Skip to main content

Informazzjoni dwar it-tneħħija legali tal-minuri

Flag of Germany
Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

Il-kwistjoni ta’ fejn minuri għandu jgħix b’mod permanenti hija soġġetta għal regoli legali dwar id-dritt li jiġi ddeterminat il-post ta’ residenza tal-minuri, u għalhekk tifforma parti mill-kura de facto tal-minuri (l-Artikolu 1631(1) tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, BGB)). Bħall-kura tal-proprjetà tal-minuri, din taqa’ fl-ambitu tar-responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 1626(1) tal-Kodiċi Ċivili.

Meta ġenitur wieħed biss ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri u, għalhekk, id-dritt li jiddetermina l-post ta’ residenza tal-minuri, ma jeħtiġx il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor meta jiddeċiedi fejn għandu jgħix il-minuri u, għalhekk, ukoll jekk il-minuri għandux jiċċaqlaq lejn pajjiż ieħor.

Meta ż-żewġ ġenituri jkollhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri, iridu jiddeċiedu flimkien jekk il-minuri għandux jiċċaqlaq lejn pajjiż ieħor. Dan għaliex din il-kwistjoni – għall-kuntrarju ta’, pereżempju, vaganza qasira f’pajjiż Ewropew ġar – hija kwistjoni ta’ importanza notevoli skont it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1687(1) tal-Kodiċi Ċivili, li għaliha huwa meħtieġ il-kunsens reċiproku taż-żewġ ġenituri.

Madankollu, qorti tal-familja tista’, fuq talba, tittrasferixxi r-responsabbiltà tal-ġenituri għal kwistjonijiet partikolari – u, b’hekk, pereżempju, id-dritt li jiġi ddeterminat il-post tar-residenza tal-minuri – lil ġenitur wieħed biss, ara l-Artikolu 1671(1) tal-Kodiċi Ċivili. F’dan il-każ ukoll – anke fil-każ ta’ responsabbiltà konġunta tal-ġenituri fi kwistjonijiet oħra – il-ġenitur jista’ jiddeċiedi waħdu u mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor dwar il-post ta’ residenza tal-minuri u, b’hekk, dwar iċ-ċaqliq tal-minuri lejn pajjiż ieħor.

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

Il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor biex il-minuri jiċċaqlaq lejn pajjiż ieħor huwa meħtieġ jekk il-ġenituri jaqsmu r-responsabbiltà tal-ġenituri (jew għall-inqas id-dritt li jiddeterminaw il-post tar-residenza tal-minuri) (ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 1).

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Iċ-ċaqliq tal-minuri lejn pajjiż ieħor hija legali jekk il-ġenitur li jrid jiċċaqlaq mal-minuri jitħalla jieħu dik id-deċiżjoni waħdu, pereżempju, għaliex għandu r-responsabbiltà unika tal-ġenituri, jew għall-inqas id-dritt uniku li jiddetermina l-post tar-residenza tal-minuri (ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 1).

Madankollu, jekk il-ġenituri jaqsmu r-responsabbiltà tal-ġenituri, iżda għandhom opinjonijiet differenti dwar iċ-ċaqliq tal-minuri lejn pajjiż ieħor u ma jistgħux jilħqu ftehim dwar dik il-kwistjoni, kull wieħed minnhom jista’ japplika lill-qorti tal-familja biex jingħata d-dritt skont l-Artikolu 1628 tal-Kodiċi Ċivili biex jiddeċiedi dwar iċ-ċaqliq. Il-Qorti mbagħad trid tieħu deċiżjoni abbażi ta’ dak li hu fl-aħjar interessi tal-minuri, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi u l-prattiċitajiet partikolari, u l-interessi leġittimi ta’ dawk involuti (l-Artikolu 1697a tal-Kodiċi Ċivili).

Barra minn hekk, ġenitur li jgħix separat mill-ġenitur l-ieħor jista’ wkoll japplika lill-qorti tal-familja skont l-Artikolu 1671(1) tal-Kodiċi Ċivili biex jingħata r-responsabbiltà unika tal-ġenituri, jew responsabbiltà tal-ġenituri għal kwistjoni partikolari, pereżempju, id-dritt li jiddetermina l-post tar-residenza tal-minuri. Il-qorti tilqa’ r-rikors jekk il-ġenitur l-ieħor jaqbel (sakemm il-minuri – jekk ikollu mill-inqas 14-il sena – ma joġġezzjonax) jew jekk it-tneħħija (parzjali) tar-responsabbiltà konġunta tal-ġenituri jew it-trasferiment (parzjali) tal-awtorità tal-ġenituri lir-rikorrent x’aktarx ikunu fl-aħjar interessi tal-minuri. Jekk il-qorti tilqa' t-talba, il-ġenitur jista' jiddeċiedi liberament fejn għandu joqgħod il-minuri.

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti

Ġenitur li għandu r-responsabbiltà unika tal-ġenituri jew id-dritt uniku li jiddetermina l-post tar-residenza tal-minuri huwa liberu li jieħu lil ibnu/bintu barra mill-pajjiż għal perjodi qosra kull meta jixtieq.

Madankollu, il-ġenituri b’responsabbiltà konġunta tal-ġenituri għandhom, fil-prinċipju, jieħdu din id-deċiżjoni flimkien (l-Artikolu 1627 tal-Kodiċi Ċivili). Jekk il-ġenituri jkollhom responsabbiltà konġunta tal-ġenituri iżda jgħixu separati, għandhom jiddeċiedu flimkien jekk il-vjaġġ ippjanat huwiex kwistjoni ta’ kuljum jew kwistjoni ta’ importanza notevoli (l-Artikolu 1687(1), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi Ċivili). Il-ġenitur li miegħu normalment jgħix ta' kuljum il-minuri għandu dritt jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet ta' -kuljum tiegħu (l-Artikolu 1687(1), it-tieni sentenza, tal-Kodiċi Ċivili). F’konformità mar-raba’ sentenza tal-Artikolu 1687(1) tal-Kodiċi Ċivili, il-ġenitur l-ieħor jista’ – meta l-minuri jkun qed jgħix miegħu bil-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, jew abbażi ta’ deċiżjoni minn qorti – jiddeċiedi waħdu dwar il-kura de facto tal-minuri, eż. x’jista’ jiekol il-minuri jew meta jista’ jmur jorqod. Il-leġiżlazzjoni ma tispeċifikax liema kwistjonijiet huma ta’ importanza notevoli, liema huma kwistjonijiet ta’ kuljum jew liema huma kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kura de facto tal-minuri. Din il-kwistjoni tiddependi miċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ. Fil-prinċipju, kemm il-ġenitur li miegħu normalment jgħix il-minuri kif ukoll il-ġenitur li għandu dritt ta’ aċċess għall-minuri jistgħu għalhekk jiddeċiedu waħedhom fir-rigward ta’ vjaġġi temporanji għal vaganzi barra minn pajjiżhom, sa fejn dan ma jikkonċernax l-ivvjaġġar lejn żoni li joħolqu riskju partikolari għall-minuri, bħal żoni remoti, żoni mingħajr kura medika suffiċjenti jew żoni li qed jesperjenzaw inkwiet politiku. Madankollu, il-ġenitur li għandu dritt ta’ aċċess għall-minuri għandu jinforma lill-ġenitur li huwa l-kustodju primarju tal-minuri dwar id-destinazzjoni tal-vjaġġ minn qabel.

Ġenitur li ma għandux ir-responsabbiltà tal-ġenitur ma għandux dritt jiddeċiedi fejn għandu joqgħod il-minuri. Madankollu, matul iż-żmien li jkollhom aċċess għall-minuri, huma awtorizzati wkoll, f’konformità mal-Artikolu 1687a tal-Kodiċi Ċivili, li jiddeċiedu waħedhom dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kura de facto tal-minuri.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna