Skip to main content

4 - Kumpens

Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
Franza
Flag of France

X’inhi l-proċedura biex nitlob kumpens mingħand it-trażgressur? (e.ż. każ tal-qorti, talba ċivili, proċedura ta’ adeżjoni)

Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ tippermetti lil kwalunkwe persuna li tqis ruħha bħala vittma:

  • tippreżenta rikors quddiem l-imħallef inkwirenti inkarigat mill-kawża biex tiġi rikonoxxuta bħala parti ċivili li qed titlob id-danni (constitution de partie civile);
  • tiftaħ kawża għal rimedju interim (action en référé), jew azzjoni dwar il-merti fil-qrati ċivili (action devant le juge civil au fond).

1) Hemm numru ta’ modi kif talba ċivili tista’ titressaq quddiem il-qrati kriminali:

- Prosekuzzjoni (azzjoni) mressqa meta prosekuzzjoni pubblika ma tkunx infetħet mill-prosekutur pubbliku (din għandha l-effett li tiskatta prosekuzzjoni pubblika).

Hemm żewġ metodi possibbli:

  • taħrika diretta biex tidher(citation directe), għal kontravvenzjonijiet (contraventions) jew delitti (délits);
  • rikors għar-rikonoxximent ta’ parti ċivili għall-proċedimenti kriminali (għal delitti jew delitti serji (crimes).

- Intervent (intervention), meta tkun diġà nbdiet prosekuzzjoni pubblika.

- Rikors għar-rikonoxximent bħala parti ċivili fi proċedimenti kriminali.

Vittma tista’ titlob biex tingħaqad fil-proċedimenti bħala parti ċivili fis-seduta, iżda wkoll billi tibgħat rikors lill-imħallef tal-qorti kriminali, permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta jew b’faks, li tgħid li r-rikorrent jixtieq jingħaqad fil-proċedimenti bħala parti ċivili li titlob id-danni u tindika l-ammont ta’ danni mitluba. Dan jista’ jsir ukoll permezz ta’ avukat.

2) Talba ċivili tista’ titressaq quddiem il-qrati ċivili taħt il-liġi ordinarja tar-responsabbiltà ċivili.

Jekk vittma tibda proċeduri għal danni fil-qrati ċivili, din ma tkunx tista’ tipproċedi fil-qrati kriminali. Iżda jekk vittma titlob biex tiġi ttrattata bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali, din ma tkunx pprojbita b'daqshekk milli tressaq il-kwistjoni quddiem il-qrati ċivili.

Il-qorti ordnat lit-trażgressur sabiex iħallasni d-danni/kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trażgressur iħallas?

Jekk vittma issib diffikultà biex tirkupra l-valur tal-kumpens, din tista’ tirrikorri għal proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ċivili billi tinvolvi marixxall (huissier de justice). L-applikazzjoni trid tintbagħat bil-posta lill-imħallef li jippresjedi l-qorti reġjonali (tribunal de grande instance) tar-residenza prinċipali tal-persuna kkundannata (domicile), jew jekk tkun il-ħabs, tal-qorti reġjonali tal-post fejn ikun jinsab il-ħabs. Dawn li ġejjin jistgħu jiġu ssekwestrati:

  • sehem tas-salarju disponibbli li jifdal tal-persuna kkundannata;
  • fondi fil-kont tal-bank tagħha;
  • ċerti assi li jistgħu jkunu jappartjenu għaliha.

Jekk it-trażgressur ma jħallasx, jista’ l-istat jagħtini ħlas bil-quddiem? Taħt liema kundizzjonijiet?

Jekk il-persuna kkundannata ma tikkumpensax lill-vittma b’mod volontarju, il-vittma tista’ tirreferi l-kwistjoni lis-Servizz ta’ Assistenza għall-Irkupru għall-Vittmi ta’ Reati Kriminali (Service d’Aide au Recouvrement des Victimes d’Infractions — SARVI). Huwa biżżejjed li l-vittma turi li ngħatat kumpens għad-danni b’sentenza kriminali finali (li kontrihom ebda ma jista’ jsir l-ebda appell ulterjuri).

SARVI, li jieħu post il-persuna responsabbli, iħallas lill-vittma d-danni kollha sa EUR 1 000, u lil hinn minn dan jagħti ħlas bil-quddiem ta’ 30 %, sa limitu massimu ta’ EUR 3 000. Wara li jagħti l-ħlas bil-quddiem, SARVI jħallas il-bilanċ dovut hekk kif u meta jiġbor il-flus mingħand il-persuna kkundannata.

Sabiex tippreżenta talba lil SARVI, il-vittma għandha tikseb formola ta’ applikazzjoni ta’ assistenza għal irkupru (formulaire de demande d’aide au recouvrement) mill-qorti reġjonali (pereżempju mill-uffiċċju tar-reġistru uniku tal-qorti (guichet unique de greffe), mir-reġistru tal-imħallef delegat biex jittratta l-vittmi (greffe du juge délégué aux victimes), mill-uffiċċju tal-eżekuzzjoni (bureau d’execution) jew mill-uffiċċju għall-appoġġ tal-vittmi (bureau d’aide aux victimes)) jew minn ċentru tal-liġi (maison de la justice et du droit), minn uffiċċju tal-informazzjoni legali (point d’accès au droit), miċ-ċentru muniċipali jew simili, li jibagħtu l-formola mimilja wkoll lil SARVI.

L-applikazzjoni lil SARVI trid issir mhux anqas minn xahrejn u mhux aktar minn sena mill-jum meta s-sentenza tal-kumpens għad-danni ssir finali.

Jien intitolat għal kumpens mill-Istat?

Il-Fond ta’ Garanzija għall-Vittmi ta’ Terroriżmu u Reati Oħra (Fonds de garantie des victimes d’actes de terrorisme et d’autres infractions — FGTI) jikkumpensa lill-vittmi ta’ atti terroristiċi skont proċedura speċjali. Huwa jikkumpensa wkoll:

  • vittmi ta’ stupru, attakki sesswali, serq, frodi, ksur ta’ fiduċja, estorsjoni, jew qerda ta’ jew ħsara lil proprjetà.
  • vittmi ta’ reat li jirriżulta f’diżabbiltà permanenti jew inkapaċità totali għax-xogħol;
  • qraba tal-vittmi ta’ qtil jew ta’ omiċidju kolpevoli.

Sabiex tirċievi kumpens mill-Fond, vittma li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet trid tibgħat applikazzjoni diretta lill-bord ta’ kumpens tal-vittmi ta’ reati (CIVI) fil-qorti reġjonali tar-residenza prinċipali tal-applikant jew tal-post tal-qorti kriminali li tkun qiegħda tiġġudika r-reat.

L-applikazzjoni trid issir quddiem il-bord fi żmien tliet snin mid-data tar-reat. Dan il-perjodu huwa estiż b’sena mid-data tal-aktar sentenza kriminali reċenti.

Jekk ir-reat ikun twettaq fi Franza, il-kumpens jista’ jingħata lil:

  • detenturi ta’ ċittadinanza Franċiża;
  • ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Jekk ir-reat ikun twettaq barra minn Franza, jistgħu jiġu kkumpensati biss ċittadini Franċiżi.

1) F’każijiet ta’ korriment personali serju:

Il-vittma tista’ tikseb kumpens sħiħ għad-danni li jirriżultaw minn korriment personali meta r-reat ikun irriżulta f’mewt, mutilazzjoni jew diżabbiltà permanenti jew f’inkapaċità totali għax-xogħol ta’ xahar jew aktar, jew jekk ir-reat kien wieħed ta’ stupru, attakk sesswali, jew traffikar ta’ bnedmin.

Il-bord jikkunsidra l-benefiċċji mħallsa mill-korpi tal-benesseri soċjali, is-soċjetajiet reċiproċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, kumpaniji tal-assigurazzjoni, eċċ. Id-danni għall-ħwejjeġ jew materjali ma jiġux ikkumpensati.

2) Fil-każ ta’ korriment personali minuri u ħsara materjali li tirriżulta minn serq, frodi, ksur ta’ fiduċja, estorsjoni jew il-qerda ta’ jew ħsara lill-proprjetà:

Jekk il-vittma tkun ġarrbet ħsara fuq persuntha li tirriżulta f’inkapaċità totali għax-xogħol ta’ anqas minn xahar jew telf materjali b'riżultat ta’ wieħed minn dawn ir-reati, il-kumpens disponibbli jkun soġġett għal kundizzjonijiet stretti u jkun limitat b'livell massimu.

Sabiex tikkwalifika għal kumpens ta’ dan it-tip il-vittma trid tissodisfa l-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

  • ir-riżorsi tal-vittma ma jridux jaqbżu b'darba u nofs (1.5) il-livell massimu stabbilit għall-għajnuna legali parzjali (aġġustat għall-ispejjeż tal-familja);
  • il-vittma ma tridx tkun tista’ tikseb kumpens effettiv u suffiċjenti għad-danni kkawżati minn kumpanija tal-assigurazzjoni, korp tal-benesseri soċjali jew kwalunkwe korp ieħor li jista’ jkun responsabbli;
  • fil-każ ta’ telf materjali biss, il-vittma trid tkun f’sitwazzjoni materjali jew psikoloġika serja b'riżultat tar-reat.

Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-vittma tista’ tikkwalifika għal kumpens limitat għal EUR 4 500.

Jien intitolat għal kumpens jekk it-trażgressur ma jiġix ikkundannat?

Jekk l-akkużat ma jiġix ikkundannat, tista’ tressaq azzjoni ċivili li titlob kumpens għat-telf tiegħek f’qorti ċivili. Ikollok turi li l-awtur huwa responsabbli għad-danni li tkun ġarrabt.

Il-proċedimenti quddiem il-bord ta’ kumpens għall-vittmi ta’ reati kriminali (CIVI) huma indipendenti minn kwalunkwe proċedimenti fil-qrati kriminali, u vittma tista’ tippreżenta talba quddiem il-bord anke meta ma jkun hemm l-ebda sentenza jew deċiżjoni minn qorti kriminali u anke jekk l-akkużat jiġi lliberat.

Jien intitolat għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għal kumpens?

Fi proċedimenti quddiem il-bord ta’ kumpens għall-vittmi ta’ reati kriminali, tista’ titlob pagament interim jekk id-dritt ta’ kumpens tiegħek ma jiġix ikkuntestat u jekk it-telf tiegħek fl-aħħar nett ma jkunx jista’ jiġi determinat minħabba li ma tkunx tista’ tikkalkula l-ammont totali jew minħabba li l-korpi tal-benesseri soċjali ma jkunux għadhom qalulek x’somom se jħallsu lura. Jekk ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, jista’ minkejja dan jingħatalek pagament interim fid-diskrezzjoni tal-president tal-bord.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna