66. F'vidjokonferenzjar transkonfinali għandu jkun possibbli wkoll li s-sistema tal-awtorità rikjedenti tkun konnessa ma' sistemi tal-awtorità rikjesta. Ġeneralment il-vidjokonferenzjar transkonfinali jikkonċerna l-istabbiliment ta' konnessjoni viżiva u awdjo bejn żewġ postijiet (punt għal punt), il-post tal-awtorità rikjedenti u l-post tal-awtorità rikjesta. F'xi każijiet jista' jkun meħtieġ li tiġi stabbilita konnessjoni bejn aktar minn żewġ postijiet simultanjament (punti multipli). Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, fejn interpretu jkun konness mal-proċeduri tal-qorti minn post terz. Il-kollegamenti jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta' pont terz.
67. Il-konnessjonijiet minn punt għal punt u l-konnessjonijet b'punti multipli għandhom jikkonformaw ukoll mal-istandards internazzjonali applikabbli għall-vidjokonferenzjar. Dawk l-istandards tfasslu mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT). Lista dettaljata tinsab fl-Anness II ta' din il-gwida. Il-konnessjoni transkonfinali tas-sistemi tal-vidjokonferenzjar għandha tkun issalvagwardjata wkoll b'tali mod li tipprevjeni r-reġistrazzjonijiet milli jkunu interċettati illegalment minn partijiet terzi. Jekk tkun qed tintuża konnessjoni IP-għal-IP, il-metodi tal-ikkodifikar għandhom ikunu miftiehma mill-qrati parteċipanti.