Please note that the original language version of this page Dutch has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: French have already been translated.

1 – Konsultazzjoni ma’ avukat

Huwa importanti ħafna li tikseb pariri indipendenti mingħand avukat meta b’xi mod tkun involut fi proċedura kriminali. L-iskedi ta’ informazzjoni jgħidulek meta u f’liema ċirkostanzi għandek id-dritt li tkun irrappreżentat minn avukat. Huma jgħidulek ukoll kif jgħinek l-avukat. Din l-iskeda ta’ informazzjoni ġenerali tgħidlek kif issib avukat u kif jitħallsu l-kontijiet tal-avukat jekk inti m’intix f’kundizzjoni li tħallashom.

Kif issib avukat?

Kull avukat Belġjan jiddependi mill-Avukatura tad-distrett ġudizzjarju fejn jinsab l-uffiċċju tiegħu. Fi Brussell, din hija magħmula minn żewġ ordnijiet, waħda li tiġbor fiha lill-avukati li jitkellmu bil-Franċiż, u l-oħra li tiġbor fiha l-avukati li jitkellmu bl-Olandiż.

Il-Kulleġġ tal-Avukati Frankofoni u Ġermanofoni (Ordre des Barreaux francophones et germanophone - O.B.F.G) jinkludi lill-avukati tar-reġjun tal-Vallonja u lill-avukati Franċiżi ta’ Brussell (ordre français bruxellois).

L-ordni Olandiża tal-kapitali u l-avukati Fjammingi huma miġbura fl-“Orde van de Vlaamse Balies” (O.V.B.)

Il-lista tal-avukati tinsab fuq id-direttorju jew fil-Yellow Pages, jew fuq l-Internet (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://avocats.be jew Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.advocaat.be/). Tista’ tfittex avukat li normalment jiddefendi persuni mħarrka quddiem il-qrati kriminali billi tfittex taħt “termini preferenzjali” (‘voorkeurmaterië” bl-Olandiż), titlu “liġi kriminali” (“strafrecht” bl-Olandiż).

Tista’ wkoll issib avukat qrib tiegħek, billi tagħmel tfittxija skont il-belt jew id-distrett ġudizzjarju.

Is-segretarjat ta’ kull avukatura jista’ wkoll jagħtik il-lista tal-avukati tagħha.

Tista’ wkoll tikkuntattja direttament avukat li ġie rrakkomandat lilek, permezz tal-posta elettronika, ta' ittra jew bit-telefown.

Kif tħallas lill-avukat?

Normalment inti trid tħallas lill-avukat. Jista’ jitolbok depożitu qabel kwalunkwe intervent. Il-liġi ma tistabbilixxix l-ammont tad-drittijiet tal-avukat. Madankollu, l-avukat għandu jinfurmak dwar kif ser jitħallas: jew ħlas bis-siegħa skont il-ħin li tieħu d-difiża tiegħek jew somma fissa skont l-azzjoni meħtieġa (konsultazzjoni, qari tal-każ, difiża, …).

Ma’ dawn jiżdiedu l-ispejjeż imġarrba mill-uffiċċju tiegħu u  l-ispejjeż tal-ġudikatura.

Jekk m’għandekx ir-riżorsi meħtieġa biex tħallas lill-avukat tiegħek, tista’ titlob għajnuna legali bla ħlas lill-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali li minnu jiddependi l-avukat tiegħek. Il-lista tal-uffiċċju ta’ kull distrett hija disponibbli fuq l-Internet:

Jekk inti tirċievi għajnuna soċjali mħallsa mis-C.P.A.S (Ċentru Pubbliku tal-Għajnuna Soċjali), dħul garantit lill-anzjani, benefiċċji ta’ sostituzzjoni ta’ dħul għall-persuni b’diżabilità, għandek xi tfal dipendenti  minnek li jirċievu benefiċċji tal-familja, inti inkwilin ta’ dar soċjali, għadek taħt l-età, għandek xi dejn (aġġudikazzjoni kollettiva), int ħabsi, akkużat imħarrek b’multa jew għandek xi mard mentali, inti tingħata għajnuna legali ta’ avukat bla ħlas.

Dan japplika wkoll jekk inti tgħix waħdek u għandek dħul fix-xahar ta’ inqas minn €860, jew jekk inti tgħix ma’ xi ħadd ieħor u t-total tad-dħul tal-adulti li jgħixu miegħek huwa ta’ inqas minn €1.104 (flimkien ma’ €145,16  għal kull persuna dipendenti).

L-aħħar aġġornament: 28/06/2012

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Please note that the original language version of this page Dutch has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: French have already been translated.

2 – Id-drittijiet tiegħi waqt l-inkjesta u l-investigazzjoni u qabel il-każ jitressaq quddiem il-qorti

Għalfejn isiru l-inkjesta u l-investigazzjoni kriminali?

Dawn iservu sabiex jinġabru l-provi li jistabbilixxu r-reat, u sabiex ikunu vverifikati l-elementi li jistgħu jeżoneraw lill-persuna ssuspettata jew li permezz tagħhom jintwera li ma seħħx reat.

X’inhuma l-istadji tal-inkjesta u tal-investigazzjoni? Min iwettaq kull stadju?

Il-pulizija tinvestiga r-reati, min iwettaqhom u tiġbor il-provi.

Meta hija tissuspetta l-eżistenza ta’ xi reat, hija tavża lill-Prosekutur tal-Kuruna, li jiddeċiedi:

  • jew li ma jieħu l-ebda azzjoni;
  • jew li jkompli l-inkjesta huwa stess (informazzjoni);
  • jew li jitlob lil xi maġistrat inkwerenti jagħmel inkjesta dwar xi fatt speċifiku, u mhux dwar xi persuna partikolari (investigazzjoni).

Il-Prosekutur tal-Kuruna għandu inqas setgħat mill-maġistrat inkwerenti. Il-maġistrat inkwerenti jew il-Prosektur tal-Kuruna jmexxi l-inkjesta u jagħti struzzjonijiet lill-pulizija li jwettqu d-dmirijiet investigattivi bil-mod stipulat (intervisti, perkwiżizzjonijiet, ġbir ta’ kampjuni tad-DNA,…).

Meta tintemm l-inkjesta

Jekk il-każ qiegħed għall-informazzjoni, il- Prosekutur tal-Kuruna jista’:

  • ma jieħux azzjoni;
  • jipproponi patteġġament: iwaqqaf l-azzjoni pubblika (ebda prosekuzzjoni) u titħallas somma flus (il-proċedura klassika f’każ ta’ reati tat-traffiku);
  • jipproponi medjazzjoni kriminali, għar-reati minuri: l-ebda prosekuzzjoni, iżda min iwettaq ir-reat ikollu jikkumpensa lill-vittma u, jekk ikun meħtieġ, jingħata kura jew taħriġ;
  • iħarrek direttament lis-suspettat quddiem il-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu;
  • iħarrek l-akkużat biex jidher quddiem qorti permezz ta’ proċess verbali: it-taħrika tingħata lill-akkużat meta jiġi arrestat (għal mhux aktar minn 24 siegħa), jew jippreżenta ruħu quddiem il-Prosekutur tar-Re, sabiex titħaffef il-proċedura.

Jekk il-każ qiegħed għall-investigazzjoni, il-każ jiġi kkomunikat lill-prosektur li jagħmel is-sottomissjonijiet finali. Wara, l-akkużat jista’ jaqra l-fajl tiegħu. Dan jissejjaħ quddiem il-Kamra tal-Kunsill li, wara li tkun semgħet ir-rapport tal-inkjesta tal-maġistrat inkwerenti, il-parti(jiet) ċivili eventwali (vittmi), l-akkuża tal-Prosekutur u d-dikjarazzjoni tad-difiża, jista’:

  • jew jibgħat il-każ għand il-maġistrat inkwerenti għal aktar investigazzjoni;
  • jew, jekk l-inkjesta tkun lesta:
  • jiddifferixxi s-sentenza jekk smigħ pubbliku jista' jikkawża ħsara lill-akkużat;
  • jippronunzja t-tqegħid f’istituzzjoni ta’ difiża soċjali, jekk il-persuna tkun wettqet reat fi stat gravi ta’ żbilanċ mentali li ma ħallewhiex tikkontrolla l-azzjonijiet tagħha fil-mument tal-fatti u għadha f’dan l-istat;
  • jirreferi l-kawża għal sentenza quddiem il-qorti kompetenti (tribunal tal-pulizija jew kriminali); jekk iqis li l-fatti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti Kriminali (Cour d’Assises), il-Kamra tagħti ordni li d-dokumenti jintbagħtu lill-Prosekutur Ġenerali, peress li x-Chambre des mises en accusation biss tista’ tirreferi l-każ quddim il-Qorti Kriminali (Cour d’Assises).

Id-dritt għall-appell tal-akkużat, ristrett għal ċerti kwistjonijiet ta’ proċedura, jista’ jiġi eżerċitat quddiem x-Chambre des mises en accusation.

Waqt l-inkjesta, l-imħallef inkwerenti jista’ joħroġ mandat ta’ arrest f'ċerti kundizzjonijiet:

  • l-eżistenza ta’ ħjiel serju ta’ ħtija;
  • fatti li huma jġorru piena ta' mill-inqas sena priġunerija;
  • u ħtieġa assoluta ta’ sigurtà pubblika.

Jekk il-massimu tal-piena applikabbli ma jaqbiżx il-ħmistax-il sena priġunerija, il-mandat jista’ jinħareġ biss jekk jeżistu raġunijiet serji li wieħed jinkwieta dwar riskju ta’ ħarba, reċidività, evażjoni mill-ġustizzja, għajbien ta’ provi jew kompliċità ma’ terzi persuni.

L-akkużat jidher quddiem il-Kamra tal-Kunsill fi żmien ħamest ijiem minn meta jinħareġ il-mandat, imbagħad kull xahar, sakemm tingħalaq l-investigazzjoni (kull tliet xhur jekk ir-reat ikun wieħed inqas gravi).

Id-drittijiet tiegħi waqt l-inkjesta u l-investigazzjoni

L-arrest u l-interrogazzjoni mill-pulizija (1)

F’liema każijiet u għal kemm żmien nista’ niġi mċaħħad mil-libertà mill-pulizija?

Inti tista’ tiġi mċaħħad mil-libertà f’każ ta’ delitt jew reat ovvju, jew fuq talba tal-Prosekutur tal-Kuruna jew tal-imħallef inkwerenti meta jkun hemm ħjiel serju ta’ ħtija. L-arrest mill-pulizija ma jistax idum iktar minn 24 siegħa.

Nista’ niġi mfittex?

Iva, waqt l-arrest tiegħek jew jekk ikun hemm suspett li għandek xi arma jew oġġett perikoluż, jew jekk ikun hemm theddida għall-ordni pubbliku.

Il-pulizija tista’ tidħol għandi?

Iva, f’każ ta’ delitt ovvju jew bil-kunsens tiegħek.

Tista’ ssir perkwiżizzjoni fl-uffiċċju jew fil-karozza tiegħi?

Iva, bħal fil-każ tad-dar. Madankollu ċerti postijiet huma invjolabbli u oħrajn huma speċifikament protetti: it-tiftix fihom jitlob proċedura partikolari (uffiċċju ta’ diplomatiku, ta’ membru parlamentari, postijiet ta’ kustodja tas-sigriet professjonali, …).

Il-karozza tiegħek tista’ tiġi perkwiżita jekk ikun hemm suspett li din intużat f’xi reat, li ġarret persuni mfittxija, provi jew evidenza, jew oġġetti ta’ periklu għall-ordni pubbliku.

Nista’ nikkuntattja xi membru tal-familja, ħabib, tabib, jew xi membru tal-ambaxxata tiegħi?

Inti tiġi eżaminat minn tabib jekk il-pulizija jqisu li hemm il-ħtieġa jew fuq talba. F’dan l-istadju, il-pulizija jiddeċiedu jekk iħallukx iċċempel jew le. Jekk inti taħt l-età, il-pulizija huma obbligati li jinformaw bil-miktub jew verbalment lill-ġenituri, lit-tutur tiegħek jew lil min jieħu ħsiebek mill-aktar fis possibbli.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija?

Inti għandek dritt li ma tgħid xejn sabiex ma tinkriminax lilek innifsek, jiġifieri li ma tikkollaborax fil-ġbir ta’ provi kontrik.

Qabel ma tibda l-interrogazzjoni, għandek tiġi infurmat:

  • li tista’ titlob li l-mistoqsijiet kollha li jkunu sejrin isirulek u t-tweġibiet li tagħti jitniżżlu eżattament kif ikunu ntqalu;
  • li tista’ titlob li jsir ċertu att ta’ informazzjoni jew ta' smigħ;
  • li l-istqarrijiet tiegħek jistgħu jintużaw bħala provi fil-qorti.

Tista’ tuża d-dokumenti fil-pussess tiegħek, mingħajr ma dan iwassal għall-posponiment tal-interrogatorju. Waqt l-interrogatorju jew wara, inti tista’ titlob li dawn id-dokumenti jiġu inklużi mal-proċess verbali tas-smigħ jew ippreżentati fir-Reġistru.

Meta tintemm l-intervista, il-proċess verbali jingħatalek biex taqrah, sakemm ma titlobx li jaqrawhulek. Jistaqsuk ukoll jekk tridx tirranġa jew iżżid xi ħaġa mal-istqarrija tiegħek.

Jekk tixtieq tesprimi ruħek f’lingwa differenti minn dik tal-proċedura, jissejjaħ interpretu marbut b’ġurament, l-istqarrija tiegħek tittieħed fil-lingwa tiegħek, jew tintalab tiktibha inti stess. Jekk l-interrogatorju jsir bl-għajnuna ta’ interpretu, l-identità u l-professjoni tiegħu jiġu msemmija.

Inti tiġi infurmat jekk tistax tingħata kopja tal-istqarrija tiegħek bla ħlas.

Tintalab informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Il-pulizija għandhom aċċess għall-uffiċċjuċentrali tal-kondotti.

Nista’ nkun assistit mill-avukat tiegħi?

L-avukat tiegħek ma jistax ikun preżenti waqt is-smigħ tiegħek u ma jistax jiltaqa’ miegħek sakemm tkun miżmum f’dawk l-24 siegħa.

Il-fajl tal-informazzjoni (2)

L-inkjesta titmexxa mill-Prosekutur tal-Kuruna. L-informazzjoni preliminari tkun inkwiżitorjali: sigrieta, miktuba u mhux kontenzjuża.

X’jista’ jagħmel il-Prosekutur tal-Kuruna waqt il-fażi ta’ informazzjoni?

Ħlief għal xi eċċezzjoni legali, l-atti ta’ informazzjoni ma jistgħux jinkludu atti ta’ ġegħil u lanqas jippreġudikaw id-drittijiet u l-libertajiet individwali. Il-konfiska tal-proprjetà tista’ ssir taħt ċerti kundizzjonijiet.

Il-Prosekutur tal-Kuruna jista’, inter alia:

  • imur fuq il-post fejn seħħ ir-reat,
  • jisma’ jew iqabbad lill-pulizija jisimgħu xi persuni ssuspettati jew xiehda,
  • jarresta lil xi ħadd (għajr f’każ ta’ delitt ovvju) għal 24 siegħa,
  • jitlob analiżi tad-DNA bil-kunsens tas-suspettat,
  • jinterċetta u jieħu l-posta (iżda ma jiftaħhiex),
  • jikseb tagħrif bankarju skont ċerti kundizzjonijiet,
  • jagħmel perkwiżizzjonijiet f’każ ta’ delitt ovvju jew bil-kunsens ta’ sid il-post,
  • jara li jsiru metodi ta’ riċerka partikolari li jistgħu jkunu intrużivi ħafna.

X’nista’ nagħmel jekk att ta’ żvelar ta' informazzjoni jikser id-drittijiet tiegħi?

Tista’ titlob li jitneħħa permezz ta’ talba mmotivata, is-sommarju kriminali, pereżempju jekk il-proprjetà tiegħek tinqabad bħala prova. Il-Prosekutur tal-Kuruna ikollu 15-il ġurnata biex jiddeċiedi. F’każ li ma tingħatax tweġiba, jew li tingħata tweġiba negattiva, inti tista’ tippreżenta rikors quddiem x-Chambre des mises en accusation.

Tista’ wkoll, f’dan il-każ, titlob lill-Prosekutur tal-Kuruna biex jawtorizza lill-Uffiċċju ċentrali għall-Qbid u l-Konfiska jbiegħ il-proprjetà, jew li jirritornaha bl-għoti ta' garanzija.

Jista’ jkolli aċċess għall-fajl?

B’differenza mis-sistema ta’ investigazzjoni, m’hemm l-ebda regola partikolari li torganizza l-komunikazzjoni totali jew parzjali tal-fajl lill-partijiet involuti fl-istadju tal-informazzjoni. Inti tista’ titlob l-aċċess għall-fajl lill-Prosekutur tal-Kuruna li għandu s-setgħa diskrezzjonali li jaċċetta jew jirrifjuta.

Nista’ ninfluwenza l-eżitu tal-fajl?

Le. Il-Prosekutur tal-Kuruna jieħu deċiżjoni waħdu rigward jekk jieħux azzjoni, idaħħalx imħallef inkwerenti, iħarrkekx jew iħarrkekx permezz ta’ proċess verbali quddiem il-qorti, jew jipproponilekx alternattiva sabiex iwaqqaf l-azzjoni pubblika (ftehim jew medjazzjoni: f’dan il-każ ma jkunx hemm proċess jekk tħallas il-multa jew jekk tirrispetta l-kundizzjonijiet imposti waqt il-medjazzjoni).

Każ għall-investigazzjoni (3)

L-investigazzjoni titmexxa taħt id-direzzjoni u l-awtorità tal-maġistrat inkwerenti, imqabbad mill-Prosekutur tal-Kuruna, jew mill- allegata vittma ta’ reat permezz ta’ ilment fi proċedura ta’ azzjoni ċivili.

X’inhuma l-azzjonijiet li jista’ jitlob maġistrat inkwerenti?

Huwa jista’ juża l-atti kollha li jista’ juża l-Prosekutur tal-Kuruna, u mezzi ta’ koerzjoni importanti: joħroġ mandat ta’ arrest, jordna l-interċettazzjoni tat-telefonati, perkwiżizzjonijiet mingħajr kunsens, metodi aktar estensivi ta’ tiftix partikolari,…

Għandi ninstema’ mill-maġistrat inkwerenti?

L-interrogatorju mill-maġistrat inkwerenti huwa obbligatorju biss f’każ li jinħareġ mandat ta’ arrest.

Il-maġistrat għandu jgħidli li jeżisti każ?

Il-maġistrat fil-prinċipju għandu jakkużak jekk jeżistu provi serji kontrik. L-akkuża ssir wara smigħ jew permezz ta’ ittra, u tagħtik id-dritt li titlob l-aċċess għall-fajl kriminali u d-dritt li titlob miżuri ta’ investigazzjoni ulterjuri.

Il-maġistrat jista’ jordna li jinterċettawli t-telefonati li nagħmel jew li nirċievi?

Iva, filwaqt li jirrispetta ċerti kundizzjonijiet legali speċifiċi ħafna.

Nista’ noġġezzjona għal xi perkwiżizzjoni?

Id-dar tiegħek tista’ tiġi mfittxija jekk il-maġistrat jiffirma mandat ta’ tfittxija, u jekk it-tfittxija ssir bejn il-5:00 u d-9:00 ta’ filgħaxija, ħlief għal xi eċċezzjonijiet.

Il-maġistrat jista’ jobbligani fiżikament li jittieħidli kampjun tad-DNA?

Iva, taħt ċerti kundizzjonijiet.

X’nista’ nagħmel kontra xi att fl-investigazzjoni li jikser id-drittijiet tiegħi?

Tista’ tiftaħ proċedura sommarja kriminali (cf. Informazzjoni).

Jista’ jkolli aċċess għall-fajl waqt l-inkjesta?

Jekk inti akkużat mhux arrestat, tista’ titlob l-aċċess għall-fajl permezz ta’ talba indirizzata lill-maġistrat inkwerenti, li jista’ jirrifjutalek l-aċċess iżda għandu jiġġustifika r-rifjut tiegħu. F’każ li l-maġistrat ma jweġibx jew f’każ ta’ tweġiba negattiva, tista’ tappella quddiem x-Chambre des mises en accusation.

Nista’ nitlob li jsiru ċerti atti investigattivi?

Iva, kemm jekk tkun arrestat kif ukoll jekk le. Tista’ tagħmel dan permezz ta’ talba. Il-maġistrat inkwerenti jista’ jirrifjutaha jekk iqis li l-miżura m’hijiex meħtieġa biex tintwera l-verità jew li hija ta’ detriment għall-investigazzjoni. Teżisti l-possibbiltà ta’ appell.

Każ partikolari: l-arrest preventiv (4)

Kif għandha ssir l-interrogazzjoni quddiem l-imħallef?

Interrogazzjoni qabel il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest għandha sseħħ fi żmien 24 siegħa miċ-ċaħda tal-libertà taħt piena ta’ nullità tal-mandat ta’ arrest. L-interrogazzjoni għandha tirrigwarda b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ mandat u l-fatti allegati.

L-avukat tiegħek ma jistax ikun preżenti.

Nista’ ninstema’ mill-imħallef aktar tard?

Tista’ titlob interrogazzjoni rikapitulattiva. Din hija l-unika interrogazzjoni fejn l-avukat tiegħek jista’ jkun preżenti.

Meta nista’ nara lill-avukat tiegħi?

Wara l-ewwel smigħ tiegħek mill-maġistrat inkwerenti.

Nista’ nikkontesta l-legalità jew ir-raġunijiet tal-mandat ta’ arrest?

Ma tistax tappella d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt mandat ta’ arrest.

Fi żmien ħamest ijiem minn meta joħroġ il-mandat, inti tidher quddiem il-Kamra tal-Kunsill. Lejliet, jngħatalek aċċess għall-fajl tiegħek. L-avukat tiegħek jew inti stess tistgħu titolbu r-rilaxx tiegħek.

L-avukat tiegħek jista’ jqajjem irregolarità fil-mandat biss waqt din l-ewwel dehra quddiem il-Kamra tal-Kunsill (u fl-appell). Jekk jiġi kkonfermat il-mandat ta’ arrest, inti għandek id-dritt tal-appell. Fi żmien 15-il ġurnata għandek tidher quddiem x-Chambre des mises en accusation. F’każ li din l-iskadenza ma tiġix irrispettata, inti tinħeles minnufih.

Il-konferma tal-arrest hija valida għal xahar (jew tliet xhur). Inti tista’, f’kull seduta, tikkontesta l-adegwatezza tal-mandat ta’ arrest u/jew l-evidenza ta’ ħtija. Il-fajl ikun għad-dispożizzjoni tiegħek jumejn qabel kull seduta.

Nista’ nkellem lil terzi persuni fil-ħabs?

Dejjem tista’ tkellem lill-avukat tiegħek.

Iżda l-maġistrat inkwerenti jista’ ma jħallikx tkellem lil kwalunkwe persuna oħra għal massimu ta’ tlett ijiem.

Meta nista’ ninħeles?

Fi kwalunkwe ħin mill-maġistrat inkwerenti, jew fuq deċiżjoni tal-qrati istruttorji waqt is-smigħ tiegħek. Il-libertà tista’ tkun kundizzjonata jew b’garanzija.

Jien ċittadin ta’ pajjiż ieħor. Għandi nkun preżenti waqt il-kumpilazzjoni?

Jista’ jinħareġ mandat ta’ arrest jekk ikun hemm riskju ta’ evażjoni mill-ġustizzja. Il-maġistrat inkwerenti jew il-qrati istruttorji jistgħu jagħtuk il-libertà fuq garanzija. Inti tista’ tiġbor lura s-somma ta’ flus imħallsa jekk tidher f’kull stadju tal-proċedura.

Jekk tinħeles, inti tintalab tidher għas-smigħ, u fil-prinċipju quddiem qorti tal-prim’istanza. Il-maġistrat inkwerenti jista’ jordnalek, permezz ta’ ordni ta’ libertà kundizzjonata, sabiex ma titlaqx mill-pajjiż. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu estiżi għal perjodu ta’ tliet xhur. Inti tista’ tikkontestahom quddiem il-Kamra tal-Kunsill.

Għeluq tal-istruttorja (5)

X’nista’ nagħmel jekk l-inkjesta ddum?

Wara sena, tista’ tagħmel talba mmotivata lix-Chambre des mises en accusationli tikkontrolla l-andament tal-inkjesta.

Il-kapi ta’ akkuża/ta’ ħtija jistgħu jitbiddlu qabel il-proċess?

Il-Prosekutur tal-Kuruna jaqra l-każ mibgħut mill-imħallef u jispeċifika l-akkużi li għalihom l-akkużat għandu jwieġeb quddiem il-qorti. Jista’ wkoll jagħmel talba għal rinunzja għall-kawża, jew inkella jitlob lill-imħallef jagħmel ċerti investigazzjonijiet ulterjuri. Il-piena tista’ wkoll titbiddel mill-Prosekutur tal-Kuruna f’din l-okkażjoni, jew mill-Kamra tal-Kunsill li jiddeċiedi l-futur tal-kawża.

 

Nista’ nwieġeb ħati tal-akkużi kollha jew xi wħud minnhom qabel il-proċess?

Le, inti titqies innoċenti sal-kundanna definittiva tiegħek minn qorti tal-prim’istanza.

Kif isir l-għeluq tal-kawża?

Il-Kamra tal-Kunsill tiddeċiedi wara li tkun semgħet ir-rapport tal-maġistrat inkwerenti, il-parte civile, il-prosekutur u d-difiża:

  • li tirreferi lill-akkużat quddiem il-qorti kompetenti;
  • li tiddikjara r-rinunzja għall-kawża;
  • li tagħti d-differiment tas-sentenza: il-fatti jiġu ddikjarati stabbiliti, iżda ma tingħata l-ebda piena. L-imħallef jistabbilixxi terminu ta’ prova, li jista’ jkun jinkludi xi kundizzjonijiet li għandhom ikunu rrispettati;
  • li timplimenta l-Att tal-Protezzjoni Soċjali (l-irkupru).

X’inhuma d-drittijiet tiegħi f’din il-fażi?

Tista’ taqra l-fajl tiegħek u tieħu kopji tad-dokument qabel is-seduta quddiem il-Kamra tal-Kunsill. Tista’ wkoll titlob inkjesti addizzjonali permezz ta’ mozzjoni. Jekk il-maġistrat inkwerenti jirrifjuta li jwettaqhom, inti għandek id-dritt li tappella quddiem ix-Chambre des mises en accusation.

Nista’ nappella?

Ma tistax tressaq appell kontra ordni ta’ rinviju, ħlief f’każ ta’ irregolarità, ta’ ommissjoni jew ta’ invalidità li jaffettwa att investigattiv, il-kisba tal-provi jew l-ordni ta’ rinviju, jekk tinvoka raġuni għall-inammissibbiltà jew it-terminazzjoni tal-azzjoni pubblika,

Nista’ niġi akkużat b’reat li nkun ġejt  mixli bih fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea?

Fil-prinċipju le.

L-aħħar aġġornament: 28/06/2012

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Please note that the original language version of this page French has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: Dutch have already been translated.

3 – Id-drittijiet tiegħi quddiem it-tribunal/il-qorti

Fejn isir il-proċess?

  • It-tribunal tal-pulizija jittratta r-reati l-inqas serji (reati punibbli b’multa ta’ 1 sa 25 Euro (ksur tal-kodiċi rurali, …) u l-ksur kollu tal-liġi tat-traffiku (inċidenti fatali, …);
  • It-tribunal korrettiv jittratta d-delitti jew ir-reati korrettivi (dawk li għalihom setgħu jiġu ammessi immedjatament xi ċirkostanzi mitiganti);
  • Il-Qorti bil-Ġurija tittratta r-reati l-aktar serji (dawk li għalihom ma jistgħux jew m’għandhomx jiġu aċċettati ċirkostanzi mitiganti).

Il-proċess ikun pubbliku?

Fil-prinċipju, il-proċess ikun pubbliku u jsir f’awla aċċessibbli għal kulħadd (spettaturi, ġurnalisti) ħlief jekk is-sigurtà ma tippermettix dan.

Meta inti tkun involut f’każ sesswali (stupru, …), tista’ titlob lill-qorti li tlaqqa’ s-seduta in camera, jiġifieri li tillimita l-aċċess fl-awla għall-persuni involuti fil-proċess.

Jekk il-każ jirrigwarda l-arrest ta’  kriminal li m’huwiex responsabbli tal-azzjonijiet tiegħu minħabba stat gravi ta’  mard mentali, dan jista’ jitlob li l-proċess isir fil-magħluq, u l-prosekutur pubbliku jista’ jopponi.

Min jiddeċiedi l-kawża?

Imħallfin professjonali quddiem it-tribunal tal-pulizija jew il-qorti kriminali. Iżda, fil-Qorti bil-Ġurija, 12-il ġurat jiddeċiedu huma waħedhom dwar il-ħtija tal-akkużat. Huma jiddeċiedu wkoll il-piena flimkien ma’ tliet maġistrati.

Il-kapi tal-akkuża jew preġudizzji jistgħu jinbidlu waqt il-proċess?

L-akkużi jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod differenti mill-prosekuzzjoni u mill-imħallef. Pereżempju, jekk inti kissirt il-ħġieġa ta’ karozza, il-prosekutur jista’ jfittxek għal attentat ta’ serq meta fil-fatt, inti kellek biss l-intenzjoni li tkisser. Il-qorti tista’ tiddeċiedi mod ieħor, u tistma li dan kien dannu. Madankollu għandek tiġi avżat mill-qorti dwar dan biex ikollok il-possibbiltà li tiddefendi ruħek fuq din il-bażi ġdida.

X’jiġri jekk inwieġeb ħati għall-kapi kollha tal-akkuża jew xi wħud minnhom waqt il-proċess?

Il-piena ma tiġix imnaqqsa awtomatikament.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt il-proċess?

Għandi nkun preżenti waqt il-proċess? Għandi nkun preżenti waqt il-proċess kollu?

Dejjem tista’ tkun irrappreżentat minn avukat.  B’eċċezzjoni, inti jkollok tidher personalment meta l-qorti tiddeċiedi dan b’ordni li għandha tagħtik qabel is-seduta.

Jista’ jsir mingħajri?

Jekk ma tkunx preżenti jew irrappreżentat minn avukat sabiex twieġeb għall-akkużi, il-proċess isir mingħajrek u inti tiġi ġġudikat in absentia.

Jekk ngħix fi Stat Membru ieħor, nista’ nipparteċipa permezz tal-vidjow?

Le.

Inkun megħjun minn interpretu jekk ma nifhimx il-lingwa tal-imħallef?

Iva.

Għandi bżonn avukat?

Le, għajr quddiem il-qorti bil-ġurija.

Nista’ niġi pprovdut b’avukat?

Iva taħt ċerti kundizzjonijiet (ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaskeda 1).

Nista’ nibdel l-avukat?

Iva, anki mingħajr raġuni.

Nista’ nesprimi ruħi waqt il-proċess?

Iva.

Fil-proċess ikolli nitkellem?

M’intix obbligat.

Xijkunu l-konsegwenzi jekk ma ngħidx il-verità waqt il-proċess?

Għandek id-dritt li ma tinkriminax lilek innifsek, u li tiżviluppa l-istrateġija ta’ difiża tiegħek kif tixtieq. Dan jinkludi wkoll id-dritt li tibqa' sieket.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-provi miġjuba kontrija?

Nista’ niċħad il-provi miġjuba kontrija?

Iva.

Kif?

Billi titlob lill-imħallef biex iwettaq investigazzjonijiet ulterjuri.

Għalfejn?

Sabiex turi l-improbabbiltà tal-akkuża.

Xi provi nista’ nġib favur il-kawża tiegħi?

Preżentazzjoni ta’ kwalunkwe dokument, talba għal opinjoni oħra, smigħ ta’ xhud ġdid, …

Nista’ nuża investigatur privat biex nikseb provi favur tiegħi?

Iva.

Provi bħal dawn ikunu ammissibbli?

Iva.

Nista’ nsejjaħ xhieda biex jitkellmu favur tiegħi?

Iva.

Jien jew l-avukat tiegħi nistgħu nistaqsu mistoqsijiet lix-xhieda l-oħrajn fil-każ?

Iva, permezz tal-pulizija jew l-imħallef.

Jien jew l-avukat tiegħi nistgħu nikkontestaw dak li jgħidu?

Iva.

Tiġi kkunsidrata informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Iva.

  • X’tip ta’ informazzjoni?

Il-kundanni preċedenti.

  • F’liema ċirkostanzi? F’liema stadju?

Dawn jistgħu jirduppjaw l-ammont tal-piena massima u jistgħu jostakolaw il-miżuri favur.

  • Kundanni preċedenti fi Stat Membru ieħor jiġu kkunsidrati?

Iva, dawn jistgħu jiġu mgħoddija lill-imħallef.

X’jiġri meta jintemm il-proċess?

X’inhuma l-eżiti possibbli tal-proċess?

  • L-inammissibbiltà tal-akkużi jekk regola importanti ma tkunx ġiet irrispettata. Jista’ jkun madankollu li jsir proċess ġdid;
  • Li tiġi lliberat, jekk ma jkunx hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ppruvata l-ħtija tiegħek mingħajr dubju dettat mir-raġuni;
  • Li tinstab ħati.

F’każ ta’ kundanna, l-imħallef għandu 5 għażliet, skont it-tip ta’ reat u l-passat legali tiegħek:

  • il-piena ta’ priġunerija;
  • il-piena ta’ xogħol: li fi żmien sena twettaq xogħol mingħajr ħlas għall-komunità b’riskju li tingħata piena ta’ priġunerija jew multa;
  • multa;
  • is-sospensjoni tal-kundanna jew is-sospensjoni tas-sentenza bi jew mingħajr kundizzjonijiet (ma twettaqx aktar reati, issegwi taħriġ, ma tiffrekwentax ċerti postijiet aktar, …) għal perjodu bejn 1 sa 5 snin;
  • sempliċi dikjarazzjoni ta’ ħtija.

X’inhu r-rwol tal-vittma waqt il-proċess?

Din tista’ tagħti l-verżjoni tagħha dwar il-fatti li jirrigwardawha u titlob kumpens finanzjarju.

Kif?

Verbalment jew billi tippreżenta nota bil-miktub.

F’liema stadju?

Waqt is-smigħ, eżatt wara li tkun ġejt interrogat mill-imħallef.

Għal tagħrif aktar komplut, ara l-iskedi dwar id-drittijiet tal-vittmi.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-indirizzi tal-qrati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSit tal-Ministeru tal-Ġustizzja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIndirizzi tal-ħabsijiet

L-aħħar aġġornament: 28/06/2012

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Please note that the original language version of this page Dutch has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: French have already been translated.

4 – Id-drittijiet tiegħi wara li tingħata d-deċiżoni mit-tribunal jew mill-qorti  

Nista’ nappella?

Nista’ nappella missentenza/id-deċiżjoni fil-proċess kontra l-piena?

Is-sentenza mogħtija fl-assenza tiegħek jew meta ma tkunx ġejt irrappreżentat minn avukat tingħata awtomatikament. Jeżisti rikors speċifiku, biex id-deċiżjoni tiġi revokata, li huwa dejjem previst. Hemm ukoll possibbiltà ta' appell.

Jekk is-sentenza tingħata fil-preżenza tiegħek, id-deċiżjoni hija kontenzjuża. Ir-rimedju huwa l-appell, previst biss meta d-deċiżjoni tkun ittieħdet minn tribunal. L-appell għalhekk ma jeżistix kontra s-sentenzi tal-qorti tal-appell u tal-qorti tal-ġurati.

Kif? Quddiem min?

Jekk inti qed tinżamm taħt arrest, ir-rikors u l-appell jistgħu jiġu ppreżentati lill-uffiċċju tal-ħabs. Jekk inti liberu, r-rikos isir permezz ta’ marixxall tal-ġustizzja, filwaqt li l-appell għandu jiġi ppreżentat fil-qorti li ħadet id-deċiżjoni.

Kemm għandi żmien sabiex nagħmel dan?

Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum.

  • L-iskadenza għall-preżentata tar-rikors tibda tgħodd mill-għada li ssir taf dwar l-għoti bil-miktub (notifika) tad-deċiżjoni.
  • L-iskadenza għall-appell tibda mill-jum ta’ wara dak tas-smigħ li fih ingħata l-verdett.

X’inhuma r-raġunijiet għar-rikors?

Nuqqas ta’ ftehim dwar il-fatti ddikjarati stabbiliti jew fuq punti ta' liġi.

X’jiġri jekk nippreżenta rikors?

X’jiġri jekk inkun il-ħabs meta nippreżenta rikors?

Jekk ir-rikors jirrigwarda l-każ li għalih inti qed tkun miżmum u ġejt ikkundannat għal piena ta’ ħabs, inti tibqa’ l-ħabs sakemm ma tingħata deċiżjoni oħra. F’dan il-proċess il-ġdid tista’ ssir talba għal libertà provviżorja.

Jekk inti qed tkun miżmum minħabba każ ieħor, ir-rikors ma jkollu l-ebda effett fuq is-sitwazzjoni ta’ priġunerija tiegħek.

Kemm idum sabiex jinstema’ r-rikors?

Is-smigħ tar-rikors  isir fi żmien 15-il jum mill-preżentata tarrikors jekk tkun liberu, jew fi żmien 3 ijiem jekk inti qiegħed f'kustodja. L-appell ma jsirx aktar tard minn 60 jum mir-rikors.

Nista’ nressaq provi ġodda għar-rikors?

Iva.

X’inhuma r-regoli applikabbli?

L-istess regoli bħal dawk ta’ quddiem il-Prim’ Imħallef (ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaskeda 3).

X’jiġri fl-udjenza tar-rikors?

L-ewwel l-imħallef jevalwa jekk ir-rikors tressaqx fil-ħin imbagħad jiġġudika mill-ġdid il-fatti mressqa u l-piena eventwali li għandha tingħata.

X’tista’ tkun id-deċiżjoni tat-tribunal/tal-qorti?

X’jiġri jekk ir-rikors jiġi aċċettat/irrifjutat?

Jekk ir-rikors għall-oġġezzjoni jew għall-appell jiġi aċċettat, hemm żewġ ipoteżijiet:

  • L-inammissibbiltà tal-prosekuzzjoni jew il-libertà, li tinvolvi l-ħelsien immedjat tiegħek jekk inti tkun miżmum;
  • kundanna għal sentenza iqsar.

Jekk ir-rikors jiġi rrifjutat,

  • fil-każ tal-oġġezzjoni, il-kundanna tiġi kkonfermata iżda qatt ma tiħrax;
  • fil-każ tal-appell, il-kundanna tista’ tkun ikkonfermata jew tiħrax.

Għandi dritt ta’ rikors kontra awtorità ogħla/awtorità oħra?

L-appell jista’ jsir kontra d-deċiżjoni fir-rikors ta' oġġezzjoni minn tribunal, quddiem il-qorti tal-appell.  Appell jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum quddiem il-Qorti tal-kassazzjoni kontra deċiżjoni fuq appell lill-marixxall tal-qorti. Dan ma jissospendix l-eżekuzzjoni tal-kundanna.

F’liema ċirkostanzi?

Ir-rikors fil-kassazzjoni huwa ġġustifikat biss f’każ ta’ ksur tal-liġi jew tal-proċedura.

Jekk l-ewwel deċiżjoni kienet żbaljata, niġi kkumpensat?

Iva, jekk inti kont arrestat f’dan il-każ.

B’xiex?

Permezz ta’ kumpens għad-dannu li tkun sofrejt minħabba l-arrest.

Kif?

Permezz ta’ applikazzjoni bil-miktub lill-Uffiċċju pubbliku federali tal-Ġustizzja.

Jekk ir-rikors tiegħi jiġi aċċettat, il-fatt li kont misjub ħati jibqa' fil-kondotta tiegħi?

Le.

Is-sentenza meta titqies definittiva?

Meta ma jitressaq l-ebda oġġezzjoni fi żmien 15-il jum min-notifika tas-sentenza mogħtija in absentia.

Meta ma jsir l-ebda appell minnek jew mill-prosekuzzjoni fi żmien 25 jum mill-qari tas-sentenza.

Jien ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, nista’ nintbagħat lura wara l-proċess fil-Belġju?

Iva.

It-trasferiment huwa awtomatiku?

Le, dejjem għandu jkun hemm ftehim bejn il-Belġju u l-Istat l-ieħor.

F’liema ċirkostanzi?

  • l-ewwel każ: biex tiskonta f’pajjiżek is-sentenza mogħtija fil-Belġju, li ma tistax tkun appellata, ta’ piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas 6 xhur (ara ukoll: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Ġustizzja mill-A saż-Z

a) bil-kunsens tiegħek, jekk ikollok permess ta’ residenza fil-Belġju biss. Ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKonvenzjoni Ewropea.

b) mingħajr il-kunsens tiegħek jekk m’għandekx jew skadielek il-permess tar-residenza fil-Belġju (ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKonvenzjoni Ewropea)  jew jekk inti kont is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Belġju b’garanzija ta’ ritorn fil-pajjiż tal-oriġini.

  • it-tieni każ: mingħajr il-kunsens  tiegħek, sabiex tiġi ġġudikat fil-pajjiż tal-oriġini tiegħek fuq bażi ta’ mandat Ewropew maħruġ mill-pajjiż li inti ċittadin tiegħu. Jekk inti għadek trid tiskonta s-sentenza tiegħek hawnhekk, il-Belġju jista’ jistenna tmiem is-sentenza tiegħek sabiex jittrasferik lejn l-Istat tal-oriġini tiegħek, jew jista’ jibgħatek temporanjament sabiex tiġi ġġudikat hemmekk b’garanzija ta’ ritorn sabiex imbagħad tiskonta s-sentenza tiegħek fil-Belġju. Jekk inti għandek ir-residenza normali tiegħek hawnhekk, inti tista’ titlob lil-Belġju li jibgħatek lura bil-kundizzjoni li tmur lura sabiex tkun tista’ tiskonta s-sentenza tal-pajjiż l-ieħor fil-Belġju.
  • it-tielet każ: mingħajr il-kunsens tiegħek, sabiex tiskonta fil-pajjiż tal-oriġini tiegħek sentenza mogħtija fuq bażi ta’ mandat Ewropew maħruġ mill-Istat li inti ċittadin tiegħu.  Jekk inti għadek trid tiskonta s-sentenza tiegħek hawnhekk, il-Belġju jistenna li tispiċċa s-sentenza tiegħek qabel jittrasferik lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħek. Jekk inti għandek ir-residenza normali tiegħek hawnhekk, inti tista’ titlob li l-Belġju jirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat sabiex tkun tista’ tiskonta s-sentenza fil-Belġju minflok fil-pajjiż tal-oriġini tiegħek.

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni li nintbagħat lura?

Iva, sakemm ma tkun ingħatajt trasferiment volontarju.

Fil-każ tar-ritorn sabiex tiskonta l-piena mogħtija fil-Belġju fl-Istat tal-oriġini tiegħek (l-ewwel każ),  tista’ tressaq rikorsi għall-annullament u għas-sospensjoni fi żmien 60 jum quddiem il-Kunsill tal-Istat, kif ukoll rikors ġudizzjarju quddiem il-president tal-qorti b’urġenza.

Fil-każ tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-pajjiż tal-oriġini tiegħek (it-2 u t-3 każ), il-maġistrat inkwerenti jwettaq verifika inizjali u reviżjoni fi żmien 15 il-jum mill-arrest mill-kamra tal-Kunsill. Jista’ jsir appell fi żmien 24 siegħa tal-pronunzja tal-ordni tal-kamra tal-Kunsill quddiem ix-chambre des mises en accusation (ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaskeda 3). Jista’ jsir ukoll appell fi żmien 24 siegħa mid-deċiżjoni tax- chambre des mises en accusation quddiem il-Qorti tal-kassazzjoni.

Jekk niġi kkundannat fil-Belġju, nista’ nittella’ l-qorti mill-ġdid għall-istess reat?

Le.

Tagħrif dwar il-kapi ta’ akkuża/il-kundanna

It-tagħrif dwar il-kundanna u l-kapi ta’ akkuża relatati jitniżżel fil-kondotta tiegħi?

Iva.

Kif u fejn jinżamm dan it-tagħrif?

Dan jinżamm f’database imsejħa “Kondotti Ċentrali”, amministrat mill-Uffiċċju pubbliku federali tal-Ġustizzja.

Għal kemm żmien jinżamm?

Il-kundanni għal pieni tal-pulizija (1 sa 7 ijiem ta’ priġunerija, 1 sa 25 Euro f’multa, 20 sa 45 siegħa ta’ sentenza ta’ xogħol) jitneħħew mill-kondotta wara 3 snin.

Il-kundanni l-oħrajn jibqgħu miktuba b’mod permanenti. Madankollu dawn jistgħu jitneħħew permezz ta’ proċedura ta’ rijabilitazzjoni.

Jista’ jinżamm mingħajr il-kunsens tiegħi?

Iva

Nista’ noġġezzjona kontra ż-żamma ta’ dan it-tagħrif?

Le.

Min ikollu aċċess għall-kondotta tiegħi?

L-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-pulizija ikollhom aċċess mingħajr restrizzjoni.

Ma tridx issir konfużjoni bejn Il-kondotta u l- estratt tal-kondotta, mitlub minn ċerti amministrazzjonijiet pubbliċi jew ċerti individwi (min iħaddem, …), u li ma tkunx tinkludi l-informazzjoni kollha li tidher fil-kondotta. Pereżempju, l-istqarrijiet sempliċi ta’ ħtija, il-pieni ta’ mhux aktar minn 6 xhur ħabs, u multi ta’ mhux aktar minn 500 € jew li jingħataw minħabba ksur tar-regoli tat-traffiku mingħajr ma titlef il-liċenzja tas-sewqan għal iktar minn 3 snin ma jibqgħux jidhru wara 3 snin u 25 jum mid-data tal-għoti tas-sentenza. Is-sospensjoni tal-għoti tas-sentenza, sempliċi jew bi probation, qatt ma tissemma fuq il-kopja.

L-aħħar aġġornament: 28/06/2012

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Please note that the original language version of this page Dutch has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: French have already been translated.

5 – Kontravenzjonijiet minuri

Kif jiġu ttrattati l-kontravenzjonijiet minuri tar-regoli tat-traffiku?

Jekk il-pulizija lokali tiskopri xi kontravenzjoni tat-traffiku, din tista’ tibgħat formola lil sid il-vettura inkwistjoni sabiex issir taf l-identità tas-sewwieq meta jkun seħħ il-każ.  Il-Prosekutur tal-Kuruna mbagħad jista’ jipproponilek ftehim li permezz tiegħu jaqgħu l-akkużi kriminali jekk tħallas, permezz ta’ trasferiment bankarju, somma flus lill-awtoritajiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tar-reġistrazzjoni tal-artijiet u tal-beni pubbliċi.

Bil-ħlas ta’ din is-somma inti tevita li tissejjaħ sabiex tidher quddiem it-tribunal tal-pulizija, u għalhekk li teħel multa akbar u li tħallas l-ispejjeż addizzjonali tal-qorti.

Il-ftehim madankollu jinvolvi r-rikonoxximent tal-ħtija u r-responsabbiltà tiegħek fir-rigward ta’ vittmi eventwali meta l-kontravenzjoni tiegħek tkun ikkawżat danni lil persuni oħrajn.

Min jittratta dawn il-kontravenzjonijiet?

Il-prosekuzzjoni tat-tribunal tal-pulizija li jkollu ġuriżdizzjoni tkun inkarigata li tagħmel dawn il-proposti. L-uffiċċju tal-multi kriminali fl-awtoritajiet ta' amministrazzjoni fiskali jamministra l-kontabilità tal-ħlasijiet li jsiru,  u jinforma lill-Prosekutur Pubbliku dwarhom.

Proċedura?

Il-proposta ta’ ftehim tintbagħat lill-awtur permezz ta’ ittra rreġistrata jew permezz ta’  twissija mogħtija minn aġent tal-pulizija.  Iż-żmien tal-ħlas ivarja bejn 15-il jum u 3 xhur, jew f’każijiet eċċezzjonali 6 xhur.

Sanzjonijiet?

Jekk tonqos milli tħallas jew jekk ma taċċettax il-proposta  ta’ ftehim, il-prosekuzzjoni ssejjaħ lill-awtur tal-kontravenzjoni quddiem it-tribunal tal-pulizija sabiex tikseb il-kundanna tiegħu u l-piena (multa, priġunerija, l-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan) skont il-liġi.

Iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn jitħarrku fuq kontravenzjonijiet bħal dawn?

Iva.

Kif?

Il-pulizija li jinnota l-kontravenzjoni jipproponi l-ftehim.

F’każ ta’ rifjut, jista’ jitolbok tħallas minnufih l-ammont tal-multa minima legali, inkella l-vettura mwaqqfa tiġi kkonfiskata.

Jekk il-ftehim ma jiġix aċċettat, l-ammont imħallas jista’ jingħata lura jew jitnaqqas wara d-deċiżjoni tat-tribunal tal-pulizija.

Kif jiġu ttrattati kontravenzjonijiet minuri oħrajn?

L-imġieba mhux ċivili (postijiet ta’ parkeġġ, l-indafa pubblika) hija ġestita mill-amministrazzjoni komunali. F’każ li ma tħallasx, inti tista’ titressaq quddiem il-maġistrat lokali.

Fi kwistjonijiet soċjali, fiskali, ta’ sigurtà waqt il-logħbiet tal-futbol, traffiku ferrovjarju u ta’ trasport pubbliku ieħor,hemm amministrazzjonijiet speċjalizzati tal-gvern huma awtorizzati li jiġbru l-multi amministrattivi. Hemm diversi rimedji legali li jingħataw mill-qorti ċivili.

Dawn il-kontravenzjonijiet jidhru fil-kondotta tiegħi?

Is-sentenzi tat-traffiku jitniżżlu fil-kondotta. Il-multi amministrattivi u dawk relatati mal-liġi dwar il-futbol ma jitniżżlux fil-kondotta.

L-aħħar aġġornament: 28/06/2012

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.