijiet:

  • Il-pulizija għandhom ikunu jistgħu jispjegaw għalfejn jissusspettaw li inti wettaqt reat li għalih inti tista’ tkun ikkundannat għal 18-il xahar ħabs jew aktar.
  • Is-sentenza li tista’ tingħatalek għandha tkun ta’ aktar minn 30 jum ta’ priġunerija.
  • Il-pulizija għandhom ikunu kapaċi jikkonvinċu lill-imħallef li huwa importanti li inti ma tiġix illiberat sakemm l-investigazzjoni tal-pulizija tkun għadha għaddejja, għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet:
  • Il-pulizija jemmnu li inti ser tipprova taħrab mill-piena.
  • Jeżistu raġunijiet biex jemmnu li inti ser tkompli twettaq l-istess tip ta’ delitt.
  • Jeżistu raġunijiet biex jemmnu li inti ser tfixkel l-investigazzjonijiet jekk tiġi meħlus.
  • Id-delitt huwa tant serju li jkun ta’ offiża għal ħaddieħor jekk jiġi permess li tinħeles waqt li tkun qed tistenna l-proċess quddiem qorti kriminali.

F’każijiet rari inti tista’ tevita l-kustodja anki jekk il-kundizzjonijiet sabiex tinżamm taħt kustodja jiġu sodisfatti, jiġifieri jekk il-priġunerija tkun ta’ piż estrem għaċ-ċirkostanzi personali tiegħek. Huwa importanti li tinforma lill-avukat tiegħek dwar dawn iċ-ċirkostanzi.

Fejn isir is-smigħ statutorju preliminari?

Is-smigħ statutorju preliminari jsir fil-qorti lokali. Normalment tinżamm ġo ċella sakemm tidħol fl-awla tal-qorti.

Għandi nixhed waqt is-smigħ statutorju preliminari?

M’għandekx għalfejn tagħmel stqarrija jew tgħid il-verità. Jiddependi min-natura tal-każ tiegħek u l-gravità tal-akkużi jekk ikunx aħjar għalik li tagħmel stqarrija quddiem il-qorti. Għandek tikkonsulta mal-avukat tiegħek sabiex tiddetermina jekk ikunx aħjar għalik li tixhed jew le.

Inkun nista’ nkellem avukat?

Il-qorti taħtar avukat biex jirrappreżentak fil-qorti. Jekk ma tistaqsix għal xi avukat partikolari, il-qorti taħtar avukat li jkun xogħol f’dak il-jum partikolari. Għal aktar tagħrif, ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIskeda informattiva 1.

Għandek id-dritt li tiddiskuti l-każ mal-avukat tiegħek qabel is-smigħ. Jekk inti u l-avukat tiegħek ma titkellmux bl-istess lingwa, inti intitolat għall-għajnuna ta’ interpretu. L-avukat tiegħek iħares l-interessi tiegħek waqt is-smigħ u jista’ wkoll jistaqsik xi mistoqsijiet.

Nista’ nivverifika jekk il-qorti fehmitx tajjeb ix-xhieda tiegħi?

L-imħallef idaħħal l-elementi essenzjali tax-xhieda tiegħek fir-reġistri tal-qorti. L-istqarrija tiegħek tinqara b’vuċi għolja sabiex ikun żgurat li tkun inftiehmet tajjeb.

 

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa li tagħmel ħsara lill-każ tiegħi?

Ix-xhieda tiegħek fil-qorti tista’ tintuża bħala prova fil-każ.

Għal kemm żmien nista’ ninżamm taħt arrest preventiv?

L-imħallef jiddeċiedi waqt is-smigħ jekk għandekx tiġi lliberat jew tinżamm taħt arrest preventiv. F’ċerti każijiet, l-imħallef jiddeċiedi li l-perjodu ta’ detenzjoni tiegħek għandu jkun estiż bi 3 x 24 siegħa oħra (ara L-arrest (2)).

 

Jekk tiġi arrestat, l-imħallef jiffissa limitu massimu ta’ żmien ta’ erba’ ġimgħat. Dan ifisser li jew għandek tiġi lliberat qabel id-data ta’ skadenza ta’ dak il-perjodu, jew il-każ tiegħek għandu jitressaq mill-ġdid quddiem imħallef sabiex ikun żgurat li l-kundizzjonijiet għall-priġunerija kontinwa ikunu sodisfatti. M’hemmx limitu massimu għaż-żmien li matulu tista’ tinżamm taħt kustodja. Dan jiddependi min-natura tal-każ.

Inti għandek tiġi lliberat hekk kif ir-raġuni għall-arrest tiegħek ma tibqax tapplika.

X’inhu l-iżolament?

Xi drabi l-pulizija jitolbu li tinżamm f’iżolament sabiex ma jkollokx kuntatt ma’ priġunieri oħrajn. Tista’ biss tikteb jew iċċempel lil xi ħadd ieħor li jkun taħt is-sorveljanza tal-pulizija. Huwa l-imħallef li jiddeċiedi jekk għandekx tinżamm f’iżolament.

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni dwar il-kustodja u l-iżolament?

Tista’ tappella kontra deċiżjoni dwar il-kustodja jew l-iżolament quddiem il-qorti suprema. Il-mod normali biex tagħmel dan huwa li tgħid li tixtieq tappella waqt is-smigħ fejn ser jinstema’ l-każ tiegħek.

Nista’ nevita l-kustodja jekk nikkonsenja l-passaport tiegħi jew inħallas il-garanzija personali?

Il-kodiċi kriminali jagħmilha possibbli għalik li tevita li tinżamm arrestat jekk tikkonsenja l-passaport tiegħek jew tħallas il-garanzija personali. Madankollu, dan rari jseħħ fil-prattika.

Miżuri invażivi (4)

Waqt l-investigazzjoni tagħhom, il-pulizija jistgħu jiksbu tagħrif billi jużaw diversi miżuri invażivi, li xi uħud minnhom huma deskritti hawn taħt.

Il-pulizija jistgħu jieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħi u ritratt tiegħi?

Il-pulizija jistgħu jieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħek u ritratt tiegħek taħt dawn il-kundizzjonijiet:

  • Inti tkun issuspettat li wettaqt reat u l-miżura tkun neċessarja għall-investigazzjoni tal-pulizija.
  • Il-pulizija għandhom raġunijiet tajba biex jissuspettaw li inti wettaqt reat li għalih tista’ tingħata sentenza ta’ ħabs għal 18-il xahar jew aktar.

il-pulizija jistgħu jieħdu kampjuni tad-DNA jew tad-demm tiegħi?

Il-pulizija jistgħu jieħdu kampjun tad-DNA jew kampjun tad-demm tiegħek taħt dawn il-kundizzjonijiet:

  • Hemm motivi raġonevoli biex jissuspettaw li wettaqt reat li għalih tista’ tingħata sentenza ta’ priġunerija għal 18-il xahar jew aktar, u l-miżura hija kkunsidrata importanti ħafna għall-investigazzjoni.
  • Jista’ jittieħed kampjun tad-demm jekk il-konsum tal-alkoħol jew tad-drogi jkun jikkostitwixxi element tad-delitt li inti tkun issuspettat dwaru.

Il-pulizija jistgħu jagħmlu tfittxija fuqi u fuq ħwejġi?

Il-pulizija jistgħu jfittxu fil-ħwejjeġ ta’ fuq tiegħek taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għat-teħid tar-ritratti.

Il-pulizija jistgħu jeżaminaw iċ-ċellulari tiegħi u jfittxuli fil-karozza?

Il-pulizija jistgħu jeżaminaw iċ-ċellulari tiegħek sabiex isibu n-numru tat-telefown tiegħek u n-numru tal-IMEI tat-telefon tiegħek u jistgħu wkoll jagħmlu tiftix fil-karozza tiegħek taħt dawn il-kundizzjonijiet:

  • Il-pulizija għandhom raġunijiet tajba biex jissuspettaw li inti wettaqt reat li inti tista’ tiġi akkużat bih.
  • It-tiftix huwa meqjus importanti ħafna għall-investigazzjoni.

 

Il-pulizija jistgħu jagħmlu tfittxija f’dari?

Il-pulizija jistgħu jagħmlu tfittxija f’darek taħt dawn il-kundizzjonijiet:

  • Il-pulizija għandhom raġunijiet tajba biex jissuspettaw li inti wettaqt reat li inti tista’ tiġi akkużat bih.
  • It-tfittxija titqies importanti ħafna għall-investigazzjoni.
  • Ir-reat jista’ jwassal għall-priġunerija.
  • Il-pulizija tista’ tiġġustifika li aktarx issib provi relatati mad-delitt jew oġġetti li l-pulizija għandhom jissekwestraw għal raġunijiet oħrajn.

Min jiddeċiedi li għandha tintuża miżura invażiva?

Il-qorti tiddeċiedi jekk tistax issir tfittxija fid-darek. Jekk hemm xi raġuni għal tħassib li xi evidenza tista’ tisparixxi jekk ma ssirx tfittxija minnufih, il-pulizija tista’ tagħmel it-tfittxija mingħajr ma tkun kisbet mandat ta’ tfittxija. It-tfittxija għandha titressaq quddiem il-qorti fi żmien 24 siegħa minn meta ssir. Jekk tagħti l-kunsens tiegħek bil-miktub għal tfittxija f’darek, il-pulizija jistgħu jieħdu d-deċiżjoni li jagħmlu t-tfittxija f’darek.

Il-pulizija jiddeċiedu jekk jieħdux il-marki tas-swaba’ tiegħek, il-kampjuni tad-DNA u tad-demm tiegħek u ritratt tiegħek. Il-pulizija għandhom ukoll id-dritt li jeżaminaw iċ-ċellulari tiegħek, ifittxulek fil-karozza, eċċ.

Nista’ nilmenta?

Jekk tixtieq tilmenta dwar l-investigazzjoni mwettqa mill-pulizija tista’ tippreżenta dan l-ilment quddiem il-qorti.

Id-deċiżjonijiet tal-qorti rigward it-tiftix u l-ippjanar tal-investigazzjoni jistgħu jiġu appellati fil-qorti suprema fi żmien ġimagħtejn mid-deċiżjoni tal-qorti.

Nista’ nitlob lill-pulizija jeqirdu l-marki tas-swaba’, ir-ritratti, it-traċċi ta’ DNA u r-riżultati tal-kampjuni tad-demm?

Jekk il-prosekuzzjoni twaqqa’ l-każ, jew jekk inti tiġi lliberat, il-pulizija għandhom jeqirdu r-ritratt li jkunu ħadulek. Il-pulizija jistgħu jżommu l-marki tas-swaba’ u l-kampjuni tad-DNA tiegħek iżda dawn ikollhom jeqirduhom wara ċertu perjodu ta’ żmien.

Nista’ nitlob kumpens?

Jekk inti ġejt miżmum, arrestat jew espost għal xi miżura invażiva, u sussegwentement jirriżulta li dik iż-żamma, dik il-priġunerija jew dik il-miżura invażiva ma kinitx iġġustifikata, ġeneralment inti tkun intitolat għal kumpens. Id-Direttur tal-Prosekuzzjoni Pubblika joħroġ avviż annwali dwar ir-rati li għandhom jintużaw meta jkun qed jiġi stabbilit l-ammont ta’ dan il-kumpens.

Id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jitressqu akkużi kontrik (5) jew le

Ladarba l-pulizija jkunu temmew l-investigazzjoni tagħhom, il-każ tiegħek jintbagħat lill-uffiċċju tal-prosekutur, li jiddeċiedi kif għandu jkompli l-każ.

Nista’ nwieġeb ħati għall-akkużi kollha jew għal xi uħud minnhom qabel il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk inti ammettejt waqt l-investigazzjoni tal-pulizija li inti ħati tal-aktar akkużi serji li jkunu saru kontrik, il-prosekuzzjoni normalment tara li l-każ jiġi ttrattat bħala ammissjoni ta’ ħtija.

 

X’inhu l-att tal-akkuża?

L-att tal-akkuża jifforma l-bażi tas-smigħ tal-każ fil-qorti. L-att tal-akkuża għandu jispeċifika d-dispożizzjonijiet statutorji li inti akkużat li ksirt u għandu jinkludi deskrizzjoni ta’ kif inti wettaqt ir-reat(i). Id-deskrizzjoni għandha tkun eżatta b’mod li inti tista’ tħejji d-difiża tiegħek fuq il-bażi tagħha.

 

Nista’ nkun akkużat b’reati oħrajn minbarra dawk li bihom ikunu akkużawni l-pulizija?

L-uffiċċju tal-prosekutur iħejji l-att tal-akkuża. Jekk l-uffiċċju tal-prosekutur ikollu opinjoni dwar il-każ li tkun differenti minn dik tal-pulizija, l-att tal-akkuża jista’ jinkludi kapi ta’ akkuża ġodda jew differenti.

Il-kapi ta’ akkuża ġodda jistgħu jiżdiedu mal-att tal-akkuża?

Il-prosekuzzjoni għandha tipprova tiġbor l-akkużi pendenti kollha kontrik biex ikun jista’ jingħata verdett kollettiv. Għaldaqstant l-att tal-akkuża jista’ jinkludi kapi ġodda jekk inti tkun ġejt akkużat b’reat f’diversi okkażjonijiet.

Regoli speċjali japplikaw jekk inti tkun ġejt estradit lejn id-Danimarka taħt Mandat ta’ Arrest Ewropew jew taħt xi ftehim ta’ estradizzjoni. Jekk inti tiġi akkużat b’kapi ġodda, inti għandek tikkonsulta mal-avukat tiegħek dwarhom.

L-att tal-akkuża jista’ jinbidel?

L-att tal-akkuża jista’ jinbidel jew jiżdied jekk titħejja jew tiġi nnotifikata akkuża ġdida, li tista’ ssir sad-data li fiha jkunu se jibdew il-proċeduri fil-qorti.

Jekk il-prosekutur fil-każ jemmen li s-sentenza tal-qorti għandha tkun iktar ħarxa minn dik iddikjarata fl-att tal-akkuża, bidla bħal din hija possibbli biss jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jaqbel li jibdel l-att tal-akkuża. Jekk dan jinbidel, inti għandek tiġi mgħarraf fi żmien xahrejn.

Meta jibdew il-proċeduri fil-qorti, jistgħu jsiru bidliet limitati ħafna fl-att tal-akkuża. Il-qorti tiddeċiedi jekk għandhiex issir xi bidla jew le.

Nista’ nkun akkużat b’xi reat li diġà ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor?

Mhuwiex eskluż li inti tista’ tiġi akkużat b’reat li inti diġà tkun ġejt akkużat bih f’pajjiż ieħor. Madankollu, ma tistax tinstab ħati ta’ akkuża jekk tkun diġà ngħatajt sentenza għaliha jew jekk tkun ġejt illiberat minnha f’pajjiż ieħor.

Nista’ nirċievi informazzjoni dwar ix-xhieda kontrija?

Il-prosekutur għandu jippreżenta l-att tal-akkuża quddiem il-qorti flimkien ma’ lista ta’ evidenza li telenka l-ismijiet tax-xhieda. L-avukat tiegħek jirċievi kopja ta’ din il-lista. Normalment inti jkollok id-dritt li tkun taf l-identità tax-xhieda.

It-tħejjija tad-difiża (6)

Fuq liema bażi l-avukat tiegħi u jiena nistgħu nħejju d-difiża tiegħi?

L-avukat tiegħek normalment jirċievi kopji tar-rapporti kollha mħejjija mill-pulizija waqt l-investigazzjoni. Inti għandek dritt ġenerali li tara l-materjal. L-avukat tiegħek jista’ jagħtik kopja tal-materjal biss jekk il-pulizija tagħtih permess li jagħmel dan.

 

Jiena intitolat nara l-materjal kollu ppreżentat mill-pulizija?

Il-pulizija jistgħu jordnaw lill-avukat tiegħek sabiex ma jagħtikx ċerta informazzjoni dwar il-materjal tal-każ jekk dan jitqies meħtieġ biex jitħarsu l-interessi ta’ qawwiet barranin jew biex tiġi pprovduta l-evidenza. Ordni bħal din tista’ tinħareġ biss f’każijiet serji, u tapplika biss sakemm inti tkun tajt ix-xhieda tiegħek fil-qorti.

Min jiddeċiedi jekk nistax nara l-materjal kollu?

Il-pulizija għandhom jissottomettu l-materjal u jiddeċiedu jekk għandhiex tinħareġ inġunzjoni għal każ kollu jew għal parti minnu. Id-deċiżjoni tal-pulizija tista’ tiġi appellata fil-qorti, li mbagħad tiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

Nista’ nkun preżenti waqt is-seduti kollha tal-każ?

Ġeneralment, inti għandek id-dritt li tkun preżenti f’dawk is-seduti kollha fil-qorti fejn il-qorti tiddeċiedi jekk għandekx tinżamm taħt arrest preventiv, jew fejn il-kompliċi jew ix-xhieda jiġu eżaminati qabel il-proċess quddiem qorti kriminali.

Jekk il-pulizija tagħmel talba, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tħallikx tattendi għas-seduti kollha. F’dak il-każ, inti għandek id-dritt tkun taf x’ġara waqt is-smigħ. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li inti ma tingħatax din l-informazzjoni. Għandek id-dritt li tkun taf x’ġara waqt seduta li inti ma stajtx tattendi għaliha. L-aktar tard li dan jista’ jsir huwa wara li inti tkun tajt ix-xhieda tiegħek quddiem il-qorti.

L-avukat tiegħi jista’ jipparteċipa fis-seduti kollha tal-każ?

L-avukat tiegħek huwa intitolat li jipparteċipa fis-seduti kollha tal-każ. Dan japplika wkoll għas-seduti fejn il-qorti tiddeċiedi jekk tippermettix l-interċettar tat-telefon, it-tiftix jew miżuri invażivi oħrajn li jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel tal-qorti.

L-avukat tiegħi jista’ jipparteċipa fl-investigazzjoni tal-pulizija?

L-avukat tiegħek għandu jkun informat dwar l-investigazzjoni u huwa intitolat li jipparteċipa f’dik il-parti tal-investigazzjoni li tista’ sservi bħala evidenza fil-każ kontrik. Tali eżempji huma l-iskjeramenti ta’ identifikazzjoni, ir-rikostruzzjonijiet, eċċ.

L-avukat tiegħi jista’ jwettaq investigazzjoni huwa stess?

L-avukat tiegħek normalment jistaqsi lill-pulizija jagħmlu investigazzjonijiet ulterjuri jekk temmen li naqsu li jiksbu informazzjoni li tista’ tkun ta’ għajnuna fil-każ tiegħek. Jekk il-pulizija jirrifjutaw li jagħmlu dawn l-investigazzjonijiet ulterjuri, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-qorti, li tista’ tordna lill-pulizija twettaq l-investigazzjonijiet rilevanti.

L-avukat tiegħek jista’ jagħżel ukoll li jwettaq investigazzjonijiet huwa stess. Madankollu, dan rari jseħħ fil-prattika. Jekk l-avukat tiegħek iwettaq investigazzjoni huwa stess tal-każ, huwa ma jistax ifixkel l-investigazzjoni tal-pulizija, u l-investigazzjoni personali tal-avukat tiegħek għandha tikkonforma mal-kodiċi ta’ kondotta etika li tapplika għall-avukati.

L-avukat tiegħi jista’ jsejjaħ xhieda biex jixhdu fil-qorti?

L-avukat tiegħek jista’ jistaqsi li jissejħu ċerti xhieda sabiex jixhdu fil-qorti. Jekk il-prosekuzzjoni toġġezzjona għas-smigħ ta’ dawk ix-xhieda, il-qorti għandha tiddeċiedi jekk is-smigħ tax-xhieda inkwistjoni hijiex rilevanti.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja Daniża

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Att Daniż dwar l-istabbiliment ta’ reġistru ċentrali tad-DNA

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaId-Direttur tal-Prosekuzzjoni Pubblika

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Att Daniż dwar l-Estradizzjoni

L-aħħar aġġornament: 13/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

3 – Id-drittijiet tiegħi fil-qorti

Fejn isir il-proċess?

Il-proċess isir fil-qorti lokali tal-belt u jkun miftuħ għall-pubbliku. Jekk inti ammettejt li wettaqt ir-reat jew reati li int akkużat bihom, il-prosekuzzjoni titlob proċeduri dwar ammissjoni ta’ ħtija. F’dak il-każ, il-bord tal-qorti jkun jikkonsisti biss minn imħallef professjonali wieħed. L-istess japplika jekk l-unika penali mitluba tkun multa.

Jekk int ma ammettejtx il-ħtija tiegħek, il-każ jinstema’ wkoll minn imħallfin lajċi, u l-bord tal-qorti mbagħad ikun jikkonsisti f’imħallef wieħed professjonali u żewġ imħallfin lajċi.

Jekk il-prosekutur jordna priġunerija għal erba’ snin jew aktar, il-każ għandu jinstema’ minn ġurija. Il-bord tal-qorti mbagħad ikun magħmul minn tliet imħallfin professjonali u sitt ġurati. L-eċċezzjonijiet huma l-każijiet dwar kriminalità relatata man-narkotiċi u l-kriminalità ekonomika, li jinstemgħu minn imħallfin professjonali u minn imħallfin lajċi irrispettivament mis-sentenza mitluba.

L-akkużi jistgħu jinbidlu waqt il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk il-każ li għandu jinstema’ jkun każ b’dikjarazzjoni ta’ ħtija, jista’ jkun hemm qbil sabiex l-akkużi jiġu adattati skont id-delitt li qed tammetti li int ħati għalih.

Malli jkun inbeda l-proċess quddiem qorti kriminali kontrik, l-elementi minuri biss jistgħu jinbdilu fl-akkuża. L-akkużi ma jistgħux jiġu estiżi mingħajr il-kunsens tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt il-proċess quddiem qorti kriminali?

Inti għandek tkun preżenti matul il-proċess kollu. Il-qorti tista’ tħallik titlaq minn seduta wara li tkun tajt ix-xhieda tiegħek.

Jekk tkun ġejt innotifikat dwar seduta, iżda ma tidhirx il-qorti mingħajr ma tagħti skuża leġittima, il-qorti tista’ tiddeċiedi li x-xhieda għandhom jiġu eżaminati fin-nuqqas tiegħek. Il-qorti tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha fin-nuqqas tiegħek jekk il-prosekuzzjoni tkun talbet priġunerija sa sitt xhur u inti tkun tajt il-kunsens tiegħek għall-konklużjoni tal-proċess quddiem qorti kriminali. Jekk inti tirċievi sentenza mhux kundizzjonali ta’ mhux aktar minn tliet xhur priġunerija, il-każ jista’ jiġi konkluż anke mingħajr il-kunsens tiegħek.

Mill-1 ta’ Novembru 2009 kien possibbli li wieħed jattendi proċeduri legali permezz ta’ konnessjoni bil-vidjow jekk il-piena massima mitluba tkun multa jew priġunerija għal mhux aktar minn sena. Madankollu, mhux il-qrati kollha installaw l-apparat meħtieġ biex ikollok dik l-għażla.

Jekk inti ma titkellimx u ma tifhimx il-lingwa tal-qorti tal-pajjiż, inti għandek id-dritt għall-għajnuna ta’ interpretu matul il-proċess kollu. L-interpretu jgħinek ukoll jekk ikollok bżonn tkellem lill-avukat tiegħek matul seduta.

Jekk inti għad m’għandekx avukat, il-qorti taħtar wieħed għalik jekk inti tiddikjara li m’intix ħati tal-akkużi miġjuba kontrik, u jekk il-piena mitluba tkun aktar minn multa. Jekk inti tiddikjara li int ħati f’każ fejn il-prosekuzzjoni titlob sentenza ta’ priġunerija, il-qorti taħtar avukat għalik jekk inti titlob li jkollok wieħed. Jekk inti ma taqbilx mal-avukat tiegħek jew għal xi raġuni oħra tixtieq li jkollok avukat ġdid, normalment jaqtgħulek xewqtek.

Inti m’għandekx għalfejn tirrispondi l-mistoqsijiet waqt il-proċess quddiem qorti kriminali jew tgħid il-verità. Inti ma tistax tiġi kkastigat talli tagħti xhieda falza waqt il-proċess quddiem qorti kriminali. L-avukat tiegħek jista’ jagħtik parir dwar jekk hux iktar favorevoli għall-interessi tiegħek li tagħmel stqarrija fil-każ tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi rigward il-provi miġjuba kontrija?

L-użu ta’ provi bil-miktub matul proċess quddiem qorti kriminali huwa rregolat fid-dettall mil-liġi. Apparti hekk, ma hemm kważi l-ebda regoli, u inti liberu li tipproduċi kwalunkwe tip ta’ evidenza. Int u l-avukat tiegħek tistgħu tikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ xhieda jew evidenza, b’mod partikolari jekk dawn ikunu irrilevanti għall-każ tiegħek jew jekk l-evidenza tkun inkisbet illegalment. Il-qorti tiddeċiedi jekk tilqax din ix-xhieda jew provi ikkontestati minnek. F’ħafna każijiet, l-evidenza miksuba illegalment tkun iddikjarata inammissibbli fil-qorti. Il-qorti tikkunsidra l-piż tal-evidenza inkwistjoni wara li tkun semgħet l-evidenza l-oħra.

Inti tista’ titlob li ċerti xhieda jiġu msejħa biex jixhdu f’seduta jew sabiex jippreżentaw ċerta evidenza biex issostni l-każ tiegħek. Din tista’ pereżempju tkun lista tal-passiġġieri li turi li inti ma kontx fuq il-post tad-delitt meta dan ikun twettaq. Jekk il-prosekuzzjoni ma taqbilx mar-rilevanza ta’ ċerti provi, il-qorti tiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

Il-parti li tkun sejħet xhud għandha teżamina lix-xhud l-ewwel. Wara, il-parti l-oħra jkollha l-opportunità li tagħmel kontroeżami tax-xhud. Meta tagħti l-verdett tagħha, il-qorti tevalwa ċ-ċertezza u l-affidabilità tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda mogħtija matul il-proċess quddiem qorti kriminali.

Il-kondotta tiegħi tista’ tiġi kkunsidrata?

L-informazzjoni dwar il-kundanni preċedenti tiegħek tiġi kkunsidrata jekk mid-deskrizzjoni tar-reat jirriżulta li huwa reat ripetut. F’każijiet rari, l-informazzjoni dwar il-mod ta’ tħaddim użat f’każ preċedenti tista’ tiġi invokata sabiex tissostanzja ħtija jew innoċenza fil-kawża pendenti. Normalment dan jaffettwa t-tul tas-sentenza tiegħek jekk qabel kont ġejt ikkundannat għal reat simili, jew jekk tkun wettaqt ir-reat matul il-perjodu ta’ probation wara sentenza sospiża jew matul liberazzjoni fuq parole.

Normalment, ma ssir l-ebda inkjesta dwar kwalunkwe kundanna preċedenti li jista’ jkollok fi Stat Membru ieħor.

X’jiġri fl-aħħar tal-proċess quddiem qorti kriminali?

Il-kawża tintemm bid-deċiżjoni tal-qorti. Ir-riżultat jista’ jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

  • Liberazzjoni
  • Multa
  • Sentenza sospiża, li tista’ tkun ukoll ordni għal trattament jew ordni għal servizz fil-komunità
  • Sentenza ta’ priġunerija mhux kundizzjonata

Fil-każ ta’ sentenza sospiża, il-qorti normalment tistabbilixxi piena ta’ priġunerija li inti ma tkunx mitlub li tiskonta jekk ma tikkommettix reat ieħor matul il-perjodu ta’ probation, li normalment ikun ta’ sena jew sentejn. Bħala kundizzjonijiet għall-probation, il-qorti tista’ teżiġi li int tibqa’ taħt is-superviżjoni tal-uffiċjal tal-probation, tiġi ttrattat għal abbuż tal-alkoħol jew tipi oħra ta’ abbużi, tirċievi trattament psikjatriku u/jew twettaq ċertu għadd ta’ sigħat ta' servizz fil-komunità mhux imħallas kif stabbilit mill-qorti.

Hemm sanzjonijiet speċjali għal awturi ta’ ksur li jkunu minorenni (awturi ta’ ksur taħt l-età ta’ 18-il sena).

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess quddiem qorti kriminali?

Il-vittma hija meqjusa bħala xhud bħax-xhieda l-oħra kollha. Madankollu, f’ċerti każijiet il-vittma għandha d-dritt għal avukat li huwa maħtur separatament mill-qorti u/jew id-dritt li tikseb id-danni waqt il-proċess, sakemm it-talba għad-danni tkun sempliċi u ddokumentata tajjeb u sakemm tali għoti ta’ danni ma jikkawżax xi inkonvenjent materjali.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAtt dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja Daniża

L-aħħar aġġornament: 13/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

4 – Id-drittijiet tiegħi wara li l-qorti tkun tat id-deċiżjoni tagħha

Nista’ nappella?

Il-qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha f’seduta. Inti tista’ tappella kontra d-deċiżjoni, il-verdett jew is-sentenza quddiem il-qorti tal-appell. Inti tista’ titlob liberazzjoni jew tnaqqis tas-sentenza tiegħek. Jekk temmen li saru żbalji serji matul il-proċess fil-każ tiegħek quddiem il-qorti distrettwali, tista’ titlob li l-każ jerġa’ jintbagħat lura lejn il-qorti distrettwali għal ritrattazzjoni quddiem imħallfin ġodda.

Inti tista’ tappella oralment kontra l-kundanna, il-verdett jew is-sentenza fis-seduta li fiha tingħata d-deċiżjoni. Tista’ tappella wkoll bil-miktub quddiem il-qorti distrettwali jew l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni. L-appell tiegħek għandu jiġi ppreżentat fi żmien ġimagħtejn.Jekk ikollok avukat, dan normalment jieħu ħsieb d-dettalji prattiċi marbutin mal-appell tiegħek. Jekk il-piena tiegħek hija multa ta’ DKK 3,000 jew inqas, inti għandek bżonn permess mill-Bord Daniż tal-Permessi għal Appell biex tappella d-deċiżjoni. L-applikazzjoni tiegħek lill-Bord tal-Permessi għal Appell għandha tiġi sottomessa fi żmien ġimagħtejn wara d-deċiżjoni.

X’jiġri jekk nappella?

Jekk inti tappella kontra d-deċiżjoni tal-qorti, il-każ jinstema’ mill-qorti tal-appell. Din is-seduta, hija miftuħa wkoll għall-pubbliku. M’hemm l-ebda limitu ta’ żmien dwar meta l-każ għandu jinstema’ mill-qorti tal-appell.

Jekk inti qed tinżamm taħt arrest, il-qorti tal-appell għandha tisma’ l-każ tiegħek qabel kwalunkwe każ ieħor. Il-qorti tal-appell għandha tiddeċiedi wkoll jekk għandekx tibqa’ fil-kustodja sal-proċeduri tal-appell kif ukoll matulhom.

Jekk inti tappella għal liberazzjoni, il-każ tiegħek ser jidher mill-ġdid quddiem il-qorti tal-appell. F’dak il-każ, inti intitolat li tressaq provi ġodda. Għandek tiddiskuti mal-avukat tiegħek malajr kemm jista’ jkun dwar liema provi ġodda għandhom jitressqu f’każ ta’ appell.Hekk kif il-prosekuzzjoni tiżvela liema provi se tuża fil-proċeduri tal-qorti tal-appell, l-avukat tiegħek normalment ikollu 14-il jum biex jiżvela l-provi tiegħek. Għandek tkun tista’ tikseb eżenzjoni mil-limitu ta’ żmien ta’ 14-il jum.

Jekk tappella biss għal tnaqqis tas-sentenza tiegħek, il-qorti tal-appell tikkunsidra biss il-piena. F’każijiet bħal dawn il-partijiet ma jipproduċu l-ebda evidenza quddiem il-qorti tal-appell, iżda l-avukat tiegħek jista’ jitlob lill-qorti biex tikseb informazzjoni addizzjonali dwar iċ-ċirkustanzi personali tiegħek li hija rilevanti għad-determinazzjoni tas-sentenza jew tal-kwistjoni tal-estradizzjoni.

X’jiġri fis-seduta tal-appell?

Jekk appellajt għal liberazzjoni, il-każ tiegħek jidher mill-ġdid quddiem il-qorti tal-appell. Fil-prattika, Il-qorti tal-appell ta’ spiss tibda billi jinqraw l-istqarrijiet tiegħek u tax-xhieda fil-proċeduri tal-qorti distrettwali. Madankollu, jekk inti u l-avukat tiegħek ma taqblux ma’ din il-proċedura, l-istqarrijiet għandhom jingħataw mill-ġdid.

Jekk inti appellajt għal tnaqqis tas-sentenza tiegħek, il-qorti tal-appell għandha tikkunsidra l-evidenza ppreżentata fil-qorti distrettwali u tiddeċiedi s-sentenza fuq dik il-bażi.

Il-qorti tal-appell għandha tħabbar id-deċiżjoni tagħha waqt is-seduta. Il-qorti tal-appell tista’ tiddeċiedi li tikkonferma s-sentenza tal-qorti distrettwali, li żżid jew tnaqqas is-sentenza, jew li tilliberak. Jekk inti tiġi lliberat jew jekk is-sentenza tiġi mnaqqsa, l-ispejjeż tal-appell jitħallsu minn fondi pubbliċi. L-istess japplika f’każ li l-prosekuzzjoni appellat kontra s-sentenza u l-qorti tal-appel taffermaha biss. Fiċ-ċirkostanzi l-oħra kollha, x’aktarx li int tiġi ordnat tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ appell.

X’jiġri jekk nirbaħ/nitlef l-appell?

Is-sentenza tal-qorti tal-appell tegħleb dik tal-qorti distrettwali u ġeneralment tkun finali u konklussiva. Il-każ jista’ f’ċirkustanzi straordinarji jitressaq quddiem il-Qorti Suprema bil-permess tal-Bord tal-Permessi għal Appell. Tali permess normalment jingħata biss jekk il-każ ikun kwistjoni ta’ prinċipju u għalhekk ikun jikkostitwixxi każ ta’ prova, jew għal raġunijiet oħra speċjali.Il-Bord jagħti l-permess biss għal ftit każijiet kriminali li jitressqu quddiem il-Qorti Suprema. L-avukat tiegħek jista’ jagħtik parir dwar il-possibiltajiet tiegħek li tikseb tali permess.

Jekk inti tiġi lliberat u jekk ikunu ntużaw miżuri intrużivi bħall-arrest, id-detenzjoni jew it-tfittxija fl-investigazzjoni, int tista’ titlob għad-danni. It-talba tiegħek għandha ssir bil-miktub lill-prosekutur pubbliku reġjonali sa mhux aktar tard minn xahrejn wara d-deċiżjoni tal-qorti. L-avukat tiegħek normalment jieħu ħsieb id-dettalji prattiċi marbutin mal-preżentazzjoni tat-talba. Tinsiex tinforma lill-avukat tiegħek fejn jista’ jikkuntattjak f’pajjiżek.

Jiena minn Stat Membru ieħor. Nista’ nintbagħat lura hemmhekk wara l-proċess quddiem qorti kriminali?

Normalment, tista’ tintbagħat lejn Stat Membru ieħor biex tiskonta s-sentenza tiegħek. Ġeneralment, dan jiġri biss jekk inti titlob li tintbagħat lura lejn il-pajjiż tiegħek stess biex tiskonta s-sentenza tiegħek. Inti għandek tibgħat l-applikazzjoni tiegħek biex tiskonta s-sentenza tiegħek f’pajjiżek lill-Ministeru Daniż tal-Ġustizzja.

Jekk niġi kkundannat, nista’ nerġa’ niġi akkużat għall-istess delitt?

Fid-Danimarka, inti ma tistax tiġi kkundannat darbtejn għall-istess delitt. L-istess prinċipju japplika fil-pajjiżi Ewropej l-oħra. Billi d-dispożizzjonijiet penali jistgħu jkunu differenti minn pajjiż għal ieħor, inti għandek tistaqsi dwar dan fil-pajjiż li jista’ jiftaħ ukoll prosekuzzjoni kontra d-delitt.

Informazzjoni dwar l-akkużi/il-kundanna

Malli l-każ jiġi deċiż, id-deċiżjoni għandha tiġi rrappurtata lir-Reġistru Ċentrali tal-Kriminalità. Id-deċiżjonijiet dwar il-ksur tal-Kodiċi Kriminali Daniża jiddaħħlu fil-parti tar-reġistru li tirrigwarda d-deċiżjoni. Id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw ksur ta’ leġiżlazzjoni oħra jiġu rreġistrati jekk inti tingħata sentenza ta’ priġunerija jew sentenza ta’ skwalifika (sentenza li ċċaħħdek minn dritt). Id-deċiżjoni tiġi rreġistrata billi jiġu speċifikati l-isem tal-qorti li tkun ħarġet is-sentenza, id-data tas-sentenza, id-dispożizzjonijiet statutorji li ġew miksura, u s-sentenza.

Hemm restrizzjonijiet dwar liema deċiżjonijiet għandhom jiġu inklużi fil-kondotta li tista’ tinħareġ għall-użu personali tiegħek. Id-dejta tiġi rreġistrata elettronikament, u t-tħassir tad-dejta jiddependi fuq kemm tkun serja s-sanzjoni. Inti tista’ tagħmel ilment dwar żbalji ta’ reġistrazzjoni jew ta’ tħassir, iżda mhux dwar ir-reġistrazzjoni attwali tad-deċiżjoni. Ilmenti dwar ir-reġistrazzjoni għandhom jiġu sottomessi lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Nazzjonali tal-Pulizija Daniża, li hija l-awtorità tad-dejta relatata mal-kondotti.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja Daniża

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaOrdni eżekuttiva dwar l-ipproċessar tad-dejta personali fir-Reġistru Ċentrali tal-Kriminalità

L-aħħar aġġornament: 13/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

5 – Reati minuri

Kif inhuma ttrattati r-reati minuri tat-traffiku fit-triq?

Jekk inti tiġi mwaqqaf mill-pulizija tat-traffiku, li jinfurzaw il-liġijiet tat-traffiku fit-triq, tista’ tammetti jew tiċħad il-ħtija tiegħek. Il-pulizija għandha takkużak b’reat li temmen li int wettaqt. Inti għandek id-drittijiet ta’ imputat u m’għandekx għalfejn tagħmel dikjarazzjoni lill-pulizija.

Il-penali għal reat tat-traffiku fit-triq hija normalment multa. Ir-reati tat-traffiku fit-triq huma ttrattati bl-istess mod bħal reati oħra li l-penali mitluba għalihom hija multa. Il-pulizija tibgħatlek kont għall-multa. Jekk inti tħallas il-kont, dan ifisser li inti tammetti l-akkużi. Jekk inti ma tħallasx il-kont, il-każ jitressaq quddiem il-qorti. Inti tiġi mħarrek sabiex tidher f’seduta fejn jistgħu jiġu ppreżentati provi tar-reat.

Id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi ħareġ Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidakatalogu tal-penalitajiet għar-reati tat-traffiku fejn inti tista’ tivverifika li l-multa tiegħek taqbel mal-multi li normalment jingħataw għat-tip ta’ reat tat-traffiku li tkun wettaqt.

L-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAtt dwar it-Traffiku fit-Triq jippermetti lill-pulizija biex tieħu pussess tal-vettura tiegħek jekk inti tkun residenti barra mid-Danimarka u l-karozza tiegħek tkun irreġistrata f'pajjiż differenti mid-Danimarka. Il-vettura tista’ tiġi ssekwestrata sakemm titħallas il-multa jew sakemm tiġi pprovduta garanzija għall-ħlas tal-multa. Jekk inti ma taqbilx li inti wettaqt reat tat-traffiku fit-triq, f’ċerti każijiet ikollok tipprovdi garanzija għall-ħlas tal-multa u titlob li l-każ jinstema’ fil-qorti. Il-pulizija ta’ spiss jużaw id-dritt li jissekwestraw il-vetturi.

Hemm regoli speċjali applikabbli għal vetturi u sewwieqa ġejjin minn pajjiżi Skandinavi oħra.

Kif inhuma ttrattati r-reati marbuta mal-parkeġġ?

Ir-restrizzjonijiet fuq il-parkeġġ ġeneralment jiġu infurzati mill-gwardjani tat-traffiku li jaħdmu għal awtorità lokali jew intrapriża privata, u mhux mill-pulizija. Jekk inti tipparkja illegalment, tirċievi multa tal-parkeġġ. Il-multa tal-parkeġġ titqiegħed fuq il-karozza tiegħek.

Jekk tara lill-gwardjan tat-traffiku qabel ma dan jirreġistra r-reat tal-parkeġġ, inti tista’ toġġezzjona direttament mal-gwardjan tat-traffiku. Il-gwardjan tat-traffiku jista’ jiddeċiedi li ma jirreġistrax ir-reat jew li jieħu nota rigward l-oġġezzjoni tiegħek. Jekk inti tirċievi multa tal-parkeġġ, il-multa għandha tkun akkumpanjata minn linji gwida dwar kif inti tista’ tressaq ilment dwar il-multa. M’hemm l-ebda korp ċentrali għall-ilmenti.

Il-multi tal-parkeġġ jinġabru bl-istess mod bħal talbiet ċivili oħra. Dan ifisser li t-talba tintbagħat lill-aġenzija tal-ġbir fil-pajjiż ta’ residenza tiegħek jekk inti ma tħallasx il-multa.

Reat ta’ dan it-tip jista’ jiġi jidher fuq il-kondotta tiegħi?

Il-kondotta tiegħek normalment ma tkunx tinkludi l-multi. Madankollu, il-multi mogħtija għal reati kriminali jiġu inklużi fil-kondotta tiegħek.

Il-multi tal-parkeġġ mhumiex meqjusa bħala sanzjonijiet kriminali u għalhekk ma jkunux inklużi fil-kondotta tiegħek.

L-aħħar aġġornament: 13/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.