Skip to main content

Tipi ta’ professjonijiet legali

Spanja

Fi Spanja, professjoni legali tfisser professjoni li tista' tiġi eżerċitata biss minn xi ħadd li jkun għadda minn taħriġ legali speċjali, minħabba li x-xogħol għandu x'jaqsam mal-applikazzjoni tal-liġi. L-imħallfin u l-imħallfin anzjani Il-Prosekuturi pubbliċi Ir-Reġistraturi tal-Qorti L-Avukati Il-Konsulenti legali In-Nutara Ir-Reġistraturi Ir-Rappreżentanti Legali Il-konsulenti dwar il-liġi industrijali u l-kwistjonijiet ta' siġurtà soċjali

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja
Flag of Spain

Il-professjonijiet legali - introduzzjoni

Fi Spanja, professjoni legali tfisser professjoni li tista' tiġi eżerċitata biss minn xi ħadd li jkun għadda minn taħriġ legali speċjali, minħabba li x-xogħol għandu x'jaqsam mal-applikazzjoni tal-liġi.

Il-professjonijiet legali ewlenin fi Spanja huma l-prosekuturi pubbliċi (fiscales), l-imħallfin (jueces) u l-imħallfin anzjani (magistrados), l-avukati (abogados), in-nutara (notarios), ir-reġistraturi tal-qorti (letrados de la administración de justicia), ir-reġistraturi tal-artijiet u tal-kummerċ u r-rappreżentanti legali (procuradores).

L-imħallfin u l-imħallfin anzjani

Organizzazzjoni

Il-ġustizzja tiġi mill-poplu u tiġi amministrata f'isem il-monarkija mill-imħallfin u l-imħallfin anzjani li jikkostitwixxu s-setgħa ġudizzjarja. L-imħallfin biss jistgħu jamministraw il-ġustizzja, jiġifieri huma biss jistgħu jaqtgħu s-sentenzi u jaraw li dawn jiġu eżegwiti.

L-imħallfin huma indipendenti mis-setgħat l-oħra tal-Istat u huma soġġetti biss għall-Kostituzzjoni u l-liġi.

L-aċċess għall-karriera fil-ġudikatura huwa bbażat fuq il-prinċipji tal-mertu u l-ħila. Il-proċess tal-għażla huwa oġġettiv u trasparenti, u jiggarantixxi opportunitajiet indaqs għal kull min jissodisfa l-kriterji u għandu l-ħiliet, il-kompetenza professjonali u l-kwalifiki meħtieġa biex ikun imħallef.

Il-Liġi Bażika dwar il-Ġudikatura tipprevedi tliet kategoriji ta' karrieri:

  • Imħallef tal-Qorti Suprema (magistrado del Tribunal Supremo),
  • Imħallef anzjan (magistrado),
  • Imħallef (juez).

Il-kategoriji bl-ogħla numru ta' kandidati hija dik ta' mħallef. Skont il-Liġi Bażika dwar il-Ġudikatura, sabiex isir imħallef, kandidat irid jgħaddi minn eżami kompetittiv għall-gradwati fil-liġi u jsegwi kors fl-iskola tal-liġi (Escuela Judicial).

Numru iżgħar ta' kandidati jidħol għall-ġudikatura bħala mħallef anzjan u mħallef tal-Qorti Suprema.

Fl-aħħar nett, l-imħallfin tal-Qorti Suprema jiġu maħtura mill-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura (Consejo General del Poder Judicial) mill-imħallfin anzjani b'tal-inqas 15-il sena servizz, inkluż 10 snin bħala mħallef anzjan, filwaqt li wieħed minn kull ħames imħallfin tal-Qorti Suprema jiġu maħtura minn fost avukati b'ħiliet rikonoxxuti b'minn tal-inqas 15-il sena esperjenza.

Funzjonijiet u dmirijiet

Il-qrati u t-tribunali jisimigħu il-kawżi biss f'każijiet fejn il-ġuriżdizzjoni tingħata lilhom permezz tal-Liġi Bażika dwar il-Ġudikatura jew minn xi liġi oħra.

Biex issir taf aktar dwar id-diversi tipi ta' ġuriżdizzjoni, ara "Qrati fi Spanja".

L-imħallfin u l-imħallfin anzjani jeżerċitaw is-setgħa ġudizzjarja tagħhom indipendentement mill-korpi ġudizzjarji u governattivi tal-ġudikatura.

L-imħallfin u l-imħallfin anzjani jistgħu jinżammu responsabbli taħt il-liġi ċivili jew kriminali fil-każijiet previsti mil-liġi, u huma soġġetti għal azzjoni dixxiplinarja skont il-Liġi Bażika dwar il-Ġudikatura.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura.

Il-prosekuturi pubbliċi

Organizzazzjoni

L-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Pubblika (Ministerio Fiscal) huwa korp kostituzzjonalment importanti b'personalità ġuridika proprja, kif ukoll awtonomija operattiva fil-ġudikatura. Huwa jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu permezz tal-istrutturi tiegħu stess, skont il-prinċipji tal-unità tal-azzjoni u d-dipendenza ġerarkika u soġġett dejjem għall-prinċipji tal-legalità u l-imparzjalità.

Il-Prosekutur Ġenerali (Fiscal General del Estado) huwa l-kap tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Pubblika u jirrapreżentah fi Spanja kollha. Huwa responsabbli mill-ħruġ tal-ordnijiet u struzzjonijiet meħtieġa fejn jidħol l-Uffiċċju u l-mekkaniżmu intern tiegħu, kif ukoll għall-ġestjoni ġenerali u l-ispezzjoni tiegħu.

Il-prosekuturi pubbliċi huma impjegati tas-servizz pubbliku magħżula permezz ta' eżami għal min għandu lawrija fil-liġi u dottorat. F'termini organizzattivi huma jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-Ufficcji tal-Prosekutur Pubbliku tal-komunitajiet awtonomi rispettivi.

Funzjonijiet u dmirijiet

L-Artikolu 124 tal-Kostituzzjoni ta' Spanja tal-1978 jgħid illi l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Pubblika "mingħajr preġudizzju għall-funzjonijiet fdati lil korpi oħra, huwa fi dmir li jippromwovi l-operat tal-ġustizzja għad-difiża tal-legalità tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-interess pubbliku kif salvagwardjati mil-liġi, kemm jekk ex officio jew b'talba ta' partijiet interessati, kif ukoll li jħares l-indipendenza tal-qrati u jassigura li jinqeda l-interess pubbliku".

Il-funzjonijiet tiegħu jinkludu:

  • li jassigura li l-funzjoni ġudizzjarja tiġi eżerċitata b'mod effettiv skont il-liġijiet u fl-iskadenzi stipulati permezz tal-azzjonijiet, proċeduri ta' appell u miżuri oħra meħtieġa;
  • jieħu sehem fil-proċess kriminali billi jassigura li l-awtorità ġudizzjarja tieħu l-miżuri kawtelatorji xierqa u twettaq investigazzjonijiet bil-għan li jiġu ċċarati l-fatti;
  • jieħu sehem fil-proċedimenti ċivili rikjesti mil-liġi li jaffettwaw l-interess pubbliku jew l-interessi tal-minuri, persuni bi bżonnijiet speċjali jew dawk inqas ixxurtjati sakemm tiġi pprovduta r-rappreżentanza legali normali.
  • iwettaq il-funzjonijiet assenjati lilu mil-leġiżlazzjoni rilevanti b'rabta ma' kawżi li jinvolvu r-responsabbiltà kriminali tal-minuri, fl-aħjar interessi tal-minuri.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku.

Ir-reġistraturi tal-qorti

Organizzazzjoni

Ir-reġistraturi tal-qorti jikkostitwixxu korp ġuridiku anzjan fis-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Huma impjegati fis-servizz pubbliku mal-Ministeru tal-Ġustizzja u jaġixxu fil-kapaċità propja tagħhom ta' awtorità.

Ir-reġistraturi tal-qorti jrid ikollhom lawrija fil-liġi, jkunu għaddew minn eżami kompetittiv u wara jsegwu kors fiċ-Ċentru għall-Istudji Legali (Centro de Estudios Jurídicos) li jkunu jistgħu jattendu għalih biss permezz ta' eżami kompetittiv.

Ir-reġistraturi tal-qorti huma parti mill-ġerarkija tal-Ministeru tal-Ġustizzja u mill-Amministraturi tal-Qorti (Secretario de Gobierno) ta’ kull waħda mill-qrati superjuri tal-ġustizzja u huma soġġetti għal prattikament l-istess regoli dwar l-inkompatibilità u l-projbizzjonijiet tal-imħallfin.

Funzjonijiet u dmirijiet

Il-funzjonijiet tar-reġistraturi tal-qorti jinkludu illi jassiguraw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin jew tal-qrati li huma responsabbli għalihom. Huma għandhom josservaw f’kull ħin il-prinċipji tal-legalità u tal-imparzjalità, tal-awtonomija u tal-indipendenza meta jagħtu s-servizz ta' awtentikazzjoni tal-istrumenti ġudizzjarji, u l-unità tal-azzjonijiet u l-ordni tal-ġerarkija meta jeżerċitaw il-funzjonijiet l-oħrajn kollha tagħhom.

Ir-reġistraturi tal-qrati huma responsabbli għad-dokumentazzjoni u ż-żamma tar-reġistri. Huma għandhom jirreġistraw id-deċiżjonijiet tal-qorti u huma responsabbli wkoll biex jibdew u jiżguraw li jitmexxew tajjeb il-proċedimenti legali kif ukoll biex jimmaniġġaw l-impjegati tal-qorti. Huma responsabbli wkoll biex jikkollaboraw u jikkooperaw ma' korpi u amministrazzjonijiet pubbliċi oħrajn, u biex ifasslu l-istatistika dwar il-qorti.

Għal aktar informazzjoni dwar il-persunal tal-qorti fi Spanja, ara:

L-organizzazzjoni tal-professjonijiet legali

L-avukati

L-avukati huma membri indipendenti ta' professjoni libera li tagħti servizz lis-soċjetà. L-avukati mhumiex impjegati fis-servizz pubbliku u jipprattikaw fuq il-bażi tal-kompetizzjoni ħielsa u ġusta (l-Artikolu 1 tal-Istatut tal-Avukati Spanjoli -Estatuto General de la Abogacía Española).

Ir-rwol tal-avukati bażikament huwa li jidderieġu u jiddefendu lill-partijiet f'kull tip ta' proċediment legali, li jagħtu pariri legali u konsulenzi u jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom sakemm dan il-kompitu ma jkunx riservat mil-liġi għal professjonijiet oħra.

Sabiex ikun jista' jipprattika bħala avukat, wieħed irid:

  • ikun ċittadin Spanjol jew ċittadin ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta' pajjiż li huwa parti għall-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta' Mejju 1992;
  • ikun tal-età u ma jkunx skwalifikat milli jipprattika ta' avukat għal xi raġuni;
  • ikun avukat kwalifikat jew ikollu lawrija Spanjola fil-liġi (f'każijiet mhux regolati mil-Liġi 30/2006 tat-30 ta' Ottubru 2006 dwar l-ammissjoni għall-professjonijiet ta' avukat jew rappreżentant legali u r-regolamenti ta' implimentazzjoni relatati) jew ikollu lawrija barranija ekwivalenti li ġiet uffiċjalment approvata skont ir-regoli fis-seħħ;
  • ikun membru tal-Kamra tal-Avukati (Colegio de Abogados) għad-distrett fejn jinsab id-domiċilju professjonali waħdieni jew ewlieni, sabiex jipprattika madwar Spanja kollha.

L-avukati jitħallsu t-tariffi għas-servizzi li jagħtu, f'forma ta' tariffa fissa, tariffa fis-siegħa, jew pagamenti perjodiċi. L-ammont tat-tariffa jista' jiġi ffissat liberament mill-avukat u l-klijent sakemm ma jiksirx il-kodiċi tal-etika professjonali jew ir-regoli tal-kompetizzjoni ġusta.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal-Kunsill Ġenerali tal-Avukati fi Spanja.

Bażijiet tad-dejta

L-aċċess għall-bażijiet tad-dejta huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess huwa mingħajr ħlas.

Il-konsulenti legali

Ara t-Taqsima dwar l-"Avukati".

In-nutara

L-organizzazzjoni, il-funzjonijiet u d-dmirijiet

In-nutara għandhom żewġ rwoli relatati mill-qrib: huma uffiċjali pubbliċi u professjonisti legali b'funzjoni ewlenija li ikunu xhieda ta' strumenti legali u dokumenti ekstraġudizzjarji oħra; iridu jfasslu dawn id-dokumenti skont ix-xewqat tal-partijiet u skont il-liġi, li jridu jivverifikaw u jinterpretaw, filwaqt li jinfurmaw lill-partijiet bl-effetti tagħhom.

Ir-rwol tan-nutar bħala uffiċċjal pubbliku jfisser illi d-dokumenti awtorizzati jew iċċertifikati minnu (l-atti notarili – escrituras publicas; il-ftehimiet kummerċjali – pólizas mercantiles; jew kopji awtentikati – testimonios) għandhom effetti ġudizzjarji jew ekstraġudizzjarji speċjali, skont it-tip ta' dokument.

L-aspetti kollha tar-rwol tan-nutar fi Spanja huma regolati b'mod strett (ħatra mill-Ministeru tal-Ġustizzja; ammissjoni permezz ta' eżamijiet kompetittivi; numru limitat ta' postijiet; rimunerazzjoni permezz ta' tariffi ffissati mill-gvern; irtirar; miżuri dixxiplinarji). Il-promozzjonijiet huma bbażati fuq l-anzjanità jew fuq kompetizzjonijiet għan-nutara organizzati mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

Il-gradwati fil-liġi jew postgradwati biss jistgħu jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet għall-ammissjoni bħala nutara.

In-nutara huma miġbura f'Assoċjazzjonijiet ta' Nutara (Colegios Notariales), waħda għal kull komunità awtonoma, u dawn jiġu kkoordinati mill-Kunsill Ġenerali tan-Nutara (Consejo General del Notariado), li ngħata ċerti setgħat ta' superviżjoni mill-Istat.

In-nutara jaqgħu direttament taħt l-awtorità tal-Ministeru tal-Ġustizzja permezz tad-Direttorat-Ġenerali tar-Reġistri u n-Nutara (Dirección General de los Registros y del Notariado) li huwa responsabbli għall-ispezzjoni u l-monitoraġġ tas-servizzi nutarili.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal-Kunsill Ġenerali tan-Nutara (www.notariado.org).

Professjonijiet legali oħrajn

Ir-reġistraturi

Ir-reġistri tal-artijiet, kummerċjali u tal-propjetà mobbli jservu ta' rekords pubbliċi ta' ċerti drittijiet legali, strumenti jew atti b'effett sostantiv erga omnes, li jippermettu l-preżunzjoni ta' leġittimità, korrettezza, kompletezza u preċiżjoni. Dan ifisser illi m'hemmx bżonn ta' garanziji oħra (kuntratti ħabba t-titlu, garanziji, eċċ) sabiex jippruvaw l-eżistenza ta' dawn id-drittijiet; għalhekk hija sistema aktar sigura u kosteffettiva, għaliex hemm biss tariffa waħda għar-reġistrazzjoni u għandha effett immedjat u permanenti.

Ir-reġistraturi tal-artijiet, kummerċjali u tal-propjetà mobbli huma uffiċjali pubbliċi responsabbli mill-ġestjoni tar-reġistri kummerċjali, tal-artijiet u tal-propjetà mobbli. Huma kemm uffiċjali pubbliċi u kemm professjonisti legali: fuq responsabbiltà tagħhom, iwettqu ċerti funzjonijiet pubbliċi mogħtija lilhom bil-liġi, b'mod partikolari mil-liġi dwar l-ipoteki, il-liġi kummerċjali u l-liġi amministrattiva; u fil-kapaċità tagħhom bħala uffiċjali pubbliċi skont l-Att dwar l-Ipoteki (Ley Hipotecaria) huma jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom mil-liġi amministrattiva.

Il-gvern jirregola l-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ammissjoni tagħhom, man-numru ta' postijiet, ir-rimunerazzjoni, il-miżuri dixxiplinarji u l-irtirar. Biex isiru reġistraturi, il-gradwati jew postgradwati fil-liġi jridu jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-Istat.

Ir-rimunerazzjoni tagħhom tikkonsisti f'tariffi ffissati mill-gvern.

Ir-reġistri kummerċjali, tal-artijiet jew tal-propjetà mobbli huma membri tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tar-Reġistraturi fi Spanja (Colegio Nacional de Registradores de España), li ngħatat ċerti setgħat superviżorji mill-Istat.

Huma jaqgħu direttament taħt l-awtorità tal-Ministeru tal-Ġustizzja permezz tad-Direttorat-Ġenerali tar-Reġistri u n-Nutara (Dirección General de los Registros y del Notariado) li huwa responsabbli għall-ispezzjoni u l-monitoraġġ tas-servizzi nutarili.

Il-funzjonijiet tar-reġistraturi huma: jikklassifikaw id-dokumenti ppreżentati fir-reġistri li għalihom huma responsabbli; jagħtu pariri lill-pubbliku fuq kwistjonijiet marbuta mar-reġistri u jipprovdu aċċess pubbliku għall-informazzjoni mdaħħla; jivverifikaw, fejn meħtieġ, illi l-persuni li qed jitolbu għal aċċess għandhom interess leġittimu u jħarsu kif xieraq dejta sensittiva.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tar-Reġistraturi fi Spanja.

Ir-rappreżentanti legali

Ir-rappreżentanti legali (procuradores) jirrappreżentaw id-drittijiet u l-interessi tal-partijiet quddiem il-qrati permezz ta' prokura mogħtija lilhom għal dan il-għan, jiżguraw li l-komunikazzjonijiet bejn il-qrati u l-partijiet jiġu awtentikati u jwettqu dmirijiet oħra skont il-liġi.

Biex jipprattika bħala rappreżentant legali, wieħed irid ikollu kwalifika ta' rappreżentant legali jew ta' rappreżentant legali tal-qorti (dan tal-aħħar skont il-Liġi 34/2006 tat-30 ta' Ottubru 2006 dwar l-ammissjoni għall-professjonijiet ta' avukat jew ta' rappreżentant legali), ikun irreġistrat mal-Assoċjazzjoni tar-Rappreżentanti Legali (Colegio de Procuradores) jagħtu garanzija u jieħdu ġurament jew jagħmlu dikjarazzjoni.

Ir-rappreżentanti legali jaqgħu taħt l-awtorità tal-Assoċjazzjoni ta' Rappreżentanti Legali, li l-korp tiegħu jiżgura illi l-membri jwettqu dmirijiethom kif xieraq.

Ir-rimunerazzjoni tagħhom tikkonsisti f'tariffi ffissati bil-quddiem mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal-Kunsill Ġenerali tar-Rappreżentanti Legali fi Spanja.

Il-konsulenti dwar il-liġi industrijali u l-kwistjonijiet ta' siġurtà soċjali

Il-konsulenti dwar il-liġi industrijali u l-kwistjonijiet ta' siġurtà soċjali (graduados sociales) huma speċjalisti li jistgħu jidhru quddiem il-qorti fi proċedimenti dwar il-liġi industrijali u tas-sigurtà soċjali.

Huma jistgħu jidhru fi proċedimenti quddiem il-qrati inferjuri u superjuri, u jistgħu jippreżentaw appelli. Il-preżenza ta' avukat hija madankollu meħtieġa sabiex jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti Suprema.

Fi Spanja, hemm 'il fuq minn 25 000 konsulent f'dan il-qasam li jassisti kemm lin-negozji u kemm lill-impjegati.

Ħoloq relatati

IL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA FI SPANJA

IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-ĠUDIKATURA FI SPANJA

L-UFFIĊĊJU TAL-PROSEKUTUR PUBBLIKU FI SPANJA

L-ASSOĊJAZZJONI NAZZJONALI TAR-REĠISTRATURI TAL-QORTI FI SPANJA

IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-AVUKATI FI SPANJA

IL-KUNSILL ĠENERALI TAR-RAPPREŻENTANTI LEGALI FI SPANJA

IL-KUNSILL ĠENERALI TAN-NUTARA FI SPANJA

L-ASSOĊJAZZJONI NAZZJONALI TAR-REĠISTRATURI FI SPANJA

IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-ASSOĊJAZZJONIJIET TA' KONSULENTI FI SPANJA

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna