Skip to main content

Imputati (proċeduri kriminali)

Ġermanja

Dawn l-iskedi informattivi jispjegaw x’jiġri jekk inti tkun issuspettat li wettaqt reat kriminali.

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja
Flag of Germany

Sommarju tal-proċedimenti kriminali

Hawn taħt se ssib sommarju tal-istadji involuti fil-proċedimenti kriminali.

Hemm ħames stadji differenti: l-investigazzjoni, il-proċedimenti intermedji, il-proċess, l-appell u l-proċedimenti tal-eżekuzzjoni.

  • Investigazzjoni (Ermittlungsverfahren): l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi (prosekutur pubbliku jew pulizija) se jiftħu investigazzjoni kontrik jekk inti tkun issuspettat li wettaqt reat kriminali. L-iskop tal-investigazzjoni huwa biex jiġi ċċarat jekk is-suspetti kontrik humiex iġġustifikati jew le. Diversi miżuri investigattivi jistgħu jittieħdu għal dan il-għan, bħal tiftix fid-dar tiegħek. Ladarba jkunu ġew konklużi l-investigazzjonijiet, il-prosekutur pubbliku jiddeċiedi jekk jitterminax il-proċedimenti minħabba nuqqas ta’ provi jew għal raġunijiet oħra, jew jekk iressaqx akkużi kontrik.
  • Proċedimenti intermedji (Zwischenverfahren): matul il-proċedimenti intermedji l-qorti tqis l-akkużi u tiddeċiedi jekk titterminax jew tkomplix bil-proċedimenti. Jekk, abbażi tal-provi mressqa, il-qorti temmen li kundanna hija probabbli, hija tibda l-proċess.
  • Proċess (Hauptverfahren): matul dan l-istadju l-qorti tħejji u tmexxi l-proċess. L-akkużi ġeneralment jitqiesu f’seduta orali abbażi tal-provi disponibbli (xhieda, dokumenti, eċċ.). Int tingħata wkoll l-opportunità li tikkummenta dwar l-akkużi u tagħti l-verżjoni tal-fatti tiegħek. Jekk l-akkużi jiġu kkonfermati, normalment tiġi kkundannat. F’kawżi kriminali li jinvolvu minorenni l-qorti spiss tordna miżuri oħra minflok, li primarjament iservu skop edukattiv u ma jkollhomx il-konsegwenzi legali ta’ sentenza. Jekk l-akkużi ma jiġux ikkonfermati, tiġi lliberat.
  • Appell (Rechtsmittelverfahren): tista’ tippreżenta appell kontra kundanna f’ċerti limiti ta’ żmien. Jekk appell jiġi ppreżentat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi (Berufungsverfahren), isir proċess ġdid quddiem qorti superjuri u, meta xieraq, tinstema’ xhieda ġdida. Min-naħa l-oħra, jekk appell jiġi ppreżentat fuq punti ta’ liġi biss (Revisionsverfahren), is-sentenza tiġi mistħarrġa biss biex jiġi stabbilit jekk fihiex xi żbalji ta’ liġi. Is-sentenza ma tistax tiġi eżegwita qabel ma ssir finali.
  • Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (Vollstreckungsverfahren): fl-aħħar, ladarba s-sentenza tkun saret finali, il-piena li ġiet imposta tiġi eżegwita matul il-proċedimenti tal-eżekuzzjoni. F’dan l-istadju, jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet ukoll dwar kwistjonijiet li jinkludu l-ħelsien bikri tal-awtur tar-reat (u l-bqija tas-sentenza tiġi sospiża fuq probation).

Hemm varjazzjonijiet għal dan ta’ hawn fuq. Il-varjazzjonijiet ewlenin huma t-twaqqif tal-proċedimenti (Einstellung des Verfahrens), proċedimenti ta’ digriet kriminali (Strafbefehlsverfahren) u proċedimenti b’urġenza (beschleunigtes Verfahren). Fil-qasam tad-dritt kriminali tal-minorenni hemm ukoll proċedimenti tal-qorti tal-minorenni ssimplifikati.

Dettalji dwar l-istadji fil-proċedimenti kriminali u dwar id-drittijiet tiegħek jistgħu jinstabu fuq il-paġni li ġejjin. Din l-informazzjoni ma hijiex sostituzzjoni għal konsulenza legali u hija maħsuba biss bħala gwida.

Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt biex issib l-informazzjoni li teħtieġ

Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni

Id-drittijiet tiegħi matul il-proċess

Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess

Links relatati

Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Strafprozessordnung) (Verżjoni bl-Ingliż)

Att dwar il-Qrati tal-Minorenni (Jugendgerichtsgesetz) (Verżjoni bl-Ingliż)

Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch) (Verżjoni bl-Ingliż)

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna