A. Għandi d-dritt li nappella mid-deċiżjoni tal-qorti?
Iva, jekk sentenza ta’ priġunerija ta’ aktar minn xahrejn tkun ingħatat minn qorti kriminali b’membru uniku jew ta’ aktar minn erba’ xhur minn qorti kriminali bi tliet membri jew ta’ mill-inqas sentejn minn qorti tal-ġurija mħallta, jew jekk il-konfinament f’faċilità speċjali ta’ detenzjoni tal-minorenni jew miżuri riformattivi jew terapewtiċi jkunu ġew imposti minn qorti tal-minorenni b’membru wieħed jew bi tliet membri.
B. X’għażliet oħra ta’ rikors għandi?
Inti tista’ tagħmel rikors għall-annullament tal-proċedimenti fi żmien 15-il jum jekk il-persuna akkużata li tkun instabet ħatja b’sentenza finali ma setgħetx, fi żmien debitu, għal raġunijiet ta’ force majeure jew għal kawżi irriversibbli oħra, tinnotifika lill-qorti, bi kwalunkwe mezz, b’impediment insormontabbli għad-dehra tagħha fil-proċess u titlob li s-seduta ta’ smigħ tiġi aġġornata. Tista’ tagħmel rikors ukoll għall-annullament ta’ deċiżjoni jekk il-post fejn tinsab il-persuna akkużata ma kienx magħruf fil-mument tal-kundanna tagħha, iżda magħruf meta ċ-ċitazzjoni ġiet innotifikata lilha.
C. X’inhuma l-konsegwenzi jekk niġi kkundannat?
i. Rekord kriminali
Il-kundanni finali kollha jiddaħħlu fir-rekord kriminali. Is-sentenzi kollha jiddaħħlu fil-kopja li hija disponibbli għal użu ġudizzjarju, filwaqt li sentenzi ta’ ħabs sa sitt xhur mhumiex irreġistrati fil-kopja li hija disponibbli għal użu ġenerali wara tliet snin, sentenzi sa ħames snin ma jiġux irreġistrati wara tmien snin u sentenzi ta’ aktar minn ħames snin ma jiġux irreġistrati wara 20 sena. Ladarba l-persuna tagħlaq 80 sena, jew ħames snin wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ sospensjoni, ir-rekord jinqered.
ii. Eżekuzzjoni ta’ sentenza, trasferiment ta’ priġunieri, probation u sanzjonijiet alternattivi
Jekk persuna tiġi kkundannata għal priġunerija għal inqas minn tliet snin, il-qorti tordna li l-eżekuzzjoni tas-sentenza tiġi sospiża għal perjodu ta’ bejn sena sa tliet snin, sakemm ma tqisx, għal raġunijiet speċifikament iddikjarati, li l-priġunerija hija assolutament meħtieġa sabiex il-persuna sentenzjata ma titħalliex twettaq reati ġodda. Il-Greċja tista’ tirrikonoxxi u teżekwixxi sentenzi li ngħataw fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u timponi piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, u tista’ tagħmel rikors għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza korrispondenti ta’ qorti nazzjonali indirizzata mill-Greċja lil Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Il-persuna sentenzjata trid tkun tinsab fl-Istat emittenti jew ta’ eżekuzzjoni. Il-kriminalità doppja trid tiġi vverifikata, bl-eċċezzjoni ta’ uħud mir-reati serji, li huma punibbli fl-Istat emittenti b’sentenza ta’ priġunerija ta’ mhux aktar minn tliet snin.