1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?
It-tip ta’ miżura jiddependi min-natura tat-talba li trid tiġi żgurata. Skont l-Artikolu 747 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Kodeks Postępowania Cywilnego), il-pretensjonijiet monetarji jiġu żgurati permezz ta’:
- il-qbid tal-assi mobbli, il-pagi u s-salarji, kontijiet bankarji jew talbiet oħra, jew drittijiet ta’ propjetà oħra;
- l-impożizzjoni ta’ piż fuq il-proprjetà immobbli tal-parti obbligata b’ipoteka obbligatorja;
- projbizzjoni fuq it-trasferiment jew l-impożizzjoni ta’ piż fuq il-propjetà immobbli li għaliha ma hemmx reġistru tal-artijiet jew għall-ipoteki jew fejn dawn ir-reġistri ġew meqruda;
- l-impożizzjoni ta’ piż fuq bastiment jew bastiment li għadu qed jinbena b’ipoteka marittima;
- l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni fuq it-trasferiment tad-dritt ta’ sjieda f’kooperattiva fuq il-bini;
- l-impożizzjoni ta’ riċevitura fuq l-impriża jew l-azjenda agrikola tal-obbligant jew fuq stabbiliment li jifforma parti minn impriża jew parti minnha, jew parti mill-azjenda agrikola tal-obbligant.
Jekk l-inġunzjoni tintalab għal talbiet għajr dawk monetarji, il-qorti tawtorizza l-inġunzjoni li jidhrilha xierqa fiċ-ċirkonstanzi, mingħajr ma jiġu esklużi miżuri maħsuba biex jiggarantixxu talbiet monetarji (l-Artikolu 755 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). B’mod partikolari, il-qorti tista’:
- tistandardizza d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet jew tal-parteċipanti fil-proċedimenti matul il-proċedimenti;
- tipprojbixxi t-trasferiment ta’ oġġetti jew drittijiet involuti fil-proċedimenti;
- tissospendi l-eżekuzzjoni jew proċedimenti oħra li għandhom l-għan li jeżegwixxu deċiżjoni;
- tiddeċiedi dwar il-kustodja ta’ minuri u kuntatti ma’ wild;
- tordna illi tiddaħħal l-entrata adatta fir-reġistru tal-artijiet u tal-ipoteki jew reġistru rilevanti ieħor.
L-interessi tal-partijiet jew tal-parteċipanti fil-proċedimenti għandhom jiġu kkunsidrati meta ssir l-għażla tal-forma tal-garanzija, sabiex ikun hemm protezzjoni legali adegwata għal dik il-parti li għandha dritt għall-garanziija u biex l-obbligant ma jkollux piż żejjed fuqu.
2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?
2.1 Il-proċedura
Il-proċedimenti għal inġunzjoni jsiru:
- fuq talba tal-parti jew parteċipant fil-proċedimenti quddiem il-qorti kompetenti biex tisma’ l-kawża fil-prim’istanza. Jekk il-qorti ma tistax tiġi identifikata, il-qorti kompetenti tkun il-qorti tal-post fejn se tiġi implimentata l-inġunzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dik il-bażi jew jekk l-inġunzjoni tkun trid tiġi implimentata fi ħdan il-ġuriżdizzjoni ta’ qrati differenti, il-Qorti tad-Distrett ta’ Varsavja (Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy). Rikors għal inġunzjoni mressaq matul il-proċedimenti jiġi kkunsidrat mill-qorti tal-istanza fejn tinsab pendenti l-kawża, ħlief jekk din tkun il-Qorti Suprema (Sąd Najwyższy). F’dawn il-każijiet, il-qorti tal-prim’istanza tiddeċiedi jekk għandix tingħata garanzija jew le (l-Artikolu 734 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)
- ex officio f’każijiet fejn il-proċedimenti jistgħu jinbdew ex officio (l-Artikolu 732 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
Ir-rikors għal garanzija jsir bil-miktub. Huwa għandu jissodisfa r-rekwiżiti għat-talbiet u jispeċifika l-forma li biha għandha tingħata l-garanzija u, f’każ ta’ talba monetarja, l-ammont tal-garanzija (li ma jistax jaqbeż l-ammont tat-talba, kalkolata flimkien mal-interessi mid-data li fiha tingħata d-deċiżjoni dwar il-garanzija, kif ukoll l-ispejjeż għall-garanzija u l-ispejjeż previsti tal-proċedimenti) kif ukoll iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw ir-rikors. Jekk ir-rikors għal inġunzjoni jiġi ppreżentat qabel jibdew il-proċedimenti, jenħtieġ li tingħata taqsira tas-suġġett tal-kawża (l-Artikolu 736 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
Il-garanzija tista’ tingħata qabel jibdew jew matul il-proċedimenti. Wara li l-obbligant ikun kiseb titolu eżekuttiv, il-garanzija tista’ tingħata biss jekk hija maħsuba biex tiżgura talba li għaliha għadu ma skadiex iż-żmien għall-eżekuzzjoni (l-Artikolu 730(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
Meta l-inġunzjoni tingħata qabel ma jibdew il-proċedimenti, il-qorti tistabbilixxi skadenza li qabel tiskadi jrid jiġi ppreżentat ir-rikors promotur, li fin-nuqqas titħassar l-inġunzjoni. Din l-iskadenza ma tridx tkun itwal minn żewġ ġimgħat (l-Artikolu 733 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
Ir-rikors għall-garanzija jrid jitqies mingħajr dewmien, fi żmien ġimgħa mid-data li fiha tressaq il-qorti, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor minn dispożizzjonijiet speċjali. Jekk ikun hemm liġi li tipprovdi illi r-rikorsi għandhom jiġu eżaminati matul is-seduta ta’ smigħ, dik is-seduta għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta’ tressiq tar-rikors (l-Artikolu 737 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
Il-garanzija tingħata abbażi ta’ sentenza tal-qorti.
2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin
Il-garanzija tista’ tiġi mitluba fil-kawżi ċivili kollha eżaminati minn qorti jew tribunal ta’ arbitraġġ (l-Artikolu 730 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
Il-kundizzjonijiet għall-garanzija huma kif ġej: it-talba u l-interess legali għall-garanzija jridu jiġu ppruvati. Ikun hemm interess legali fl-għoti ta’ inġunzjoni jekk ikun impossibbli jew diffiċli ħafna li tiġi implimentata s-sentenza mogħtija fil-kawża jew inkella jkun impossibbli jew diffiċli ħafna li jintlaħaq l-għan tal-proċedimenti jekk ma tingħatax l-inġunzjoni (l-Artikolu 730 (1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
L-għan tal-garanzija ma jistax ikun li jiżgura talba, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor (l-Artikolu 731 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
L-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ garanzija tista’ tkun soġġetta għall-għoti ta’ depożitu mill-parti li qed titlobha biex tiżgura t-talbiet tal-obbligat ġejjin mill-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar il-garanzija, ħlief meta’ l-parti li għandha dritt titlob il-garanzija hija t-Teżor u fejn il-garanzija qed tintalab minħabba manteniment, pensjoni ta’ diżabilità jew ammonti ta’ flus dovuti lil impjegat fi kwistjonijiet marbuta mal-liġi tax-xogħol li ma jaqbżux is-salarju sħiħ fix-xahar tal-impjegat (l-Artikolu 739 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?
3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?
Garanzija tista’ tingħata għal:
- assi mobbli,
- pagi u salarji,
- talbiet fuq kont bankarju jew oħrajn, jew dritt ta' proprjetà ieħor.
- proprjetà immobbli,
- bastimenti jew bastimenti li għadhom qed jinbnew,
- id-dritt ta’ sjieda f’kooperattiva fuq bini,
- impriża jew azjenda agrikola, stabbiliment li jifforma parti minn impriża jew parti minnha, jew parti minn azjenda agrikola
Il-garanzija ma tistax tkopri oġġetti, dejn jew drittjiet esklużi mill-eżekuzzjoni. L-oġġetti li jitħassru jistgħu jservu ta’ garanzija jekk il-parti obbligata ma jkollhiex aktar propjetà li biha tista’ tiżgura t-talbiet tal-parti li għandha pretensjoni u l-oġġetti jistgħu jinbiegħu minnufih.
3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?
L-għan prinċipali tal-proċedimenti għal garanzija huma li jiżguraw illi l-parti li għandha pretensjoni (normalment il-kreditur) tiġi protetta kontra l-effetti potenzjalment ta’ ħsara minħabba d-dewmien fil-kawżi pendenti quddiem il-qorti u biex itejbu s-sitwazzjoni tal-parti li għandha l-pretensjoni fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jekk is-suġġett tal-proċedimenti tal-qorti u l-garanzija huwa talba li tista’ tiġi eżegwita. B’mod limitat, il-garanzija tista’ tippermetti lil dik il-parti li għandha pretensjoni biex tirċievi benefiċċji fi flus kontanti.
Garanzija tista’ tkun ukoll rispons għal miżura meħuda mill-parti li trid tissodisfa dik il-pretensjoni b’dannu għall-parti li għandha pretensjoni.
L-effetti ta’ inġunzjoni fuq il-parti li trid tissodisfa l-pretensjoni jvarjaw skont il-forma li jieħdu:
- jekk jinqabdu assi mobbli, il-ġestjoni tal-assi mobbli wara l-qbid ma jkollix effett fuq kif jitmexxew il-proċedimenti aktar il-quddiem, u l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għall-assi mobbli maqbuda jistgħu jsiru wkoll kontra x-xerrej;
- jekk jinqabad kont bankarju ta’ impriża jew ta’ sid ta’ azjenda agrikola bħala garanzija, il-parti li għandha l-pretensjoni tista’ tiġbor biss dawk l-ammonti speċifikati mill-qorti għal ħlas tal-pagi u salarji attwali, kif ukoll it-taxxa u ammonti statutorji oħra, kif ukoll l-ispejjeż ġenerali;
- jista’ jsir użu limitat mid-dejn u d-drittijiet ta' proprjetà oħra maqbuda (kif għandhom jintużaw jiġi deċiż mill-qorti);
- bailiff ibigħ l-oġġetti maqbuda kollha flimkien mad-drittijiet għall-istrumenti finanzjarji reġistrati f’arkivju tat-titoli jew fuq kont ieħor skont it-tifsira tar-regoli dwar l-ispekulazzjoni ta’ strumenti finanzjarji, u l-ammont miksub jiġi depożitat fil-kont tal-qorti;
- ikun hemm projbizzjoni fuq it-trasferiment jew piżijiet fuq proprjetà immobbli u fuq id-dritt ta’ sjieda f’kooperattiva ta’ bini;
- jiġi rreġistrat piż permezz ta’ ipoteka marittima fuq bastiment jew fuq bastiment li għadu qed jinbena;
- l-obbligant jiġi mċaħħad mid-drittijiet ta’ ġestjoni u ssir riċevitura, u d-dħul mir-riċevitura jservi ta’ garanzija;
- fi kwistjonijiet ta’ manteniment, l-obbligant irid iħallas somma speċifika lill-parti li għandha dritt tirċevih fuq bażi ta’ darba jew perjodikament.
3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?
Il-parti obbligata tista’ titlob fi kwalunkwe ħin li deċiżjoni legalment vinkolanti biex tingħata garanzija tiġi revokata jew emendata jekk ir-raġuni għall-garanzija tieqaf teżisti jew tinbidel (l-Artikoli 742, 754 (1)(3) u 757 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Il-garanzija titneħħa jekk:
- l-obbligant jiddepożita l-qorti l-ammont ta’ garanzija mitlub mill-parti opposta fir-rikors għall-garanzija fil-kont ta’ depożitu tal-Ministru tal-Finanzi
- it-talba jew ir-rikors jintbagħtu lura jew jiġu miċħuda wara s-sentenza finali;
- it-talba jew ir-rikors jiġu miċħuda jew jitwaqqfu l-proċedimenti,
- il-parti li għandha l-pretensjoni ma titlobx għall-ammont kollu matul il-proċedimenti jew tressaq talbiet oħra li ma jkunux dawk li għalihom intalbet il-garanzija qabel bdew il-proċedimenti,
- is-sentenza li tawtorizza l-garanzija ssir finali (il-garanzija titħassar fi żmien xahar minn meta s-sentenza ssir finali),
- il-parti li għandha l-pretensjoni ma tressaqx talba għal miżuri provviżorji addizzjonali fi żmien ġimagħtejn mis-sentenza li biha t-talba tkun saret finali f'każijiet fejn ingħatat garanzija permezz ta’ mandat ta’ qbid fuq assi mobbli, pagi u salarji, talbiet fuq kontijiet bankarji jew talbiet oħra, drittijiet ta' proprjetà oħra jew permezz ta’ riċevitura fuq impriża jew azjenda agrikola tal-obbligant jew stabbiliment li jifforma parti minn intrapriża jew parti minnha, jew parti minn azjenda agrikola tal-obbligant.
Il-garanzija tiġi annullata wkoll (l-Artikolu 754(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili):
- xahrejn wara li ssir finali s-sentenza li tikkonferma t-talba garantita jew wara li ssir finali deċiżjoni dwar iċ-ċaħda ta’ appell jew rimedju ġudizzjarju ieħor imressaq mill-parti li trid tissodisfa t-talba kontra sentenza li tawtorizza talba garantita;
- jekk il-parti intitolata ma tressaqx rikors għal aktar miżuri ta’ eżekuzzjoni fi żmien xahar wara li ssir finali sentenza li tawtorizza talba garantita jew wara li ssir finali deċiżjoni li tiċħad appell jew rimedju ġudizzjarju ieħor imressaq mill-parti obbligata kontra sentenza li tawtorizza talba garantita f’każ ta’ inġunzjoni li tinvolvi inter alia il-qbid ta’ assi mobbli.
4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?
Kemm il-parti li għandha pretensjoni u l-obbligant jistgħu iressqu ilment kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-prim’istanza rigward il-garanzija (l-Artikolu 741 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).